Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Nipproteġu lill-konsumaturi Ewropej: il-ġugarelli u l-karozzi minn ta' quddiem nett fil-lista ta' prodotti perikolużi

Brussell, il-5ta' april 2019

Illum, il-Kummissjoni Ewropea ħarġet ir-rapport tagħha tal-2018 dwar is-Safety Gate għall-prodotti perikolużi, dik li qabel kienet imsejjħa s-Sistema ta' Twissija Rapida.

Ir-rapport juri li l-awtoritajiet skambjaw 2,257 twissija dwar prodotti perikolużi. Il-kategorija tal-ġugarelli kienet l-aktar kategorija nnotifikata ta' prodotti (31%), segwita minn dik tal-“vetturi bil-mutur” (19 %) u “ħwejjeġ, tessili u prodotti tal-moda” (10%), filwaqt li r-riskji ewlenin indikati kienu riskji u l-korrimenti kimiċi (25% kull wieħed) segwiti mir-riskju ta' soffokazzjoni tat-tfal (18%).

Il-Kummissarju għall-Ġustizzja, il-Konsumaturi u l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri Věra Jourová, qalet: “Is-Safety Gate hija l-għodda ewlenija li verament taħdem biex jiġu protetti l-Ewropej minn prodotti perikolużi. Ir-rapport juri l-infurzar effikaċi tar-regoli b'aktar minn 2,000 twissija u kważi d-doppju ta' prodotti li jinġabru lura u jitneħħew mis-suq. Se nkomplu naħdmu mal-awtoritajiet nazzjonali u l-pajjiżi terzi biex nipproteġu lill-konsumaturi Ewropej kollha.”

Il-ġbir lura tal-prodotti mis-suq hija waħda mill-aktar miżuri komuni użati biex jitnaqqsu r-riskji li jippreżentaw prodotti perikolużi, madankollu l-proporzjon ta' prodotti li jiġu rkuprati b'suċċess mill-konsumaturi baqgħet ġeneralment baxxa. Ir-riżultati ta' stħarriġ ġdid fuq din il-kwistjoni juru li terz ta' dawk li wieġbu qalu li konxjament jibqgħu jużaw prodotti li jkunu se jinġabru lura, li jindika li l-avviżi ta' ġbir lura jista' ma jkollhomx effett kbir fuq il-konsumaturi u/jew li r-riskju mhux qed jiġi kkomunikat b'mod ċar biżżejjed.

Aktar minn nofs il-prodotti perikolużi kollha identifikati ġejjin miċ-Ċina. Il-kooperazzjoni mal-awtoritajiet Ċiniżi fil-qasam tas-sikurezza tal-prodotti għadha prijorità, iżda r-riżultati huma mħalltin. Il-Kummissjoni se tkompli taħdem mal-awtoritajiet kompetenti Ċiniżi fuq dan l-aspett. Dan jinkludi s-sensibilizzazzjoni dwar ir-regoli tas-sikurezza tal-prodotti li jridu jiġu ssodisfati meta jsir il-bejgħ lill-konsumaturi tal-UE.

Il-kuntest

Mill-2003, is-Sistema ta' Twissija Rapida tiżgura li l-informazzjoni dwar prodotti perikolużi li mhumiex tal-ikel li jiġu rtirati mis-suq u/jew jinġabru lura kullimkien fl-Ewropa, tiddawwar f'qasir żmien bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni Ewropea. B'dan il-mod, tittieħed azzjoni ta' segwitu kif suppost (il-projbizzjoni/il-waqfien mill-bejgħ, l-irtirar, il-ġbir lura jew ir-rifjut tal-importazzjoni mill-Awtoritajiet Doganali) kullimkien fl-UE. Is-Sistema ta' Twissija Rapida ngħatat l-isem ġdid ta' Safety Gate mill-Kummissjoni Ewropea.

Is-Safety Gate għandha sit web pubbliku dedikat li jagħti aċċess għal aġġornamenti ta' kull ġimgħa ta' twissijiet ippreżentati mill-awtoritajiet nazzjonali li jipparteċipaw fis-sistema. Kull ġimgħa, jiġu rreġistrati u ppubblikati madwar 50 twissija fuq is-sit web.

In-negozji jistgħu jużaw ukoll il- Portal tan-Negozju biex iwissu lill-awtoritajiet nazzjonali malajr u b'mod effiċjenti dwar prodott li jkunu qiegħdu fis-suq li jista' jkun perikoluż. 

Għal Aktar Informazzjoni

Rapport u skeda informattiva annwali bi statistika nazzjonali

Safety Gate

Elenkar tat-twissijiet tas-Safety Gate

Stħarriġ dwar l-effikaċja tal-ġbir lura

Portal tan-Negozju

Għodda ta' riċerka għall-informazzjoni ppubblikata tas-Sistema ta' Twissija Rapida

Punti ta' kuntatt nazzjonali tas-Safety Gate

L-għodda tal-istatistika tas-Safety Gate biex tipproduċi l-istatistika tiegħek stess

 

 

 

 

 

IP/19/1992

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar

Photos