Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-Kummissjoni tniedi dibattitu dwar proċess iktar effiċjenti għat-teħid tad-deċiżjonijiet fil-qasam tal-politika soċjali tal-UE

Strasburgu, is-16ta' april 2019

Illum il-Kummissjoni qed tniedi diskussjoni dwar kif il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet jista' jsir iktar effiċjenti fil-livell tal-UE fil-qasam soċjali.

Fid-diskors tiegħu tal-2018 dwar l-Istat tal-Unjoni, il-President Juncker ħabbar reviżjoni komprensiva tal-klawżoli “passerelle” kollha li t-Trattati tal-UE jipprevedu. Minħabba f'hekk, diġà ġew adottati tliet Komunikazzjonijiet — waħda dwar il-politika estera u ta' sigurtà komuni (f'Settembru tal-2018), waħda dwar it-tassazzjoni (f'Jannar tal-2019) u waħda dwar l-enerġija u l-klima (f'April tal-2019). Il-Komunikazzjoni dwar il-klawżoli “passerelle” fil-qasam tal-politika soċjali hija r-raba' waħda minn din is-serje ta' Komunikazzjonijiet.

Il-biċċa l-kbira tal-oqsma tal-politika soċjali li fihom l-UE għandha s-setgħa taġixxi diġà huma suġġetti għall-votazzjoni b'maġġoranza kwalifikata. Dan ippermetta li, tul is-snin, jiġi implimentat acquis soċjali komprensiv u, taħt din il-Kummissjoni, ittieħdu passi ulterjuri sinifikanti f'dan ir-rigward. Madankollu, għad hemm bżonn tal-unanimità fost l-Istati Membri tal-UE u ta' proċeduri leġiżlattivi speċjali fil-każ ta' għadd limitat ta' oqsma, li fihom il-Parlament Ewropew m'għandux rwol ugwali għal dak tal-Kunsill fit-teħid tad-deċiżjonijiet.

Il-Viċi President għall-Ewro u d-Djalogu Soċjali, l-Istabbiltà Finanzjarja, is-Servizzi Finanzjarji u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali, Valdis Dombrovskis, qal hekk: “Sabiex inwieġbu għall-bidla rapida fis-soċjetà u fis-swieq tax-xogħol, se jkollna bżonn ta' proċess ta' teħid tad-deċiżjonijiet fil-qasam tal-politika soċjali li jkun f'waqtu, flessibbli u effiċjenti fil-livell tal-UE. Il-Komunikazzjoni li qed tiġi ppubblikata llum qed tiftaħ id-dibattitu dwar kif nistgħu nużaw id-dispożizzjonijiet li jeżistu fit-Trattati għal dan il-għan. Hija tiffoka fuq każijiet fejn hemm valur miżjud ċar tal-UE u għandha l-għan li toħloq kultura ta' kompromess u ta' teħid tad-deċiżjonijiet li tkun twieġeb għall-bżonnijiet taċ-ċittadini li jkollhom suq uniku ġust.”

Il-Kummissarju għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali, il-Ħiliet u l-Mobilità tal-Ħaddiema, Marianne Thyssen, qalet hekk: “Minkejja d-diversità tagħhom, fl-aħħar mill-aħħar l-Istati Membri kollha qed jaħdmu qatigħ biex ikollna soċjetà iktar ġusta msejsa fuq opportunitajiet indaqs u ekonomija soċjali tas-suq li tibqa' valida fil-futur. Id-dinja tax-xogħol qed tinbidel u aħna rridu nkunu kapaċi nużaw għalkollox l-istrumenti li għandna għad-dispożizzjoni tagħna sabiex niffaċċjaw l-isfidi komuni tagħna.

Il-fatt li f'ċerti oqsma tal-politika relatati ma' xulxin il-votazzjoni ssir kemm b'maġġoranza kwalifikata u kemm bl-unanimità wassal biex l-acquis tal-politika soċjali żviluppa b'mod żbilanċjat. Filwaqt li, b'mod ġenerali, l-istandards ta' protezzjoni huma għoljin u komprensivi, għad hemm nuqqasijiet fil-protezzjoni f'ċerti każijiet. Barra minn hekk, minkejja li l-Parlament Ewropew jirrappreżenta liċ-ċittadini li jibbenefikaw b'mod dirett mill-politika soċjali tal-UE, il-proċeduri leġiżlattivi speċjali ma jagħtuhx rwol prominenti u ugwali fit-teħid tad-deċiżjonijiet u, f'dawn il-każijiet, ta' spiss dan jiġi kkonsultat biss. F'dawn iż-żminijiet ta' bidla rapida u xi kultant fundamentali, huwa importanti iktar minn qatt qabel li l-UE tkun kapaċi tagħti, malajr, tweġibiet effettivi tal-politika.

Permezz ta' din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni qed tniedi dibattitu dwar użu mtejjeb tal-votazzjoni b'maġġoranza kwalifikata fil-qasam tal-politika soċjali biex b'hekk it-teħid tad-deċiżjonijiet isir iktar f'waqtu, iktar flessibbli u iktar effiċjenti f'każijiet fejn l-UE diġà għandha l-kompetenza taġixxi. It-Trattati tal-UE jipprevedu din il-possibbiltà għal diversi oqsma speċifiċi permezz tal-hekk imsejħin “klawżoli “passerelle”” (ara t-taqsima dwar il-kuntest). Dawn il-klawżoli jippermettu bidla mill-votazzjoni bl-unanimità għall-votazzjoni b'maġġoranza kwalifikata f'ċerti ċirkustanzi partikulari.

Wara li qieset il-merti ta' kull każ u l-isfidi marbutin miegħu, il-Kummissjoni qed tipproponi, bħala l-ewwel pass, li jitqies l-użu tal-klawżola “passerelle” biex jiġi ffaċilitat it-teħid tad-deċiżjonijiet fil-qasam tan-nondiskriminazzjoni. Dan se jgħin biex tkompli tiġi żviluppata l-ugwaljanza fil-protezzjoni mid-diskriminazzjoni. Fil-futur qarib, l-użu tal-klawżola “passerelle” jista' jitqies ukoll biex jiġu adottati rakkomandazzjonijiet fil-qasam tas-sigurtà soċjali u tal-protezzjoni soċjali tal-ħaddiema. Dan se jgħin biex tingħata gwida b'rabta mal-proċess tal-immodernizzar u tal-konverġenza tas-sistemi tal-protezzjoni soċjali.

Il-bidla lejn il-votazzjoni b'maġġoranza kwalifikata ma twassalx għal bidla f'min jagħmel xiex. Il-kamp ta' applikazzjoni u l-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-UE se jibqgħu l-istess. Pereżempju, l-Istati Membri se jkomplu jkollhom ir-responsabbiltà jiddeċiedu dwar il-karatteristiċi tas-sistemi tal-protezzjoni soċjali tagħhom stess. Is-sħab soċjali se jżommu l-kompetenzi tagħhom u t-tradizzjonijiet tad-djalogu soċjali fil-livell nazzjonali se jibqgħu kif inhuma. L-Unjoni se tkompli tiffoka azzjonitha fuq fejn hemm bżonn u fuq fejn din tista' twassal għal benefiċċji ċari, kif previst fit-Trattati.

Skont l-Artikolu 48(7) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-Kunsill Ewropew ikun irid jiddeċiedi b'unanimità, mingħajr oġġezzjoni min-naħa tal-parlamenti nazzjonali u bil-kunsens tal-Parlament Ewropew biex jattiva din il-klawżola “passerelle”.

Il-passi li jmiss

Il-Kummissjoni qed tistieden lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni, lis-sħab soċjali u lill-partijiet ikkonċernati kollha jieħdu sehem f'dibattitu miftuħ dwar l-użu mtejjeb tal-votazzjoni b'maġġoranza kwalifikata u tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja fil-qasam tal-politika soċjali abbażi ta' din il-Komunikazzjoni.

Il-kuntest

Għadd limitat ta' oqsma fil-qasam tal-politika soċjali tal-UE għadhom suġġetti għall-unanimità fil-Kunsill u għal proċeduri leġiżlattivi speċjali li fihom il-Parlament Ewropew m'għandux rwol ugwali fit-teħid tad-deċiżjonijiet.

Dawn l-oqsma huma:

  • in-nondiskriminazzjoni abbażi ta' diversi raġunijiet (is-sess, ir-razza jew l-oriġini etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età u l-orjentazzjoni sesswali);
  • is-sigurtà soċjali u l-protezzjoni soċjali tal-ħaddiema (minbarra s-sitwazzjonijiet transfruntiera);
  • il-protezzjoni tal-ħaddiema mis-sensji;
  • ir-rappreżentanza u d-difiża kollettiva tal-interessi tal-ħaddiema u ta' min iħaddem; u
  • il-kundizzjonijiet tal-impjieg taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li joqogħdu legalment fl-UE.

Għal aktar informazzjoni

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea msejħa “Proċess iktar effiċjenti għat-teħid tad-deċiżjonijiet fil-qasam tal-politika soċjali: identifikazzjoni tal-oqsma għal bidla mtejba lejn il-votazzjoni b'maġġoranza kwalifikata”

Il-MEMO msejħa “Mistoqsijiet u tweġibiet marbutin ma' proċess iktar effiċjenti għat-teħid tad-deċiżjonijiet fil-qasam tal-politika soċjali”

L-iskeda informattiva msejħa “Kif nistgħu ntejbu l-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet fil-qasam tal-politika soċjali tal-UE?”

Id-Dokument taċ-Ċentru Ewropew ta' Strateġija Politika dwar il-“klawżoli passerelle”

Segwi lil Marianne Thyssen fuq Facebook u fuq Twitter

Abbona b'xejn għall-bullettin tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-impjiegi, l-affarijiet soċjali u l-inklużjoni, li tirċevih bil-posta elettronika

IP/19/2118

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar