Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

It-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE għall-2019: ir-riżultati juru l-ħtieġa kontinwa li tiġi protetta l-indipendenza ġudizzjarja

Brussell, is-26ta' april 2019

Illum, il-Kummissjoni Ewropea qed tippubblika t-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE għall-2019, li tagħti ħarsa komparattiva lejn l-indipendenza, il-kwalità u l-effiċjenza tas-sistemi ġudizzjarji fl-Istati Membri tal-UE.

Hija tagħti informazzjoni lill-awtoritajiet nazzjonali biex tgħinhom itejbu s-sistemi ġudizzjarji tagħhom. Hemm taħlita ta' riżultati li juru titjib relattiv fir-rigward tal-effiċjenza tas-sistemi ġudizzjarji u l-kwalità tal-ġustizzja. Fl-istess ħin, it-Tabella ta' Valutazzjoni turi li hemm sfidi li qed jikbru fir-rigward tal-perċezzjoni tal-indipendenza ġudizzjarja.

Věra Jourová, il-Kummissarju Ewropew għall-Ġustizzja, il-Konsumaturi u l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri qalet: “It-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE 2019 ġiet fi żmien meta l-isfidi għall-istat tad-dritt qed jiżdiedu f'xi postijiet fl-Ewropa. Ninsab kuntenta li qed nara li ħafna pajjiżi qed ikomplu jtejbu l-ġudikatura tagħhom. Minkejja dan, xi pajjiżi oħrajn qed ireġġgħu lura x-xejriet pożittivi. Għad hemm wisq ċittadini tal-UE li ma jarawx is-sistemi ġudizzjarji tagħhom bħala indipendenti u li qed idumu jistennew ħafna biex issir ġustizzja. ”

Is-seba' edizzjoni tat-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE tkompli tiżviluppa l-indikaturi differenti u tkompli tapprofondixxi l-fokus tagħha fuq l-indipendenza ġudizzjarja, bħala element ewlieni biex ikun iggarantit l-istat tad-dritt fl-Istati Membri.

Wieħed mill-elementi l-ġodda tat-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE għall-2019 huwa li tagħti ħarsa ġenerali lejn ir-reġimi dixxiplinarji rigward imħallfin fis-sistemi ġudizzjarji nazzjonali u s-salvagwardji fis-seħħ biex jiġi evitat il-kontroll politiku ta' deċiżjonijiet ġudizzjarji. It-Tabella ta' Valutazzjoni tippreżenta wkoll id-distribuzzjoni ta' poteri fost is-sistemi ġudizzjarji tas-servizzi ta' prosekuzzjoni nazzjonali, inkluża l-ħatra u t-tkeċċija tal-prosekuturi, li huma indikaturi ewlenin għall-indipendenza ta' servizz tal-prosekuzzjoni.

 

Is-sejbiet ewlenin tal-edizzjoni tal-2019 jinkludu:

  • Xi tendenzi pożittivi dwar l-effiċjenza tas-sistemi ġudizzjarji: it-Tabella ta' Valutazzjoni turi li matul tmien snin (2010-2017), ġew osservati żviluppi pożittivi fil-parti l-kbira tal-Istati Membri li fis-Semestru Ewropew kienu identifikati li qed jiffaċċjaw sfidi speċifiċi. Mill-2010 ‘l hawn, fi kważi dawk l-Istati Membri kollha, it-tul tal-proċedimenti tal-qorti tal-prim' istanza naqas jew għallanqas baqa' stabbli. Barra minn hekk, il-proċedimenti tal-prim' istanza fil-kawżi tal-qorti dwar ħasil tal-flus, bħala medja jistgħu jieħdu sa sena. Madankollu, f'xi Stati Membri li qed jaffaċċjaw sfidi f'dan il-qasam, il-proċedimenti għadhom jistgħu jieħdu sentejn jew aktar.
  • L-isfidi fir-rigward tal-perċezzjoni ta' indipendenza ġudizzjarja qed jikbru: Skont stħarriġ tal-Ewrobarometru ppubblikat illum, f'żewġ terzi tal-Istati Membri, il-perċezzjoni tal-indipendenza ġudizzjarja, meta mqabbla mal-2016, tjiebet. Madankollu, meta mqabbla mas-sena li għaddiet, il-perċezzjoni tal-pubbliku dwar l-indipendenza naqset f'madwar tlieta minn kull ħames Stati Membri [1] . L-interferenza jew pressjoni politika possibbli hija r-raġuni ewlenija għan-nuqqas ta' indipendenza perċepita tal-qrati u tal-imħallfin. Għas-servizzi tal-prosekuzzjoni nazzjonali, it-Tabella ta' Valutazzjoni turi li f'xi Stati Membri hemm tendenza li jikkonċentraw is-setgħat ta' ġestjoni, bħall-evalwazzjoni, il-promozzjoni u t-trasferiment tal-prosekuturi, f'idejn awtorità waħda.
  • Il-kwalità tal-ġustizzja: b'mod ġenerali, fl-2017 in-nefqa totali tal-gvern fuq il-qrati tal-liġi baqgħet stabbli madwar l-UE. Biex titjieb il-kwalità tas-sentenzi (fuq il-bażi ta' data min-netwerks ġudizzjarji Ewropej), il-parti l-kbira tal-qrati jipprovdu taħriġ speċifiku lill-imħallfin dwar l-istruttura u l-istil tar-raġunament u l-abbozzar tas-sentenzi. F'xi Stati Membri l-utenti tal-qorti jistgħu jitolbu kjarifiki għad-deċiżjonijiet tal-qorti. Meta mqabbel mas-snin preċedenti, l-aċċess online għal sentenzi tal-qorti tjieb, b'mod speċjali fir-rigward tal-pubblikazzjoni tas-sentenzi tal-ogħla istanza: Illum, 19-il Stat Membru jippubblikaw is-sentenzi ċivili/kummerċjali u amministrattivi kollha.

 

Il-passi li jmiss

Ir-riżultati tat-Tabella ta' Valutazzjoni għall-2019 kienu diġà tqiesu għall-valutazzjoni speċifika għall-pajjiż fi ħdan is-Semestru Ewropew tal-2019. Ir-riżultati se jalimentaw ukoll it-tħejjija tal-proposti tal-Kummissjoni għar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2019.

Dawn ir-rakkomandazzjonijiet ta' politika huma diskussi bejn l-Istati Membri fil-Kunsill. Il-mexxejja tal-UE japprovawhom f'Ġunju qabel ma l-Kunsill jaddottahom f'Lulju. Imbagħad il-gvernijiet jinkorporaw ir-rakkomandazzjonijiet fil-pjanijiet ta' riforma tagħhom u fil-baġits nazzjonali għas-sena ta' wara.

 

Kuntest

It-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE, imnedija fl-2013, hija waħda mill-għodod f'Is-sett ta' għodod tal-istat tad-dritt tal-UE użati mill-Kummissjoni biex tissorvelja r-riformi tal-ġustizzja mwettqa mill-Istati Membri u tikkontribwixxi għas-Semestru Ewropew. It-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE tivvaluta l-indipendenza, il-kwalità u l-effiċjenza tas-sistemi ġudizzjarji nazzjonali. Dan l-istrument komparattiv huwa kkumplimentat minn evalwazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż, ippreżentati fir-Rapporti tal-Pajjiżi, li permezz tagħhom tkun tista' ssir analiżi aktar profonda bbażata fuq il-kuntest legali u istituzzjonali nazzjonali.

It-Tabella ta' Valutazzjoni tiffoka fuq it-tliet elementi ta' sistema ġudizzjarja effettiva:

  • Effiċjenza: indikaturi dwar it-tul tal-proċedimenti, ir-rata ta' għeluq tal-każijiet u l-għadd ta' kawżi pendenti.
  • Kwalità: indikaturi dwar l-aċċessibbiltà, bħall-għajnuna legali u l-miżati tal-qorti, it-taħriġ, il-monitoraġġ tal-attivitajiet tal-qorti, il-baġit, ir-riżorsi umani u l-istandards dwar il-kwalità tas-sentenzi.
  • Indipendenza: indikaturi dwar l-indipendenza ġudizzjarja perċepita fost il-pubbliku ġenerali u l-kumpaniji, dwar salvagwardji relatati ma' mħallfin u salvagwardji relatati mal-funzjonament tas-servizzi tal-prosekuzzjoni nazzjonali.

It-titjib fl-effettività tas-sistemi ġudizzjarji nazzjonali huwa prijorità stabbilita sew tas-Semestru Ewropew - iċ-ċiklu annwali tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika tal-UE. It-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE tgħin lill-Istati Membri biex jakkwistaw din l-effettività billi tipprovdi ħarsa ġenerali komparattiva annwali lejn il-funzjonament tas-sistemi ġudizzjarji nazzjonali. Meta jiġu identifikati sfidi serji fir-rapporti tal-pajjiżi individwali, il-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni, jadotta rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż.

 

Għal Aktar Informazzjoni 

It-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE għall-2019

Sommarju tat-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE għall-2019: Skeda informattiva

Graffs annotati biċ-ċifri kollha

Mistoqsijiet u Tweġibiet

Ewrobarometru dwar il-“Perċezzjoni fost il-pubbliku ġenerali rigward l-indipendenza tas-sistemi ġudizzjarji nazzjonali fl-UE”

Ewrobarometru dwar il-“Perċezzjoni fost il-kumpaniji rigward l-indipendenza tas-sistemi ġudizzjarji nazzjonali fl-UE”

Rapporti tal-Pajjiżi tas-Semestru Ewropew tal-2019

Komunikazzjoni dwar it-tisħiħ ulterjuri tal-Istat tad-Dritt fl-Unjoni

Skeda informattiva Is-sett ta' għodod tal-istat tad-dritt tal-UE

 

 

[1] AT, NL, DE, LU, BE, EE, EL, CZ, PT, HU, RO, PL, ES, BG, SK, HR

 

 

IP/19/2232

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar