Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

L-Unjoni tas-Swieq Kapitali: Il-Parlament Ewropew jappoġġa l-miżuri ewlenin biex tingħata spinta lill-impjiegi u t-tkabbir

Brussell, it-18ta' april 2019

Il-Kummissjoni tilqa' l-votazzjonijiet finali tal-Parlament Ewropew dwar il-leġiżlazzjoni li tistabbilixxi l-elementi kostitwenti ta' Unjoni tas-Swieq Kapitali (CMU).

Din l-adozzjoni ta' għadd sostanzjali ta' proposti tikkostitwixxi pass ieħor 'il quddiem fit-tlestija tas-CMU, waħda mill-ogħla prijoritajiet politiċi tal-Kummissjoni Juncker.

Il-proġett tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali kien fil-qalba ta' din l-ambizzjoni tal-Kummissjoni li tagħti spinta lit-tkabbir fl-Ewropa, tinvesti fl-innovazzjoni u tippromwovi l-kompetittività globali tal-UE. Issa li ntlaħaq ftehim fuq 11 minn 13-il proposta, is-CMU se ssir mutur reali ta' investiment fis-Suq Uniku, u se tipprovdi sorsi addizzjonali ta' finanzjament lill-kumpaniji tal-UE u opportunitajiet għaċ-ċittadini biex jiffrankaw għall-futur tagħhom. Is-CMU talloka l-investiment għal proġetti li jirrispettaw l-ambjent, u b'hekk tikkontribwixxi għall-aġenda sostenibbli u newtrali għall-karbonju tal-UE. CMU b'saħħitha hija wkoll meħtieġa biex tikkumplimenta l-Unjoni Bankarja sabiex issaħħaħ l-Unjoni Ekonomika u Monetarja u r-rwol internazzjonali tal-ewro.

Il-Viċi President tal-Kummissjoni Valdis Dombrovskis, li huwa responsabbli għall-Istabbiltà Finanzjarja, is-Servizzi Finanzjarji u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali, qal: “L-Unjoni tas-Swieq Kapitali se tippermetti lill-kumpaniji jsibu aktar opportunitajiet ta' finanzjament kemm lokalment kif ukoll madwar l-Unjoni u jipprovdu lill-konsumaturi b'aktar għażliet biex jiffrankaw għall-futur tagħhom. Is-sorsi alternattivi ta' finanzjament ibbażati fuq is-suq huma partikolarment importanti għall-finanzjament tal-innovazzjoni, l-intraprenditorija u n-negozji ġodda, li huma l-muturi ewlenin tal-ħolqien tal-impjiegi. Filwaqt li l-proġett se jkun ta' benefiċċju għall-Istati Membri kollha, se jsaħħaħ ukoll b'mod partikolari l-Unjoni Ekonomika u Monetarja billi jippromwovi l-kondiviżjoni tar-riskju privat.”

Jyrki Katainen, il-Viċi President tal-Kummissjoni responsabbli mill-Impjiegi, it-Tkabbir, l-Investiment u l-Kompetittività, qal: “Il-Kummissjoni wettqet l-impenn tagħha li tistabbilixxi s-sisien ta' Unjoni tas-Swieq Kapitali sal-2019. Is-CMU tikkontribwixxi direttament għall-impenn tal-Kummissjoni Juncker biex tingħata spinta lill-investiment, l-impjiegi u t-tkabbir billi jiġi ddiversifikat il-finanzjament ibbażat fuq is-suq għall-kumpaniji Ewropej. Aħna poġġejna l-pedamenti għas-CMU u l-isforzi għandhom ikomplu fil-mandat li jmiss sabiex in-negozji kbar u żgħar, l-investituri u dawk li jfaddlu jkunu jistgħu jkomplu jgawdu mill-benefiċċji.”

B'mod ġenerali, il-proposti kollha adottati se jikkontribwixxu biex jespandu l-objettivi tas-CMU ta' finanzjament innovattiv u joħolqu aktar opportunitajiet ta' investiment mil-livell lokali għal dak Ewropew. Kull waħda minnhom tkopri ambitu speċifiku ta' azzjoni:

Fondi ta' Investiment Kollettiv: Bit-tneħħija tal-ostakli regolatorji għall-fondi ta' investiment u r-regoli nazzjonali diverġenti, din il-proposta se żżid il-kompetizzjoni u tiffaċilita d-distribuzzjoni fl-UE tal-fondi ta' investiment, li se jagħti lill-investituri aktar għażla, valur aħjar u aktar protezzjoni.

Rieżami tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej (ASE): Dan ir-rieżami se jagħmel is-sistema Ewropea ta' superviżjoni finanzjarja aktar effettiva u effiċjenti. Fost bosta objettivi, ir-riforma se tiggarantixxi wkoll li s-superviżjoni tar-riskji tal-ħasil tal-flus fis-settur finanzjarju tkun proattiva u rapida. Hija se tiżgura li r-regoli jkunu infurzati b'mod ugwali madwar l-UE u se tagħti lill-Awtorità Bankarja Ewropea (ABE) rwol ta' koordinazzjoni fl-oqsma tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu.

Rieżami tad-ditti tal-investiment: Din il-leġiżlazzjoni riveduta se tiżgura regoli aktar proporzjonati u superviżjoni aħjar għad-ditti tal-investiment kollha fuq il-kapital, il-likwidità u rekwiżiti oħra tal-immaniġġjar tar-riskji, filwaqt li jiġu żgurati kundizzjonijiet ugwali bejn istituzzjonijiet finanzjarji kbar u sistemiċi. Se ssaħħaħ u tiċċara wkoll ir-regoli ta' ekwivalenza għall-forniment ta' servizzi ta' investiment minn ditti ta' pajjiżi terzi.

Bonds koperti: Din il-leġiżlazzjoni se trawwem l-iżvilupp ta' strumenti finanzjarji maħruġa mill-banek biex jiffinanzjaw l-ekonomija madwar l-UE, grazzi għal qafas armonizzat tal-UE.

Swieq tat-tkabbir ta' intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs): Ir-regoli adottati se jagħmluha irħas u aktar sempliċi għall-SMEs biex jaċċessaw is-swieq pubbliċi permezz ta' kategorija ġdida ta' ċentri tan-negozjar iddedikati għall-emittenti żgħar.

Rekwiżiti ta' żvelar dwar investimenti sostenibbli: Bħala parti mill-Pjan ta' Azzjoni dwar il-Finanzi Sostenibbli, dawn ir-regoli se jsaħħu u jtejbu l-iżvelar tal-informazzjoni “ħadra” mill-manifatturi ta' prodotti finanzjarji u konsulenti finanzjarji lejn l-investituri finali.

Regolamentazzjoni dwar l-infrastruttura tas-suq Ewropew (EMIR) 2.2: Din il-leġiżlazzjoni se tiżgura superviżjoni aktar robusta u effettiva tal-kontropartijiet ċentrali (CCPs) li joffru servizzi lill-UE. Finalment, dan se jikkontribwixxi għall-preservazzjoni tal-istabbiltà finanzjarja fl-UE.

REFIT tal-EMIR: Din ir-riforma se tipprovdi regoli aktar sempliċi u proporzjonati għal derivattivi over-the-counter, u se tgħin biex jitnaqqsu l-ispejjeż u l-piżijiet regolatorji għall-parteċipanti tas-suq mingħajr ma tikkomprometti l-istabbiltà finanzjarja.

IP/19/2130

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar