Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Is-saħħa fl-għaqda: Il-mexxejja tal-UE jħarsu 'l quddiem lejn futur komuni fis-summit ta' Sibiu

Brussell, is-7ta' mejju 2019

Fid-9 ta' Mejju 2019, il-mexxejja tal-UE se jiltaqgħu f'Sibiu, kif issuġġerixxa l-President Juncker fid-diskors tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni tal-2017, biex jiddiskutu l-aġenda strateġika tal-UE li jmiss għall-perjodu 2019-2024. Se jiskambjaw opinjonijiet dwar l-isfidi u l-prijoritajiet tal-UE għas-snin li ġejjin. L-aġenda attwali kienet maqbula f'Ġunju 2014 mill-Kunsill Ewropew u ssawret fl-10 prijoritajiet politiċi tal-Kummissjoni Juncker. Wara ħames snin, l-isforzi li saru biex jitwettqu dawk il-prijoritajiet taw riżultati tanġibbli għaċ-ċittadini, minkejja li matul it-triq kien hemm diffikultajiet mhux previsti, li qed ikomplu jippreżentaw sfidi serji għall-Unjoni tagħna. Filwaqt li tibni fuq ir-rakkomandazzjonijiet ta' politika dwar kif l-Ewropa tista' ssawwar il-futur tagħha ppreżentati l-ġimgħa li għaddiet, il-Kummissjoni llum qed tħares lura lejn dak li kisbet matul dawn l-aħħar ħames snin.

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean-Claude Juncker qal: “Meta ħadt il-mandat, għidt li din kienet l-aħħar opportunità tagħna biex nuru lill-Ewropej li l-Unjoni tagħhom taħdem għalihom. Għamilt l-aħħar ħames snin naħdem qatigħ biex inwettaq il-wegħdiet li għamilna. F'ċerti oqsma, nemmen li morna lil hinn minn dak li kien mistenni, f'oħrajn, jista' jkun li ma wasalniex għalkollox. Madankollu nemmen li dejjem aġixxejna fejn kien l-aktar meħtieġ. Issa l-UE trid tħares ‘il quddiem, filwaqt li nitgħallmu mill-esperjenzi tagħna u nibnu fuq is-suċċessi li nkiseb. Hemm bżonn li nkunu saħansitra ambizzjużi u ffukati aktar minn qatt qabel.”

Rekord sod

L-għaxar prijoritajiet tal-Kummissjoni Juncker iffukaw fuq l-aktar affarijiet għal qalb l-Ewropej: it-treġġigħ lura tal-impjiegi, it-tkabbir u l-investiment, it-tisħiħ tal-ġustizzja soċjali, il-ġestjoni tal-migrazzjoni, il-mitigazzjoni tat-theddid fuq is-sigurtà, l-isfruttament tal-potenzjal tat-tranżizzjonijiet diġitali u enerġetiċi, l-iżvilupp tal-UE f'attur globali aktar b'saħħtu u t-tisħiħ tat-trasparenza u l-leġittimità demokratika.

Sas-sajf tal-2018, il-Kummissjoni Juncker kienet ressqet il-proposti leġiżlattivi kollha li impenjat ruħha għalihom fil-bidu tal-mandat tagħha. B'kollox, il-Kummissjoni għamlet 471 proposta leġiżlattiva ġdida u rriportat 44 proposta oħra ppreżentati minn Kummissjonijiet preċedenti. Minn dawn, 348 proposta ġew adottati jew maqbula mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill matul il-mandat attwali.

Illum il-Kummissjoni ppubblikat sensiela ta' 20 skeda ta' informazzjoni li juru kif l-UE rnexxielha twettaq l-impenji li ħadet fl-2014 rigward l-aġenda strateġika tal-Kunsill Ewropew u rigward l-10 prijoritajiet politiċi tal-Kummissjoni Juncker.

Inħarsu 'l quddiem

Il-ġimgħa li għaddiet, il-Kummissjoni Ewropea stipulat ippreżentat għadd ta' rakkomandazzjonijiet ta' politika dwar kif l-Ewropa tista' ssawwar il-futur tagħha f'dinja dejjem aktar multipolari u inċerta. Il-Kummissjoni rrakkomandat li l-aġenda strateġika tal-UE għall-2019-2024 tiffoka fuq ħames dimensjonijiet ewlenin:

  • Ewropa li tipproteġi għaliex fid-dinja tal-lum il-paċi hija setgħa;
  • Ewropa kompetittiva li tinvesti fit-teknoloġiji ta' għada u tappoġġa l-aqwa assi tagħna: is-suq uniku, l-industrija u l-munita komuni tagħna;
  • Ewropa ġusta li tiddefendi l-prinċipji fundamentali tagħna tal-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u l-ġustizzja soċjali fid-dinja moderna;
  • Ewropa sostenibbli minn ta' quddiem fl-iżvilupp sostenibbli u fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima;
  • u Ewropa influwenti li tfittex li tiddefendi u taġġorna s-sistema bbażata fuq ir-regoli li qdietna tant tajjeb għal żmien twil.

 Il-mexxejja tal-UE27 fil-laqgħa ta' Sibiu issa jistgħu jisiltu minn dan kollu biex jistabbilixxu orjentazzjoni ġdida tal-politika u prijoritajiet ġodda għall-UE qabel l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew bejn it-23 u s-26 ta' Mejju 2019 u t-tibdil fit-tmexxija politika tal-istituzzjonijiet tal-UE li se jsegwi.

Il-President Juncker se jirrappreżenta lill-Kummissjoni Ewropea fil-laqgħa informali tal-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern tal-UE27 f'Sibiu fid-9 ta' Mejju 2019. Qabel dan, fit-8 ta' Mejju 2019, se jipparteċipa fi djalogu maċ-ċittadini flimkien mal-President Rumen Johannis fis-1800 CET.

Il-Kummissarji Thyssen u Navracsics se jkunu wkoll f'Sibiu, r-Rumanija biex jiftħu l-avveniment taż-żgħażagħ ‘Let's shape the future of Europe together' u biex jattendu ċ-ċerimonja tal-premjazzjoni tal-kompetizzjoni fotografika #MySocialEurope. Il-Kummissarju Navracsics se jqassam ukoll il-premjijiet lir-rebbieħa ta' kull xahar tal-kompetizzjoni fotografika ‘My magical European Solidarity Corps moment'.

Kuntest

Ħames snin ilu, il-Kunsill Ewropew iddefinixxa aġenda strateġika wiesgħa għall-Unjoni fi żminijiet ta' bidla. Din issawret aktar fil-forma tal-10 prijoritajiet politiċi tal-President Jean-Claude Juncker, żviluppati matul il-kampanja elettorali tiegħu u fi djalogu mal-Istati Membri u mal-Parlament Ewropew. Minn dak iż-żmien il-Kummissjoni Juncker kellha rekord tajjeb ħafna fit-twettiq tal-aġenda strateġika tagħha.

L-UE issa teħtieġ miri ġodda, ambizzjużi, realistiċi u ffukati għaċ-ċiklu politiku li jmiss.

F'Marzu 2017, qabel is-60 anniversarju tat-Trattati ta' Ruma, il-Kummissjoni ppubblikat il-White Paper dwar il-Futur tal-Ewropa. Din iddeskriviet ħames xenarji possibbli għall-futur tal-UE b'27 membru. Dan kien il-punt tat-tluq għal dibattitu wiesa' dwar il-futur tal-Ewropa, li issa jista' jispira l-prijoritajiet ta' politika ewlenin tal-aġenda strateġika li jmiss. Iċ-ċittadini ġew involuti fi kważi 1,600 djalogu u konsultazzjoni taċ-ċittadini.

Fid-diskors tal-2017 dwar l-Istat tal-Unjoni, il-President Juncker żvela pjan direzzjonali li jagħti dettalji dwar il-passi ewlenin lejn Unjoni aktar magħquda, aktar b'saħħitha u aktar demokratika. Fuq din il-bażi, il-mexxejja nazzjonali ltaqgħu f'Tallinn, l-Estonja, u qablu dwar Aġenda tal-Mexxejja – lista tal-kwistjonijiet u tal-isfidi l-aktar urġenti li għalihom għandhom jinstabu soluzzjonijiet, qabel l-elezzjonijiet Ewropej fl-2019.

Fid-9 ta' Mejju 2019, il-mexxejja tal-UE se jiltaqgħu f'Sibiu, ir-Rumanija, u huma mistennija li jilħqu l-quċċata ta' dan il-proċess b'impenn imġedded lejn UE li tagħti riżultati dwar il-kwistjonijiet li huma tassew importanti għan-nies. Huma se jirriflettu dwar l-aspirazzjonijiet politiċi tal-Unjoni tagħna u se jħejju l-aġenda strateġika għall-ħames snin li ġejjin.

Għal Aktar Informazzjoni

Skedi informattivi dwar l-10 prijoritajiet tal-Kummissjoni:

Il-Kontribut tal-Kummissjoni għall-aġenda strateġika 2019-2024

Avviż għall-media dwar is-summit ta' Sibiu

 

 

IP/19/2392

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar