Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej: il-Kummissjoni tirreġistra l-inizjattiva “Respect for the rule of law”

Brussell, it-3ta' april 2019

Illum il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tirreġistra l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej intitolata “Respect for the rule of law within the European Union” (“Il-ħarsien tal-istat tad-dritt fl-Unjoni Ewropea”).

L-għan tal-inizjattiva huwa li jinħoloq “mekkaniżmu ta' evalwazzjoni oġġettiv u imparzjali għall-verifika tal-applikazzjoni tal-valuri tal-Unjoni Ewropea mill-Istati Membri kollha”. Speċifikament, l-organizzaturi qegħdin jitolbu lill-Kummissjoni “tipprovdi leġiżlazzjoni ġenerali lill-Unjoni Ewropea […] għall-verifika tal-applikazzjoni prattika tad-dispożizzjonijiet nazzjonali relatati mal-istat tad-dritt”. Barra minn hekk, l-organizzaturi għandhom l-għan li “jiffaċilitaw l-infurzar tal-liġijiet Ewropej dwar il-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali (eż. il-mandat ta' arrest Ewropew)” u li jsaħħu r-rwol tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali.

Id-deċiżjoni li tiġi rreġistrata l-inizjattiva “Respect for the rule of law” tikkoinċidi mat-tnedija tal-lum ta' proċess ta' riflessjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-passi possibbli li jmiss għat-tisħiħ ulterjuri tal-istat tad-dritt fl-Unjoni Ewropea (materjal għall-istampa disponibbli hawnhekk), kif tħabbar fil-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni għall-2019. Il-Komunikazzjoni konsultattiva tal-lum se tiġi segwita f'Ġunju minn inizjattiva iktar orjentata lejn il-futur. Skont it-Trattati, il-Kummissjoni tista' tipproponi atti legali biex tevalwa l-implimentazzjoni mill-Istati Membri tal-politika tal-Unjoni fl-oqsma tal-libertà, tas-sigurtà u tal-ġustizzja, u biex issaħħaħ l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali. Il-Kummissjoni Ewropea għalhekk qieset li l-inizjattiva hija legalment ammissibbli u ddeċidiet li tirreġistraha. F'dan l-istadju tal-proċess il-Kummissjoni ma analizzatx is-sustanza tal-inizjattiva, iżda l-ammissibbiltà legali tagħha biss.

Ir-reġistrazzjoni ta' din l-inizjattiva se ssir fit-8 ta' April 2019, u b'hekk jibda l-proċess ta' sena għall-ġbir tal-firem ta' appoġġ mill-organizzaturi tagħha. Jekk l-inizjattiva tirċievi miljun dikjarazzjoni ta' appoġġ fi żmien sena, u dawn jiġu minn mhux inqas minn 7 Stati Membri differenti, il-Kummissjoni tanalizzaha u tirreaġixxi fi żmien 3 xhur. Il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi ssegwix din it-talba jew le, u tagħżel x'tagħżel ikollha tispjega l-għala.

Sfond

L-Inizjattivi taċ-Ċittadini Ewropej ġew introdotti fit-Trattat ta' Lisbona, u ġew varati bħala għodda li tippermetti liċ-ċittadini jistabbilixxu l-aġenda huma stess f'April 2012, mad-dħul fis-seħħ tar-Regolament dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini li jimplimenta d-dispożizzjonijiet tat-Trattati. Fl-2017, bħala parti mid-diskors tal-President Juncker dwar l-Istat tal-Unjoni, il-Kummissjoni Ewropea ressqet proposti għal riforma tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej biex issir iktar faċli għal min jużaha. F'Diċembru 2018, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill qablu dwar ir-riforma u r-regoli riveduti se jibdew japplikaw mill-1 ta' Jannar 2020.

Ġaladarba tiġi rreġistrata formalment, Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej tippermetti li miljun ċittadin minn mill-inqas kwart tal-Istati Membri tal-UE jistiednu lill-Kummissjoni Ewropea tipproponi att legali f'oqsma li l-Kummissjoni għandha s-setgħa biex tagħmel dan.

Il-kundizzjonijiet ta' ammissibbiltà huma li l-azzjoni proposta ma tkunx taqa' manifestament barra mill-ambitu tas-setgħat tal-Kummissjoni biex tressaq proposta għal att legali, li ma tkunx manifestament abbużiva, frivola jew vessatorja u li ma tmurx manifestament kontra l-valuri tal-Unjoni.

Għal Iktar Informazzjoni

It-test sħiħ tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej proposta (disponibbli mit-8 ta' April 2019)

ECIs li bħalissa qed jiġbru l-firem

Is-sit tal-ECI

Ir-Regolament dwar l-ECI

 

IP/19/1937

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar