Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Tbassir Ekonomiku għar-Rebbiegħa 2019: It-tkabbir ikompli b'pass aktar moderat

Brussell, is-7ta' mejju 2019

L-ekonomija Ewropea hija mbassra li tkompli tespandi għas-seba' sena konsekuttiva fl-2019, bil-PDG reali mistenni jikber fl-Istati Membri kollha tal-UE. Hekk kif l-inċertezzi globali jkomplu jinħassu, id-dinamiki domestiċi huma mistennija li jappoġġaw l-ekonomija Ewropea. It-tkabbir huwa mistenni li jerġa' jaqbad ir-ritmu s-sena li ġejja.

It-tnaqqis fir-ritmu tat-tkabbir globali u tal-kummerċ dinji, flimkien ma' inċertezzi kbar dwar il-politiki tan-negozju, qiegħed jaffettwa l-prospetti għat-tkabbir tal-Prodott Domestiku Gross (PDG) fl-2019 u l-2020. Id-dgħufija kontinwa tas-settur tal-manifattura wkoll għandha rwol, speċjalment f'dawk il-pajjiżi li qed jiltaqgħu ma' problemi speċifiċi fl-industrija tal-karozzi.

Valdis Dombrovskis, il-Viċi President għall-Euro u d-Djalogu Soċjali, responsabbli wkoll mill-Istabbiltà Finanzjarja, mis-Servizzi Finanzjarji u mill-Unjoni tas-Swieq Kapitali, qal: “L-ekonomija Ewropea qed turi reżiljenza fil-konfront ta' ambjent estern anqas favorevoli, inklużi t-tensjonijiet kummerċjali. It-tkabbir huwa mistenni li jkompli fl-Istati Membri kollha tal-UE u jjerġa' jaqbad ir-ritmu s-sena d-dieħla, bl-appoġġ ta' domanda domestika qawwija, titjib fl-impjiegi stabbli u kostijiet ta' finanzjament baxxi. Madankollu, għad hemm riskji kbar għall-prospettiva. Fuq in-naħa esterna, dawn jinkludu eskalazzjoni ulterjuri ta' kunflitti u dgħufija fil-kummerċ fi swieq emerġenti, b'mod partikolari ċ-Ċina. Fl-Ewropa, għandna nibqgħu attenti għall-possibbiltà ta' nuqqas ta' ftehim għall-Brexit, l-inċertezza politika u l-possibbiltà ta' ritorn taċ-ċirku vizzjuż bejn il-banek u s-sovrani.

Pierre Moscovici, il-Kummissarju għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji, it-Tassazzjoni u d-Dwana, qal: “L-ekonomija Ewropea se tkompli tikber fl-2019 u fl-2020. It-tkabbir jgħadu pożittiv fl-Istati Membri kollha tagħna u qed inkomplu naraw aħbarijiet tajbin rigward l-impjiegi, inklużi ż-żidiet fil-pagi. Dan ifisser li l-ekonomija Ewropea qed iżżomm fuq saqajha anki jekk għaddejja minn ċirkostanzi globali anqas favorevoli u inċertezza persistenti. Madankollu, jenħtieġ li nkunu lesti nipprovdu aktar appoġġ lill-ekonomija jekk ikun meħtieġ, flimkien ma' riformi ulterjuri li jsaħħu t-tkabbir. Fuq kollox, irridu nevitaw li nillimitaw ruħna għal protezzjoniżmu, li jista' biss jaggrava t-tensjonijiet soċjali u ekonomiċi eżistenti fis-soċjetajiet tagħna.”

It-tnaqqis fil-PDG se jilħaq l-aktar livell baxx tiegħu fl-2019

Hekk kif il-kummerċ u t-tkabbir globali huma mistennija li jibqgħu aktar dgħajfa din is-sena u s-sena li jmiss meta mqabbla mal-pass mgħaġġel fl-2017, it-tkabbir ekonomiku fl-Ewropa se jiddependi kompletament fuq l-attività domestika. Issa, aktar minn qatt qabel, hawn aktar Ewropej li qed jaħdmu u t-tkabbir tal-impjiegi huwa mistenni li jkompli, minkejja li b'pass aktar kajman. Dan, flimkien maż-żieda fil-pagi, l-inflazzjoni baxxa, kundizzjonijiet ta' finanzjament favorevoli u miżuri fiskali ta' appoġġ f'xi Stati Membri, huwa mistenni li jkun ta' appoġġ għad-domanda domestika. Kollox ma' kollox, il-PDG huwa mbassar li se jikber b' 1.4 % fl-UE din is-sena u b' 1.2 % fiż-żona euro.

Fl-2020, fatturi domestiċi negattivi huma mistennija li jonqsu u l-attività ekonomika barra l-UE tirkupra, appoġġata bit-tnaqqis tal-kundizzjonijiet finanzjarji globali u bl-istimolu tal-politika f'xi ekonomiji emerġenti. It-tkabbir tal-PDG is-sena d-dieħla huwa mbassar li jissaħħaħ ftit għal 1.6 % fl-UE u 1.5 % fiż-żona euro. Iċ-ċifri għall-2020 jibbenefikaw ukoll minn għadd akbar ta' jiem ta' xogħol dik is-sena.

Il-qgħad ikompli jonqos

Il-kundizzjonijiet tas-suq tax-xogħol komplew jitjiebu minkejja t-tnaqqis fit-tkabbir lejn l-aħħar tal-2018. Filwaqt li għadu għoli f'ċerti Stati Membri, il-qgħad fl-UE - 6,4% f'Marzu 2019 - niżel għall-aktar rata baxxa rreġistrata mill-bidu tas-serje tad-data mensili f'Jannar 2000. Il-qgħad fiż-żona euro attwalment jinsab fl-aktar rata baxxa mill-2008.

Matul is-sentejn li ġejjin, ir-rata ta' tkabbir fl-impjiegi hija mistennija tonqos hekk kif l-impatt ta' tkabbir aktar moderat jagħmel tiegħu u jonqsu l-miżuri fiskali temporanji f'xi Stati Membri. Ir-rata tal-qgħad hija mistennija li tkompli tonqos fl-UE fl-2019 u mistennija li tilħaq 6.2% fl-2020. Ir-rata tal-qgħad fiż-żona euro hija mbassra li tonqos għal 7.7 % fl-2019 u għal 7.3 % fl-2020, anqas milli kienet qabel bdiet il-kriżi fl-2007.

L-inflazzjoni se tibqa' mrażżna

L-inflazzjoni fl-UE hija mistennija li tinżel għal 1.6 % din is-sena qabel ma titla' għal 1.7 % fl-2020. L-inflazzjoni ta' bażi taż-żona euro naqset minn 1.9 % fl-aħħar tliet xhur tal-2018 għal 1.4 % fl-ewwel kwart ta' din is-sena minħabba żidiet aktar baxxi fil-prezzijiet tal-enerġija. Billi l-inflazzjoni tal-prezzijiet tal-enerġija mistennija tkompli timmodera aktar fit-trimestri li ġejjin u billi ma tant jidher li t-tkabbir ogħla tal-pagi qed ikebbes il-pressjonijiet sottostanti fuq il-prezzijiet, l-inflazzjoni taż-żona euro (Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur) hija mbassra li tilħaq 1.4 % kemm fl-2019 kif ukoll fl-2020.

Id-dejn pubbliku se jkompli jonqos minkejja tkabbir aktar baxx

Il-proporzjonijiet tad-dejn mal-PDG huma previsti li jaqgħu fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri fl-2019 u l-2020 peress li d-defiċits jibqgħu baxxi u t-tkabbir nominali tal-PDG għandu jibqa' ogħla mir-rata medja tal-imgħax fuq id-dejn pendenti. Jekk wieħed jassumi li ma jkun hemm l-ebda bidla fil-politika, il-proporzjon tad-dejn mal-PDG tal-UE huwa mbassar li jonqos minn 81.5 % fl-2018 għal 80.,2 % fl-2019 u 78.8 % fl-2020. Il-proporzjon ta' dejn għall-PDG aggregat taż-żona euro għandu jinżel minn 87.1 % fl-2018 għal 85.8 % fl-2019 u 84.3 % fl-2020.

Id-defiċit aggregat tal-gvern tal-UE huwa mistenni li jiżdied minn 0.6 % tal-PDG fl-2018 għal 1 % kemm fl-2019 kif ukoll fl-2020. Huwa mistenni wkoll li jiżdied fiż-żona euro, minn 0.5 % tal-PDG fl-2018 għal 0.9 % fl-2019 u li jibqa' l-istess fl-2020, jekk wieħed jassumi li mhu se jkun hemm ebda bidla fil-politika. Iż-żieda din is-sena hija prinċipalment dovuta għal tkabbir anqas mgħaġġel tal-PDG u politiki fiskali espansjonarji f'xi Stati Membri.

Għad hemm riskji importanti għall-prospettiva.

Ir-riskji negattivi għall-prospettiva jibqgħu importanti. Ir-riskju ta' miżuri protezzjonisti madwar id-dinja u t-tnaqqis attwali fir-ritmu tat-tkabbir tal-PDG u fil-kummerċ dinji jista' jirriżulta aktar persistenti milli mistenni, b'mod partikolari jekk it-tkabbir fiċ-Ċina jiddiżappunta. Fl-Ewropa, ir-riskji jinkludu dak ta' Brexit ta' ebda ftehim u l-possibbiltà li l-interruzzjonijiet temporanji li bħalissa huma ta' piż fuq il-manifattura jkollhom effett aktar fit-tul. Hemm ukoll ir-riskju li żieda fl-inċertezza politika u politiki anqas favorevoli għat-tkabbir jistgħu jirriżultaw fl-irtirar mill-investiment privat.

Mil-lat pożittiv, il-konsum privat u l-investiment fl-UE jistgħu jkunu aktar reżiljenti milli mistenni, partikolarment jekk il-fiduċja fost in-negozji u l-konsumaturi tkun anqas sensittiva għal inċertezza u ostakli domestiċi, u jekk dan ikun akkumpanjat minn miżuri ta' politika fiskali aktar b'saħħithom minn dawk preżunti f'pajjiżi bi spazju fiskali u riformi li jsaħħu t-tkabbir.

Għar-Renju Unit, preżunzjoni purament teknika għall-2019

Fid-dawl tal-proċess tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE, il-previżjonijiet għall-2019 u l-2020 huma bbażati fuq preżunzjoni purament teknika ta' status quo f'dak li jirrigwarda x-xejriet kummerċjali bejn l-UE27 u r-Renju Unit. Dan huwa biss għal finijiet ta' tbassir u ma għandu l-ebda effett fuq il-proċess li għadu għaddej fil-kuntest tal-Artikolu 50.

Sfond

Dan it-tbassir huwa bbażat fuq sett ta' preżunzjonijiet tekniċi li jikkonċernaw ir-rati tal-kambju, ir-rati tal-imgħax u l-prezzijiet tal-komoditajiet b'data limitu tal-24 ta' April 2019. Rigward id-data kollha l-oħra li dieħla, inklużi l-preżunzjonijiet dwar il-politiki governattivi, din il-previżjoni tqis l-informazzjoni sat-23 ta' April u b'mod li tinkludi din id-data.

Dment li ma jiġux imħabbra politiki b'mod kredibbli u speċifikati fid-dettall, il-projezzjonijiet mhuma jassumu l-ebda tibdil fil-politika.

It-tbassir li jmiss min-naħa tal-Kummissjoni Ewropea se jikkonsisti f'aġġornament tal-PDG kif ukoll fi projezzjonijiet għall-inflazzjoni fit-Tbassir Ekonomiku tas-Sajf 2019.

Għal aktar informazzjoni

Id-dokument sħiħ: Tbassir Ekonomiku għar-Rebbiegħa 2019:

Segwi lill-Viċi President Dombrovskis fuq Twitter: @VDombrovskis

Segwi lill-Kummissarju Moscovici fuq Twitter: @pierremoscovici

Segwi lil DĠ ECFIN fuq Twitter: @ecfin

Skeda informattiva: Progress dwar is-Sitwazzjoni Ekonomika

L-istqarrija għall-istampa preċedenti: Tbassir Ekonomiku għax-Xitwa 2019: it-tkabbir jonqos fost inċertezzi dinjin

 

IP/19/2388

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar