Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Maġġoranza kbira tal-Ewropej huma mħassba dwar it-telfien tal-bijodiversità u jappoġġaw azzjoni tal-UE aktar b'saħħitha biex tipproteġi n-natura

Brussell, is-6ta' mejju 2019

Skont stħarriġ ġdid, l-Ewropej huma dejjem aktar imħassbin dwar l-istat tad-dinja naturali. B'kunsens ġenerali, 96 % ta' aktar minn 27 000 ċittadin intervistat iddikjaraw li għandna r-responsabbiltà li nipproteġu n-natura u li din hija essenzjali wkoll biex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima.

L-istħarriġ tal-Ewrobarometru jiżvela li b'mod ġenerali qed tiżdied il-kuxjenza dwar it-tifsira tal-bijodiversità, l-importanza u t-theddidiet tagħha u l-miżuri biex jipproteġuha. L-opinjonijiet taċ-ċittadini huma konformi mal-miri tal-istrateġija tal-UE dwar il-bijodiversità sal-2020 li għandhom l-għan li jwaqqfu t-telfien tal-bijodiversità u tas-servizzi tal-ekosistema, u mal-objettivi tad-Direttivi tal-UE dwar l-Għasafar u l-Ħabitats li huma s-sinsla tal-politika tal-UE għall-protezzjoni tan-natura. L-istħarriġ tal-Ewrobarometru sar qabel l-ewwel valutazzjoni globali tal-istat tan-natura u tal-post li għandha l-umanità fiha, li se titnieda aktar tard illum mill-Pjattaforma Intergovernattiva tal-Politika tax-Xjenza dwar il-Bijodiversità u s-Servizzi Ekosistemiċi (IPBES).

Il-Kummissarju tal-UE għall-Ambjent, l-Affarijiet Marittimi u s-Sajd, Karmenu Vella, qal: Mill-aħħar stħarriġ tal-Ewrobarometru dwar il-Bijodiversità joħroġ biċ-ċar li: l-Ewropej jgħożżu ħafna n-natura u l-bijodiversità; dawn jirrikonoxxu li t-tibdil fil-klima u t-telfien tal-bijodiversità huma żewġ naħat tal-istess munita u jistennew li l-UE taġixxi biex tissalvagwardja n-natura. Flimkien mal-evidenza xjentifika soda li se tkun ippreżentata aktar tard illum mill-IPBES, il-Kummissjoni għandha kemm dmir kif ukoll mandat biex taħdem favur ftehim globali b'saħħtu għan-natura u għan-nies fl-2020.”

L-elementi ewlenin tal-istħarriġ il-ġdid tal-Ewrobarometru dwar il-Bijodiversità jinkludu:

Iż-żieda tal-familjarità mat-terminu “bijodiversità”, b'aktar minn 70 % tal-Ewropej li ddikjaraw li semgħu bih.

L-akbar theddidiet perċepiti għall-bijodiversità huma t-tniġġis tal-arja, tal-ħamrija u tal-ilma, id-diżastri kkawżati mill-bniedem u t-tibdil fil-klima. Il-biedja intensiva, il-forestrija intensiva u s-sajd eċċessiv, li huma bil-bosta l-kawżi ewlenin għat-telfien tal-bijodiversità, qed jiġu rikonoxxuti dejjem aktar, għalkemm mhux minn kulħadd, bħala theddidiet kbar għall-bijodiversità.

Mill-aħħar Ewrobarometru dwar il-bijodiversità li sar fl-2015, żdied il-fehim taċ-ċittadini dwar l-importanza tal-bijodiversità għall-bnedmin. Il-maġġoranza l-kbira taċ-ċittadini jqisu li għandna r-responsabbiltà li nieħdu ħsieb in-natura (96 %) u li dan huwa essenzjali biex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima (95 %). Kien hemm ukoll żieda sinifikanti f'dawk li jaqblu kompletament li l-bijodiversità hija indispensabbli għall-produzzjoni tal-ikel, tal-fjuwil u tal-mediċini (91 %) u f'dawk li jqisu li l-bijodiversità u n-natura b'saħħitha huma importanti għall-iżvilupp ekonomiku fi-tul (92 %).

Il-biċċa l-kbira tal-Ewropej mhumiex lesti li jissagrifikaw in-natura fiż-żoni protetti għall-iżvilupp ekonomiku. Mill-inqas żewġ terzi tar-rispondenti jqisu li ż-żoni ta' protezzjoni tan-natura, bħal Natura 2000, huma importanti ħafna biex jipproteġu l-annimali u l-pjanti fil-periklu (71 %), jipprevjenu l-qerda taż-żoni naturali ta' valur kbir fuq l-art u fil-baħar (68 %) u biex jissalvagwardjaw ir-rwol tan-natura fil-produzzjoni ta' ikel, arja nadifa u ilma (67 %).

Il-biċċa l-kbira taċ-ċittadini jqisu lill-UE bħala livell leġittimu biex tieħu azzjoni dwar il-bijodiversità u s-servizzi tal-ekosistema. Ir-rispondenti tal-istħarriġ jistqarru li l-aktar azzjonijiet importanti li l-UE għandha tieħu biex tipproteġi l-bijodiversità huma li tieħu azzjonijiet biex jikkumpensaw għall-ħsara tan-natura u tal-bijodiversità u li tinforma aħjar liċ-ċittadini dwar l-importanza tal-bijodiversità.

Sfond

Dan l-istħarriġ twettaq fit-28 Stat Membru tal-UE bejn l-4 u l-20 ta' Diċembru 2018. Kien hemm madwar 27,643 rispondent minn gruppi soċjali u demografiċi differenti li ġew intervistati wiċċ imb wiċċ id-dar bil-lingwa materna tagħhom.

L-aħħar stħarriġ “Attitudnijiet tal-Ewropej għall-Bijodiversità” tfassal biex jiġu esplorati l-kuxjenza u l-fehmiet taċ-ċittadini Ewropej dwar il-bijodiversità u n-natura. Dan ikompli fejn ħalla stħarriġ preċedenti dwar l-istess kwistjonijiet li ġie ppubblikat f'Ottubru 2015 (EB Speċjali 436) u dan ir-rapport jinkludi paraguni dwar it-tendenzi mal-istħarriġ tal-2015. Dan l-istħarriġ tfassal biex jesplora: il-kuxjenza tat-terminu “bijodiversità”; il-perċezzjonijiet tal-akbar theddidiet għall-bijodiversità; il-perċezzjonijiet tar-raġunijiet biex jitwaqqaf it-telfien tal-bijodiversità; x'għandha tagħmel l-UE biex tipprevjeni t-telfien tal-bijodiversità; u l-għarfien dwar in-netwerk Natura 2000, l-importanza perċepita taż-żoni ta' protezzjoni tan-natura u l-attitudnijiet lejn l-iżviluppi li jistgħu jkunu ta' ħsara għal dawn iż-żoni.

Ir-riżultati tal-Ewrobarometru waslu f'mument kruċjali fejn it-telfien tal-bijodiversità qed jiġbed l-attenzjoni tal-midja globali u qed ikollu pożizzjoni aktar prominenti fuq l-aġenda politika internazzjonali. L-ewwel valutazzjoni globali tal-bijodiversità u tas-servizzi tal-ekosistema, li se titnieda dalwaqt mill-Pjattaforma Intergovernattiva tal-Politika tax-Xjenza dwar il-Bijodiversità u s-Servizzi Ekosistemiċi (IPBES), tipprovdi evidenza xjentifika soda dwar l-istat tal-bijodiversità tad-dinja u dwar l-għażliet tal-umanità biex tiġi evitata kriżi ekoloġika. Illum, waqt il-Laqgħa tal-Ministri għall-Ambjent tal-G7 li se ssir f'Metz, se tiġi adottata wkoll il-Karta ta' Metz dwar il-Bijodiversità, li se ssaħħaħ l-impenn politiku biex jitwaqqaf it-telfien tal-bijodiversità u biex fl-2020 jintlaħaq ftehim globali b'saħħtu għan-natura u għan-nies waqt il-konferenza internazzjonali dwar il-bijodiversità li jmiss taħt il-qafas tal-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Bijodiversità.

Għal Aktar Informazzjoni

Stħarriġ tal-Ewrobarometru

L-istqarrija għall-istampa dwar il-Valutazzjoni Globali tal-Bijodiversità tal-IPBES

IP/19/2360

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar