Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Dikjarazzjoni Konġunta tal-UE u tal-Istati Uniti: l-Istati Uniti huma l-fornitur prinċipali tal-fażola tas-sojja fl-Ewropa, b'importazzjonijiet li żdiedu b'121 %

Brussell, is-16ta' april 2019

Ċifri ġodda rrilaxxati llum mill-Kummissjoni Ewropea juru li l-importazzjonijiet ta' fażola tas-sojja tal-Istati Uniti mill-Unjoni Ewropea żdiedu b'121 % matul is-sena ta' kummerċjalizzazzjoni attwali (minn Lulju 2018 sa nofs April 2019), meta mqabbel mal-istess perjodu fis-sena ta' qabel.

B'sehem ta' 72 % tal-importazzjonijiet ta' fażola tas-sojja fl-UE, l-Istati Uniti llum huma l-fornitur numru wieħed tal-Ewropa. Min-naħa l-oħra, l-Ewropa hija d-destinazzjoni ewlenija tal-esportazzjonijiet ta' fażola tas-sojja tal-Istati Uniti bi 22 %, segwita miċ-Ċina (18 %) u mill-Messiku (9 %).

Wieħed mill-objettivi tad-Dikjarazzjoni Konġunta, kif miftiehem bejn il-Presidenti Juncker u Trump fil-25 ta' Lulju 2018, kien iż-żieda tal-kummerċ f'għadd ta' oqsma u prodotti, inkluż il-fażola tas-sojja. Il-Kummissjoni Ewropea qiegħda żżomm mal-impenn li ħadet u ilha tippubblika fuq bażi regolari ċ-ċifri tal-importazzjonijiet tal-UE ta' fażola tas-sojja mill-Istati Uniti. Illum qiegħed jiġi ppreżentat il-ħames rapport ta' aġġornament dwar il-kummerċ tal-fażola tas-sojja mal-Istati Uniti.

Ir-rapport tal-lum juri li:

  • Meta mqabbel mal-ewwel 42 ġimgħa tas-sena ta' kummerċjalizzazzjoni 2017/2018 (minn Lulju sa nofs April), l-importazzjonijiet tal-UE ta' fażola tas-sojja mill-Istati Uniti żdiedu b'121 % għal 8,244,594 tunnellata fis-sena ta' kummerċjalizzazzjoni attwali;
  • F'termini tal-importazzjonijiet totali tal-UE ta' fażola tas-sojja, issa s-sehem tal-Istati Uniti laħaq it-72 %, meta mqabbel ma' 36 % fl-istess perjodu fis-sena li għaddiet. B'hekk l-Istati Uniti qabżu sew lill-Brażil (21 %), it-tieni fornitur prinċipali tal-UE, li hu segwit mill-Ukrajna (2.3 %), mill-Kanada (1.8 %) u mill-Paragwaj (0.7 %).

F'Jannar 2019, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-fażola tas-sojja tal-Istati Uniti tissodisfa r-rekwiżiti tekniċi sabiex tintuża fil-bijofjuwils fl-UE. Din id-deċiżjoni toħloq il-kundizzjonijiet biex dawn l-esportazzjonijiet ikomplu jiżdiedu, bir-riżultat li jitkattru wkoll l-opportunitajiet tas-suq tagħhom fl-Ewropa.

L-Istati Uniti huma wkoll l-iktar oriġini importanti għall-importazzjonijiet agroalimentari tal-UE inġenerali. L-iktar ċifri reċenti juru li minn Frar 2018 sa Jannar 2019, il-valur tal-importazzjonijiet agroalimentari mill-Istati Uniti żdied b'14 %. Dan jirrappreżenta żieda fil-valur ta' €1.5 biljun, prinċipalment minħabba ż-żieda fl-importazzjonijiet ta' fażola tas-sojja, ta' pasta taż-żrieragħ żejtnin tal-fażola tas-sojja u ta' diversi prodotti oħra.

Sfond

L-UE timporta madwar 14-il miljun tunnellata ta' fażola tas-sojja fis-sena bħala sors ta' proteini biex jingħalfu l-annimali tagħna, fosthom it-tiġieġ, il-ħnieżer u l-bhejjem tal-ifrat, kif ukoll għall-produzzjoni tal-ħalib. Inzerta li l-fażola tas-sojja mill-Istati Uniti hija alternattiva ta' għalf attraenti ħafna għall-importaturi u għall-utenti Ewropej minħabba l-prezzijiet kompetittivi tagħha.

Id-data inkluża fir-rapport ippubblikat illum dwar il-fażola tas-sojja ġejja mill-Osservatorju tas-Suq tal-Għelejjel li l-Kummissjoni Ewropea varat f'Lulju 2017 biex tikkondividi d-data dwar is-suq azzjonarju u l-analiżi fuq medda qasira ta' żmien sabiex tiżgura iktar trasparenza.

Għal iktar informazzjoni

Anness

Stampa 1

Stampa 2

Stampa 3

IP/19/2154

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar