Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

L-Istat tad-Dritt: Il-Kummissjoni tiftaħ dibattitu biex jissaħħaħ l-istat tad-dritt fl-UE

Brussell, it-3ta' april 2019

Il-Kummissjoni Ewropea llum qed tniedi proċess ta' riflessjoni dwar l-istat tad-dritt fl-Unjoni Ewropea li jistipula toroq possibbli għal azzjoni futura.

Il-Komunikazzjoni ppreżentata llum tevalwa l-għodod disponibbli għall-monitoraġġ, il-valutazzjoni u l-protezzjoni tal-istat tad-dritt fl-Unjoni. Din tħares ukoll lejn l-esperjenza ta' dawn l-aħħar snin sabiex inkunu nistgħu nibdew dibattitu Ewropew usa' dwar kif l-istat tad-dritt jista' jissaħħaħ aktar. L-esperjenza tal-passat, b'mod partikolari, tindika l-ħtieġa ta' promozzjoni aħjar tal-istat tad-dritt, il-prevenzjoni bikrija tar-riskji u l-ksur tal-istat tad-dritt, u reazzjoni effettiva meta jinqalgħu problemi bħal dawn fl-Unjoni.

L-Ewwel Viċi President, Frans Timmermans, qal: “Il-kapaċità tal-Unjoni li tirrispetta l-istat tad-dritt hija essenzjali, issa aktar minn qatt qabel. L-ewwel nett għaliex hija kwistjoni ta' valuri fundamentali, kwistjoni ta' “min aħna”. It-tieni, minħabba li l-funzjonament tal-UE inġenerali jiddependi fuq l-istat tad-dritt fl-Istati Membri kollha. Issa huwa ż-żmien li nirriflettu flimkien mal-istituzzjonijiet kollha, l-Istati Membri, l-awtoritajiet differenti u l-partijiet interessati dwar kif wieħed għandu jiddefendi u jsaħħaħ l-istat tad-dritt fl-Unjoni.”

F'dawn l-aħħar snin, l-istat tad-dritt fl-Ewropa ġie taħt pressjoni akbar. F'dibattiti fi ħdan l-Unjoni tqajmu preokkupazzjonijiet komuni u konkreti, f'livell internazzjonali u mis-soċjetà ċivili. Jidher ċar li jeħtieġ li jsir aktar biex jiġi żgurat li l-istat tad-dritt ikollu min jiddefendih u jiġi rispettat fl-Unjoni kollha. Filwaqt li tibni fuq id-dibattiti li għaddejjin bħalissa u l-esperjenzi tal-passat, il-Komunikazzjoni tal-lum għandha l-għan li tibda dan il-proċess billi tistabbilixxi toroq possibbli għal riflessjoni u azzjoni futura.

Toroq possibbli għall-ġejjieni

Hija responsabilità komuni tal-istituzzjonijiet tal-UE u tal-Istati Membri li jiddefendu, isaħħu, u jirrispettaw l-istat tad-dritt fl-Unjoni. Il-Kummissjoni diġà użat firxa wiesgħa ta' għodod biex timmonitorja, tivvaluta u tirrispondi għat-tħassib dwar l-istat tad-dritt fl-Istati Membri, inkluż il-Qafas tal-Istat tad-Dritt, il-proċedura tal-Artikolu 7(1) tat-TUE, il-proċeduri ta' ksur, kif ukoll is-Semestru Ewropew, it-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE jew il-Mekkaniżmu ta' Kooperazzjoni u Verifika (CVM). Filwaqt li tibni fuq l-esperjenza miġbura s'issa permezz tal-istrumenti kollha, il-Kummissjoni qiegħda llum tfisser tliet pilastri li jistgħu jikkontribwixxu għall-infurzar effettiv tal-istat tad-dritt fl-Unjoni:

· Promozzjoni Aħjar: l-istandards u l-ġurisprudenza tal-istat tad-dritt mhumiex dejjem magħrufa biżżejjed fil-livell nazzjonali. Biex dan jiġi indirizzat, iż-żieda fl-isforzi għandha tkun immirata lejn il-promozzjoni aħjar tal-għarfien dwar l-istandards tal-istat tad-dritt u l-każistika fil-livell nazzjonali. Dan jista' jinkiseb, pereżempju, permezz ta' attivitajiet ta' komunikazzjoni għall-pubbliku, approċċi komuni tal-UE li jgħinu fil-promozzjoni ta' kultura tal-istat tad-dritt aktar b'saħħitha fost l-istituzzjonijiet u l-professjonijiet, impenn kontinwu mal-Kunsill tal-Ewropa, u l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fil-livelli reġjonali u lokali.

· Prevenzjoni Bikrija: Filwaqt li r-responsabbiltà ewlenija biex jiġi żgurat ir-rispett għall-istat tad-dritt fil-livell nazzjonali hija tal-Istati Membri, l-UE tista' toffri appoġġ importanti biex tinbena r-reżiljenza tas-sistemi u l-istituzzjonijiet ewlenin. Il-kooperazzjoni u d-djalogu regolari jistgħu jikkontribwixxu għal fehim aktar profond tas-sitwazzjoni tal-istat tad-dritt u tal-iżviluppi fl-Istati Membri u jistgħu jikkontribwixxu għas-soluzzjoni bikrija ta' kwalunkwe kwistjoni ta' stat tad-dritt.

· Reazzjoni skont il-ħtieġa: Diversità ta' sfidi tal-istat tad-dritt tirrikjedi diversità ta' reazzjonijiet effettivi. Il-Kummissjoni se tkompli tiżgura l-applikazzjoni korretta tal-liġi tal-UE permezz ta' proċeduri ta' ksur. Approċċi differenti jistgħu jkunu xierqa wkoll f'oqsma ta' politika speċifiċi bħall-proposta tal-Kummissjoni dwar il-protezzjoni tal-interess finanzjarju tal-UE. Barra minn hekk, jista' jiġi esplorat xi irfinar tal-Qafas tal-Istat tad-Dritt eżistenti, inklużi informazzjoni bikrija u appoġġ mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill, kif ukoll skedi ta' żmien ċari ta' kemm jieħdu żmien id-djalogi.

Il-Passi li Jmiss

Il-Kummissjoni issa tistieden lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill, u lill-Istati Membri kif ukoll lill-partijiet interessati rilevanti, inklużi n-netwerks ġudizzjarji u s-soċjetà ċivili, biex jirriflettu dwar il-kwistjonijiet ippreżentati fil-Komunikazzjoni tal-lum u jikkontribwixxu b'ideat konkreti dwar kif is-sett ta' għodod dwar l-istat tad-dritt jista' jittejjeb fil-futur.

Filwaqt li tibni fuq dan il-proċess ta' riflessjoni u d-dibattitu li għaddej, il-Kummissjoni se terġa' lura għal din il-kwistjoni bil-konklużjonijiet u l-proposti tagħha f'Ġunju 2019.

Il-kuntest

L-Istat tad-dritt huwa wieħed mill-valuri komuni li fuqhom hija mibnija l-Unjoni Ewropea u mħaddna mill-Istati Membri kollha. Huwa minqux bħala tali fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Huwa essenzjali wkoll għall-funzjonament tal-UE kollha kemm hi, pereżempju fir-rigward tas-Suq Intern, il-kooperazzjoni fil-qasam tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni, u l-iżgurar li l-imħallfin nazzjonali li huma wkoll “imħallfin tal-UE” jistgħu jaqdu r-rwol tagħhom fl-iżgurar tal-applikazzjoni tad-dritt tal-UE u jistgħu jinteraġixxu kif xieraq mal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE fil-kuntest ta' proċeduri ta' deċiżjoni preliminari. Il-Kummissjoni Ewropea, flimkien ma' istituzzjonijiet oħra u l-Istati Membri, hija responsabbli skont it-Trattati, biex tiggarantixxi l-istat tad-dritt bħala valur fundamentali tal-Unjoni tagħna u tiżgura li l-liġi, il-valuri u l-prinċipji tal-UE jiġu rispettati.

Il-Kummissjoni għandha firxa wiesgħa ta' għodod biex timmonitorja, tivvaluta, u tirrispondi għall-kwistjonijiet tal-istat tad-dritt fl-Istati Membri, fost oħrajn proċeduri ta' ksur, is-Semestru Ewropew, it-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE jew il-Mekkaniżmu ta' Kooperazzjoni u Verifika (CVM). Fil-11 ta' Marzu 2014, il-Kummissjoni Ewropea adottat Qafas ġdid biex tindirizza t-theddid sistemiku għall-Istat tad-Dritt fi kwalunkwe wieħed mill-Istati Membri tal-UE. Il-Qafas jistabbilixxi għodda li tippermetti li l-Kummissjoni tidħol fi djalogu strutturat ma' Stat Membru kkonċernat biex jipprevjenu ż-żieda ta' theddid sistemiku għall-istat tad-dritt. L-aktar għodda emblematika, iżda eċċezzjonali għad-difiża tal-Istat tad-Dritt hija l-proċedura tal-Artikolu 7 tat-TUE, li tippermetti lill-UE taġixxi f'każ ta' ksur serju tal-istat tad-dritt fi Stat Membru. Il-proċedura tal-Artikolu 7 tat-TUE skattat f'żewġ każijiet s'issa: f'Diċembru 2017 fil-każ tal-Polonja (mill-Kummissjoni) u f'Settembru 2018 fil-każ tal-Ungerija (mill-Parlament Ewropew).

Illum il-Kummissjoni nediet ukoll proċedura ta' ksur billi bagħtet Avviż ta' Tqegħid fil-Mora lill-Polonja rigward ir-reġim dixxiplinari ġdid għall-imħallfin (stqarrija għall-istampa sħiħa hawnhekk)

Għal Aktar Informazzjoni

Komunikazzjoni: Tisħiħ ulterjuri tal-Istat tad-Dritt fl-Unjoni — Sitwazzjoni attwali u l-passi possibbli li jmiss

Skeda informattiva: Kaxxa ta' l-għodda tal-UE dwar l-Istat tad-Dritt

Stqarrija għall-istampa — L-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej: Il-Kummissjoni tirreġistra l-inizjattiva “Rispett għall-istat tad-dritt”

Stqarrija għall-istampa – L-Istat tad-Dritt: Il-Kummissjoni Ewropea tniedi proċedura ta' ksur biex tipproteġi l-imħallfin fil-Polonja mill-kontroll politiku

IP/19/1912

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar