Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Is-Suq Uniku Diġitali: Telefonati orħos lejn pajjiżi oħra tal-UE mill-15 ta' Mejju

Brussell, it-13ta' mejju 2019

Mill-15 ta' Mejju, se jibda japplika prezz massimu ġdid għat-telefonati u l-SMS internazzjonali kollha ġewwa l-UE. B'hekk, il-konsumaturi li jkunu qed iċemplu minn pajjiżhom lejn pajjiż ieħor tal-UE se jħallsu ammont massimu ta' 19-il ċenteżmu l-minuta (+VAT) u 6 ċenteżmi għal kull SMS (+VAT).

Wara t-tmiem tat-tariffi tar-roaming f'Ġunju 2017, dawn il-limiti ġodda tal-prezzijiet għat-telefonati u għall-SMS internazzjonali fl-UE huma parti mir-riforma tar-regoli tat-telekomunikazzjonijiet fl-UE kollha biex tissaħħaħ il-koordinazzjoni tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u jissawwar ir-rwol tal-Korp ta' Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC).

Andrus Ansip, il-Viċi President għas-Suq Uniku Diġitali, qal: “Il-limiti tal-prezzijiet għat-telefonati ġewwa l-UE huwa eżempju konkret ta' kif is-Suq Uniku Diġitali jagħmel differenza lin-nies fil-ħajja tagħhom ta' kuljum. Fil-fatt, il-bini ta' Suq Uniku Diġitali ħoloq 35 dritt u libertà diġitali ġodda. B'mod ġenerali, ir-regoli l-ġodda tat-telekomunikazzjonijiet se jgħinu lill-UE biex tissodisfa l-ħtiġijiet dejjem akbar tal-Ewropej fil-qasam tal-konnettività u se jsaħħu l-kompetittività tal-UE.” 

Mariya Gabriel, il-Kummissarju għall-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali, stqarret: “Wara t-tneħħija tat-tariffi tar-roaming fl-2017, l-UE issa ħadet miżuri kontra t-tariffi eċċessivi għat-telefonati transfruntiera mid-dar. Bis-saħħa ta' dawn iż-żewġ azzjonijiet, il-konsumaturi Ewropej issa huma koperti b'mod komprensiv kontra l-ħasda bil-kont meta jkunu qed iċemplu kwalunkwe numru Ewropew, kemm mid-dar kif ukoll barra mill-pajjiż. Din hija waħda mill-ħafna kisbiet konkreti tas-Suq Uniku Diġitali.”

Ir-regoli l-ġodda għat-telefonati internazzjonali jindirizzaw diskrepanzi kbar fil-prezzijiet li kienu jeżistu qabel bejn l-Istati Membri. Bħala medja, il-prezz standard ta' telefonata intra-UE mobbli jew fissa kien tliet darbiet ogħla mill-prezz standard ta' telefonata nazzjonali u l-prezz standard ta' SMS intra-UE kien aktar minn darbtejn ogħla minn wieħed nazzjonali. F'xi każijiet, il-prezz standard ta' telefonata intra-UE jista' jkun sa għaxar darbiet ogħla mill-prezz standard tat-telefonati nazzjonali.

Stħarriġ ġdid tal-Ewrobarometru dwar it-telefonati internazzjonali juri li erbgħa minn għaxar rispondenti (42 %) ikkuntattjaw lil xi ħadd f'pajjiż ieħor tal-UE fix-xahar li għadda. 26 % tar-rispondenti qalu li użaw il-linja fissa, il-mowbajl jew SMS biex jikkuntattjaw lil xi ħadd f'pajjiż ieħor tal-UE.

L-operaturi tat-telekomunikazzjonijiet fl-UE kollha se jkollhom jinnotifikaw lill-konsumaturi bil-limiti l-ġodda tal-prezzijiet. Ir-regoli se japplikaw fit-28 pajjiż tal-UE kollha mill-15 ta' Mejju u dalwaqt ukoll fin-Norveġja, fl-Iżlanda u fil-Liechtenstein.

Il-prezz massimu huwa limitat biss għall-użu personali, jiġifieri għall-klijenti privati. Il-klijenti kummerċjali huma esklużi minn din ir-regolamentazzjoni tal-prezzijiet minħabba li bosta fornituri għandhom offerti speċjali li huma partikolarment attraenti għall-klijenti kummerċjali.

Kuntest

Ir-regoli l-ġodda tat-telekomunikazzjonijiet jwittu t-triq għal aktar investimenti fil-konnettività b'veloċità għolja u l-introduzzjoni bla xkiel tal-5G fl-UE.

Il-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (KEKE) u r-Regolament BEREC daħlu fis-seħħ f'Diċembru 2018. Filwaqt li l-Kodiċi jrid jiġi traspost fil-liġijiet nazzjonali sa tmiem l-2020, ir-Regolament BEREC jinkludi dati ta' applikazzjoni differenti. L-ewwel regola skont ir-regoli l-ġodda tat-telekomunikazzjonijiet li għandha tidħol fis-seħħ hija l-limitu massimu fuq it-telefonati internazzjonali.

Wara t-tmiem tat-tariffi tar-roaming f'Ġunju 2017, l-Ewropej issa jgawdu minn kopertura komprensiva kontra l-ħasda bil-kont meta jċemplu mid-dar u minn barra pajjiżhom.

Għal Aktar Informazzjoni

Mistoqsijiet u Tweġibiet: telefonati internazzjonali fl-UE

Stħarriġ tal-Ewrobarometru dwar it-telefonati intra-UE

Stqarrija għall-istampa: ftehim biex jiġu aġġornati r-regoli tal-UE dwar it-telekomunikazzjonijiet

Mistoqsijiet u Tweġibiet: regoli tal-UE dwar it-telekomunikazzjonijiet

Skeda informattiva: A Digital Single Market for the benefit of all Europeans (Suq Uniku Diġitali għall-benefiċċju tal-Ewropej kollha)  

Atti leġiżlattivi

IP/19/2429

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar

Videos