Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-Ġimgħa Ewropea taż-Żgħażagħ 2019: “Jien u d-demokrazija”

Brussell, id-29ta' april 2019

Il-Ġimgħa Ewropea taż-Żgħażagħ issir kull sentejn. Tiċċelebra u tippromwovi attivitajiet immirati lejn iż-żgħażagħ permezz ta' avvenimenti organizzati fil-pajjiżi kollha li jipparteċipaw fil-programm Erasmus+.

Mid-29 ta' April sal-5 ta' Mejju, se sseħħ id-disa' edizzjoni tal-Ġimgħa Ewropea taż-Żgħażagħ madwar l-Ewropa. It-tema ta' din is-sena hija “Jien u d-demokrazija”. Flimkien mal-attivitajiet li se jsiru matul il-ġimgħa fil-pajjiżi parteċipanti kollha, fid-29 u fit-30 ta' April l-avvenimenti ewlenin fi Brussell se jlaqqgħu flimkien mijiet ta' żgħażagħ biex isemmgħu leħinhom.

Fid-dawl tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew li ġejjin mit-23 sas-26 ta' Mejju, id-dibattiti matul il-Ġimgħa Ewropea taż-Żgħażagħ ta' din is-sena se jiffukaw fuq kif iż-żgħażagħ jistgħu jkunu attivi fil-komunitajiet tagħhom u jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet demokratiċi.

Fit-30 ta' April, il-Kummissarju għall-Edukazzjoni, il-Kultura, iż-Żgħażagħ u l-Isport, Tibor Navracsics, se jospita Djalogu taċ-Ċittadini maż-żgħażagħ, kif ukoll dibattitu ewlieni fil-Parlament Ewropew fi Brussell, fejn se jiġbor aktar minn 800 żagħżugħ u żagħżugħa li se jiddiskutu l-parteċipazzjoni demokratika, kif ukoll l-impatt tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà fuq iż-żgħażagħ, l-NGOs u l-komunitajiet lokali.

Qabel tibda l-Ġimgħa Ewropea taż-Żgħażagħ, il-Kummissarju Navracsics qal: “Infaħħar din il-ġenerazzjoni ta' żgħażagħ Ewropej li huma attivi, impenjati u lesti li jsostnu lil ħaddieħor. Issa hemm kważi 125,000 żagħżugħ u żagħżugħa rreġistrati mal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà, li jindika b'mod ċar ir-rieda taż-żgħażagħ biex jinvolvu ruħhom fis-soċjetà. L-aħħar stħarriġ tal-Ewrobarometru dwar iż-żgħażagħ żvela li tlieta minn kull erba' żgħażagħ jgħidu li kienu attivi f'xi forma ta' attività ċivika, kemm billi jivvutaw, jingħaqdu ma' moviment, jiffirmaw petizzjoni online jew permezz ta' volontarjat. Ninsab kburi u nħeġġeġ liċ-ċittadini żgħażagħ jimmobilizzaw lil sħabhom biex jivvutaw fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew li ġejjin sabiex ikollhom leħen fit-tiswir tal-ġejjieni tagħhom.”

Ir-riżultati tal-istħarriġ tal-Ewrobarometru li ħareġ illum juru li għal aktar minn żewġ terzi taż-żgħażagħ (67 %), il-prijorità numru wieħed għal azzjoni tal-UE matul l-għaxar snin li ġejjin għandha tkun il-ħarsien tal-ambjent u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. It-tieni u t-tielet prijoritajiet li identifikaw huma t-titjib tal-edukazzjoni u t-taħriġ, inkluż il-moviment liberu ta' studenti jew apprendisti (56 %) u l-ġlieda kontra l-faqar u l-inugwaljanzi ekonomiċi u soċjali (56 %). Barra minn hekk, 72 % taż-żgħażagħ intervistati jgħidu li, minn meta setgħu jipparteċipaw fl-elezzjonijiet sal-lum, ivvutaw fl-elezzjonijiet lokali, nazzjonali jew Ewropej. L-istħarriġ indirizza madwar 11,000 żagħżugħ u żagħżugħa ta' bejn il-15 u t-30 sena f'Marzu 2019. Il-parteċipanti se jkollhom l-opportunità li jiddiskutu dawn it-temi u suġġetti oħrajn fl-avvenimenti tal-Ġimgħa Ewropea taż-Żgħażagħ.

Minbarra dan, illum (id-29 ta' April), il-Kummissarju Navracsics se jippreżenta r-riżultati tal-Premjijiet Altiero Spinelli għas-Sensibilizzazzjoni tal-2018. Din l-edizzjoni tal-Premju Altiero Spinelli ffokat b'mod partikolari fuq iż-żgħażagħ, u se tippremja proġetti li jtejbu l-għarfien kritiku tagħhom tal-Unjoni Ewropea u l-motivazzjoni tagħhom biex jipparteċipaw fil-proċessi demokratiċi li se jsawru l-futur tagħha. Din l-edizzjoni attirat 79 applikazzjoni, u l-ħames proġetti rebbieħa se jiġu ppremjati matul avveniment fi Brussell.

Kuntest

Il-Ġimgħa Ewropea taż-Żgħażagħ issir kull sentejn. Tiċċelebra u tippromwovi attivitajiet immirati lejn iż-żgħażagħ permezz ta' avvenimenti organizzati fil-pajjiżi kollha li jipparteċipaw fil-programm Erasmus+. Flimkien mal-avvenimenti ewlenin fi Brussell, qed jiġu organizzati mijiet ta' attivitajiet u avvenimenti fuq livell lokali. Matul il-Ġimgħa Ewropea taż-Żgħażagħ preċedenti fl-2017, ipparteċipaw 112,000 żagħżugħ u żagħżugħa minn madwar l-Ewropa, il-Maċedonja ta' Fuq, l-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja, is-Serbja u t-Turkija.

Il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà, li huwa wieħed mis-suġġetti ewlenin tal-edizzjoni ta' din is-sena, tħabbar mill-President tal-Kummissjoni Jean-Claude Juncker fid-diskors tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni tal-2016. Liż-żgħażagħ ta' bejn it-18 u t-30 sena, joffrilhom l-opportunità li jieħdu sehem f'firxa wiesgħa ta' attivitajiet ta' solidarjetà madwar l-UE u lil hinn minnha. Minn mindu tnieda fis-7 ta' Diċembru 2016, kważi 125,000 żagħżugħ u żagħżugħa irreġistraw mal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà, u kważi 15,000 parteċipant bdew l-attività tagħhom.

Il-Premjijiet Altiero Spinelli, li ngħataw għall-ewwel darba fl-2017, huma inizjattiva tal-Parlament Ewropew implimentata mill-Kummissjoni Ewropea. Il-Premjijiet għandhom l-għan li jixħtu dawl fuq xogħlijiet eċċezzjonali li jsaħħu l-fehim taċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea u l-motivazzjoni tagħhom biex jipparteċipaw fil-proċess demokratiku. 

Matul il-Ġimgħa Ewropea taż-Żgħażagħ tal-2019, il-Kummissjoni se tippubblika wkoll ċifri ġodda dwar l-użu tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ u tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ. Il-Garanzija għaż-Żgħażagħ hija inizjattiva ewlenija tal-UE biex jitrawmu l-impjiegi għaż-żgħażagħ, billi tiżgura li ż-żgħażagħ kollha taħt il-25 sena jirċievu offerti għal impjieg ta' kwalità tajba, edukazzjoni, apprendistati jew traineeships kontinwi f'perjodu ta' erba' xhur minn meta jsiru qiegħda jew wara li jitilqu mill-edukazzjoni formali.

Għal aktar informazzjoni

Il-Ġimgħa Ewropea taż-Żgħażagħ

Il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà

Ir-riżultati tal-Premju Altiero Spinelli tal-2018

Ewrobarometru: “Kif se nibnu Ewropa iktar b'saħħitha u iżjed magħquda?” – L-opinjonijiet taż-żgħażagħ

Il-programm Erasmus+

Il-Kampanja EUandME

IP/19/2255

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar