Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Prinċipji ta' Regolamentazzjoni Aħjar: fil-qalba tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE

Brussell, il-15ta' april 2019

Illum, il-Kummissjoni Ewropea qed tieħu kont tal-miżuri introdotti taħt il-Kummissjoni ta' Juncker biex jinkisbu riżultati aħjar għaċ-ċittadini u n-negozji tal-UE permezz ta' tfassil ta' politika aktar miftuħ, trasparenti u bbażat fuq l-evidenza.

Ir-rapport tal-lum juri li l-isforzi biex ir-regolamentazzjoni aħjar titqiegħed fil-qalba tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet, irnexxew. Dan is-suċċess għandu jiġi kkonsolidat u sostnut sabiex inkunu nistgħu nkomplu nagħmlu aktar titjib.

L-Ewwel Viċi President, Frans Timmermans qal: “Jeżisti rikonoxximent mifrux li aħna qed nagħtu eżempju, u n-nies jistennew mingħandna li nsostnu l-impenn tagħna għal regolamentazzjoni aħjar. Ir-regolamentazzjoni aħjar issa hija integrata fid-DNA tat-teħid ta' deċiżjonijiet Ewropej. Issa rridu nrawmu u nsaħħu l-isforzi tagħna, speċjalment f'dinja post-fatti li fiha qed tiġi sfidata n-nisġa proprja tad-dibattitu demokratiku u tal-awtorità xjentifika tagħna.”

Il-Kummissjoni Juncker, filwaqt li titgħallem mil-lezzjonijiet tal-imgħoddi, impenjat ruħha li taġixxi biss fejn l-UE żżid il-valur u li tagħmel dan abbażi tal-aħjar evidenza disponibbli, filwaqt li tħares lejn l-impatti ekonomiċi, soċjali u ambjentali u tevita l-ispejjeż żejda. L-isforzi tagħna ġew rikonoxxuti internazzjonalment mill-OECD li kklassifikat il-politika regolatorja tal-UE bħala waħda mill-aħjar fl-2018. Wara li ġiet ippreżentata l-Aġenda għal Regolamentazzjoni Aħjar fl-2015, issa huwa l-mument adatt li fih għandu jittieħed kont tal-isforzi tal-Kummissjoni biex tikkonsolida u ssostni din il-kultura istituzzjonali ġdida u tislet tagħlimiet għall-ġejjieni.

Tagħlimiet miksuba u titjib għall-ġejjieni

Ir-riżultati tal-eżerċizzju ta' rendikont huma ċari: regolamentazzjoni aħjar tejbet il-mod kif issir il-politika tal-UE. Hemm domanda mifruxa għal regolamentazzjoni aħjar biex tkompli tkun parti integrali mill-mod ta' kif taħdem il-Kummissjoni filwaqt li tittejjeb dejjem aktar:

  • Niftħu t-tfassil tal-politika: Mill-2015 'l hawn, il-Kummissjoni organizzat aktar minn 400 konsultazzjoni pubblika li fihom kienu involuti miljuni ta' Ewropej. Pereżempju, il-konsultazzjoni dwar l-arranġamenti għall-ħin tas-sajf irċeviet 4.6 miljun tweġiba u l-konsultazzjoni dwar l-evalwazzjoni tad-Direttiva dwar l-Għasafar u l-Ħabitats aktar minn nofs miljun. Il-portal il-ġdid “Semma' Leħnek”, punt uniku ta' kuntatt għall-Ewropej biex jikkontribwixxu għat-tfassil tal-politika tal-UE, ġie kkonsultat kważi 900,000 darba fl-2018. Fil-ġejjieni, jenħtieġ li nfittxu modi kif inżidu s-sensibilizzazzjoni dwar opportunitajiet differenti biex nikkontribwixxu għat-tfassil tal-politika tal-UE. Dan imbagħad jgħin biex jinvolvi lill-pubbliku fit-tfassil tal-politika b'mod aktar effettiv.
  • Għodod aħjar għal politiki aħjar: Il-valutazzjonijiet tal-impatt u l-evalwazzjonijiet jipprovdu bażi soda għat-teħid ta' deċiżjonijiet politiċi filwaqt li ma jissostitwixxuhiex. Il-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju li għadu kemm ġie stabbilit – li r-rapport annwali l-ġdid tiegħu jista' jinstab hawnhekk – jiggarantixxi l-kwalità ta' dawn l-analiżijiet ta' appoġġ. B'mod ġenerali, il-valutazzjoni tal-impatt saret fil-maġġoranza l-kbira ta' każijiet li kellhom bżonn ta' waħda. F'75 % tal-każijiet, din il-valutazzjoni kienet tiddependi fuq evalwazzjoni ta' dak li diġà kien hemm – u dan juri li l-prinċipju “evalwa l-ewwel” qed jiġi applikat dejjem aktar. Fl-istess ħin, xi sitwazzjonijiet kienu jeħtieġu adattamenti u eċċezzjonijiet għal prattiki ta' regolamentazzjoni aħjar meta kien meħtieġ li jiġu indirizzati l-ħtiġijiet politiċi urġenti, bħal tul il-kriżi tal-migrazzjoni. Barra minn hekk, il-kwalità u l-iskedi ta' żmien ta' għodod ta' regolamentazzjoni aħjar xorta għad jistgħu jittejbu.
  • Nagħmlu l-leġiżlazzjoni tal-UE adattata għall-iskop tagħha: Il-Kummissjoni ppreżentat madwar 150 inizjattiva ta' simplifikazzjoni li jnaqqsu l-piżijiet amministrattivi bla bżonn filwaqt li jappoġġaw l-għanijiet tal-politika. Il-Kummissjoni wieġbet ukoll għal kważi 90 opinjoni mill-Pjattaforma REFIT il-ġdida stabbilita. Leġiżlazzjoni eħfef u anqas ta' piż ittejjeb l-implimentazzjoni, il-konformità u l-infurzar, u eventwalment twassal għal riżultati aħjar, speċjalment għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju. Iżda jeħtieġ li nkunu aħjar fil-qsim u fl-approfondiment tal-prattiki tagħna.
  • Regolamentazzjoni aħjar tfisser sforz komuni: Hija responsabbiltà konġunta tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill, tal-Kummissjoni, u tal-Istati Membri biex iwettqu u jimplimentaw leġiżlazzjoni tal-UE ta' kwalità għolja li tkun adattata għall-iskop tagħha u mingħajr livelli ta' kumplessità bla bżonn. Il-Kummissjoni tista' tiffaċilita ċertu titjib iżda ma tistax tiżgurah kompletament weħidha. Pereżempju, il-konsultazzjonijiet pubbliċi jistgħu jilħqu udjenza ħafna usa' jekk ikunu involuti istituzzjonijiet oħra fil-livell tal-UE, nazzjonali, reġjonali u lokali. Barra minn hekk, l-impatt tal-emendi mill-Parlament u/jew mill-Kunsill għall-proposti tal-Kummissjoni jeħtieġ li jiġi analizzat b'mod aktar sistematiku. L-Istati Membri jistgħu jirrapportaw ukoll b'mod aktar trasparenti dwar il-miżuri nazzjonali meħuda biex jimplimentaw il-liġi tal-UE b'mod partikolari meta tali miżuri jmorru lil hinn minn dak li huwa meħtieġ mil-liġi tal-UE (l-hekk imsejħa “gold-plating”).

 Fid-29 ta' April, il-Kummissjoni se torganizza konferenza biex tqis l-isforzi ta' regolamentazzjoni aħjar, tiskambja l-fehmiet ma' komunitajiet ta' partijiet ikkonċernati mis-soċjetà ċivili, mill-kummerċ, mir-riċerka, mill-awtoritajiet pubbliċi u mis-sħab soċjali u tiddiskuti modi possibbli 'l quddiem (aktar informazzjoni dwar il-konferenza hawnhekk)

Kuntest

Din ir-Regolamentazzjoni Aħjar hija l-bażi tal-ħidma tal-Kummissjoni biex twettaq l-għaxar prijoritajiet politiċi tal-President Juncker, filwaqt li tiżgura li l-Kummissjoni taġixxi biss meta l-UE ġġib valur miżjud u tagħmel dan bl-aktar mod effettiv u bl-anqas piżijiet possibbli.

Fl-2015, il-Kummissjoni adottat L-Aġenda (tagħha) għal Regolamentazzjoni Aħjar billi bidlet il-metodi ta' ħidma interni u l-proċessi ta' ppjanar tagħha. Aħna inkorporajna regolamentazzjoni aħjar f'kull stadju taċ-ċiklu tal-ippjanar u tal-ipprogrammar u wettaqna programmi ta' ħidma annwali ssimplifikati. Ir-regolamentazzjoni aħjar tikkonċerna l-professjonalizzazzjoni ta' kull aspett tat-tfassil tal-politika tagħna u ż-żamma tiegħu xieraq għad-dinja tal-lum.

L-Aġenda għal Regolamentazzjoni Aħjar ġabet il-bidliet li ġejjin, fost l-oħrajn:

  • Semma' Leħnek issa tippermetti liċ-ċittadini jipparteċipaw fil-proċess leġiżlattiv fl-istadji kollha, inkluż fir-rispons dwar abbozzi ta' atti ta' implimentazzjoni u atti delegati;
  • Il-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju , jiżgura l-oġġettività u l-kredibbiltà tal-bażi ta' evidenza li fuqha huma bbażati d-deċiżjonijiet politiċi tal-Kummissjoni;
  • Il-Kummissjoni impenjat ruħha li dejjem tevalwa liġi eżistenti qabel ma tirrevediha (il-prinċipju “Evalwa l-ewwel”);
  • Issa hemm pjattaforma li tiġbor rispons mis-soċjetà ċivili dwar kif jistgħu jittejbu l-liġijiet eżistenti tal-UE u tagħmel suġġerimenti li l-Kummissjoni Ewropea hija impenjata li twieġeb għalihom – il-Pjattaforma REFIT

Għal Aktar Informazzjoni

Skeda informattiva — Regolamentazzjoni Aħjar: inqisu u nsostnu l-impenn tagħna

Il-Komunikazzjoni - Regolamentazzjoni Aħjar: inqisu u nsostnu l-impenn tagħna

Ir-Rapport annwali tal-2018 tal-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju

Is-Sit web dwar Regolamentazzjoni Aħjar

Stejjer ta' suċċess fuq Semma' Leħnek” – filmati

Regolamentazzjoni Aħjar: Messaġġ bil-vidjo ta' FVP Timmermans

 

IP/19/2117

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar