Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Xjenzjati ffinanzjati mill-UE jiżvelaw l-ewwel immaġni li qatt ittieħdet ta' toqba sewda (black hole(s))

Brussell, I-10ta' april 2019

Illum il-Kummissjoni qed tiżvela l-ewwel immaġni li qatt ittieħdet ta' toqba sewda meħuda minn “Event Horizon Telescope”, kollaborazzjoni xjentifika globali li tinvolvi xjenzati ffinanzjati mill-UE. Din l-iskoperta fenomenali tipprovdi evidenza viżwali tal-eżistenza ta' toqob suwed u twessa' l-limiti tax-xjenza moderna.

L-ewwel osservazzjoni li qatt saret ta' toqba sewda hija r-riżultat ta' Event Horizon Telescope (EHT), kollaborazzjoni fir-riċerka internazzjonali fuq skala kbira fejn riċerkaturi ffinanzjati mill-UE kellhom rwol ewlieni. Din il-kisba xjentifika kbira timmarka bidla fundamentali fil-fehim tagħna ta' toqob suwed, tikkonferma l-previżjonijiet tat-Teorija Ġenerali tar-Relattività ta' Albert Einstein u tiftaħ perspettivi ġodda fl-istudju tal-univers tagħna. L-ewwel immaġni ta' toqba sewda li ttieħdet b'suċċess ġiet żvelata llum f'sitt konferenzi stampa simultanji mad-dinja kollha.

Il-Kummissarju Carlos Moedas, responsabbli mir-Riċerka, ix-Xjenza u l-innovazzjoni, qal: “Il-finzjoni ta' spiss tispira x-xjenza u t-toqob suwed ilhom is-snin iġegħluna noħolmu u jqajmulna l-kurżità. Illum, bis-saħħa tal-kontribuzzjoni ta' xjenzati Ewropej, l-eżistenza ta' toqob suwed m'għadhiex biss kunċett teoretiku. Din l-iskoperta tal-għaġeb turi għal darb' oħra li meta naħdmu flimkien ma' sħab madwar id-dinja kollha nistgħu niksbu l-inimmaġinabbli u nwessgħu l-orizzonti tal-għarfien tagħna.”

Il-President tal-Kunsill Ewropew tar-Riċerka (l-ERC), il-Professur Jean-Pierre Bourguignon, żied jgħid: “Nifraħ lix-xjenzati minn madwar id-dinja, li għamlu din l-iskoperta tant stimulanti u li wessgħu l-fruntieri tal-għarfien tagħna. Ninsab partikolarment kuntent li x-xjenzati ffinanzjati mill-Kunsill Ewropew tar-Riċerka kkontribwew tabilħaqq sabiex inkisbet din l-iskoperta revoluzzjonarja. L-approċċ awdaċi tal-UE għall-finanzjament ta' din it-tip ta' riċerka fundamentali għall-aħħar għal darb'oħra rriżulta f'suċċess. Barra minn hekk, dan ikompli jivvalida l-objettiv tal-ERC li jiffinanzja riċerka b'riskji kbar iżda ta' gwadann kbir.”

Il-finanzjament tal-UE permezz tal-Kunsill Ewropew tar-Riċerka (l-ERC) ipprovda appoġġ kruċjali għall-EHT. B'mod partikolari, l-UE pprovdiet finanzjament għal tlieta mix-xjenzati ewlenin u t-timijiet tagħhom involuti fl-iskoperta, u appoġġat ukoll l-iżvilupp u t-titjib tal-infrastruttura tat-teleskopji l-kbar li kienu essenzjali għas-suċċess tal-proġett.

Ir-riżultati tal-lum jiżdiedu mal-ħafna kisbiet tal-programmi ta' finanzjament tal-UE għar-riċerka u l-innovazzjoni Orizzont 2020 u l-Programmi Qafas predeċessuri tiegħu. Biex tkompli tisfrutta dan is-suċċess, il-Kummissjoni pproponiet Orizzont Ewropa, l-aktar programm ambizzjuż li l-UE qatt kellha u li se jżommha fuq quddiem nett tar-riċerka u l-innovazzjoni globali.

 

SFOND

It-toqob suwed huma oġġetti kosmiċi kkompressati ħafna, li fihom ammonti inkredibbli ta' massa f'reġjun ċkejken. Il-preżenza tagħhom taffettwa l-inħawi ta' madwarhom b'modi estremi, billi tgħawweġ il-ħin spazjali u ssaħħan ferm kull materjal li jaqa' ġo fihom. L-immaġni turi t-toqba sewda fiċ-ċentru ta' Messier 87, galassja enormi fil-kostellazzjoni ta' Virgo. Din it-toqba sewda tinsab 55 miljun sena dawl 'il bogħod mid-Dinja u għandha massa ta' 6.5 biljun darba akbar mix-xemx tagħna.

Sabiex jippermetti l-osservazzjoni diretta tal-ambjent immedjat ta' toqba sewda, l-Event Horizon Telescope fittex li jtejjeb u jgħaqqad netwerk dinji ta' tmien teleskopji madwar id-dinja. Dawn jinsabu f'siti iżolati b'altitudni għolja, inkluż fis-Sierra Nevada ta' Spanja, fuq vulkani fil-Hawaii u fil-Messiku, fil-muntanji ta' Arizona, fid-Deżert Ċilen ta' Atacama u fl-Antartika. Aktar minn 200 riċerkatur mill-Ewropa, mill-Kontinent Amerikan u mill-Asja tal-Lvant qed jipparteċipaw f'din l-operazzjoni internazzjonali ewlenija.

Il-Kunsill Ewropew għar-Riċerka tal-UE pprovda finanzjament lix-xjenzati involuti fil-kollaborazzjoni EHT permezz tal-proġetti li jaqgħu taħt Orizzont 2020 u s-Seba' Programm Qafas tal-UE:

  • Il-proġett BlackHoleCam li jiswa EUR 14-il miljun għandu l-għan li jiġbed l-immaġni, kif ukoll ikejjel u jifhem it-toqob suwed. Sa mill-2014, dan il-proġett ta' riċerka ta' sitt snin qed jitwettaq minn tliet xjenzati ewlenin u t-timijiet tagħhom; jiġifieri l-Professuri Heino Falcke mill-Università Radboud ta' Nijmegen (li huwa wkoll il-President tal-Kunsill Xjentifiku EHT), Michael Kramer mill-Istitut Max Planck għar-Radjuastronomija, u Luciano Rezzolla mill-Università Goethe, ta' Frankfurt.
  • Il-proġett RadioNet jappoġġa konsorzju ta' 27 istituzzjoni fl-Ewropa, fir-Repubblika tal-Korea u fl-Afrika t'Isfel li għandhom l-għan li jintegraw infrastrutturi mill-aqwa għar-riċerka fir-radjuastronomija. Dan jinkludi r-radjuteleskopji, netwerks ta' teleskopji, arkivji tad-data u n-Netwerk Ewropew għal Interferometrija b'Bażi Twila Ħafna (l-EVN) li jopera globalment. Il-proġett huwa kkoordinat mill-Istitut Max Planck għar-Radjuastronomija. F'dawn l-aħħar 15-il sena, l-UE investiet EUR 30.3 miljun f'RadioNet.

Il-Kunsill Ewropew tar-Riċerka, stabbilit mill-UE fl-2007, huwa l-organizzazzjoni ewlenija ta' finanzjament Ewropew għar-riċerka eċċellenti fil-fruntieri tal-għarfien. Kull sena jagħżel u jiffinanzja l-aqwa riċerkaturi kreattivi ta' kwalunkwe nazzjonalità u età, biex iwettqu proġetti bbażati fl-Ewropa. L-ERC joffri erba' skemi fundamentali ta' għotjiet: L-għotja għar-Riċerkaturi Debuttanti, l-għotja ta' Konsolidazzjoni, l-għotja Avvanzata u l-għotja għas-Sinerġija. Permezz tal-iskema addizzjonali tiegħu tal-għotja tal-Prova tal-Kunċett l-ERC jgħin lill-benefiċjarji jeliminaw id-distakk bejn ir-riċerka pijuniera tal-benefiċjarji u l-fażijiet bikrija tal-kummerċjalizzazzjoni tagħha.

 

GĦAL AKTAR TAGĦRIF

Ritratti ta' toqob suwed u filmati fuq il-portal awdjoviżiv tal-Kummissjoni

Stqarrija għall-istampa dwar Event Horizon Telescope

Konferenza stampa tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-Ewropa bis-Satellita

Konferenza stampa tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-EUtube

Segwi l-aħbarijiet fuq Facebook, Instagram u Twitter bl-użu tal-hashtag #RealBlackhole

L-aħbarijiet tal-Kunsill Ewropew tar-Riċerka

 

IP/19/2053

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar