Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Intelliġenza artifiċjali: Il-Kummissjoni tmexxi 'l quddiem il-ħidma tagħha fuq il-linji gwida dwar l-etika

Brussell, it-8ta' april 2019

.

Il-Kummissjoni llum qed tippreżenta l-passi li jmiss biex tinbena l-fiduċja fl-intelliġenza artifiċjali billi tmexxi 'l quddiem il-ħidma tal-Grupp ta' Esperti ta' Livell Għoli.

Filwaqt li tibni fuq il-ħidma tal-grupp ta' esperti indipendenti maħtura f'Ġunju 2018, il-Kummissjoni llum qed tniedi fażi pilota biex tiżgura li l-linji gwida dwar l-etika għall-iżvilupp u l-użu tal-Intelliġenza Artifiċjali (IA) ikunu jistgħu jiġu implimentati fil-prattika. Il-Kummissjoni tistieden lill-industrija, lill-istituti ta' riċerka u lill-awtoritajiet pubbliċi biex jittestjaw il-lista ta' valutazzjoni dettaljata abbozzata mill-Grupp ta' Esperti ta' Livell Għoli, li tikkomplementa l-linji gwida.

Il-pjanijiet tal-lum jistgħu jiġu implimentati fi ħdan l-istrateġija tal-IA ppreżentata mill-Kummissjoni f'April 2018, li għandha l-għan li żżid l-investimenti pubbliċi u privati għal mill-inqas €20 biljun fis-sena matul l-għaxar snin li ġejjin, billi tagħmel aktar data disponibbli, trawwem it-talent u tiżgura l-fiduċja.

Il-Viċi President għas-Suq Uniku Diġitali Andrus Ansip qal: “Napprezza l-ħidma tal-esperti indipendenti tagħna. Id-dimensjoni etika tal-IA mhijiex xi ħaġa ta' lussu jew xi ħaġa żejda. Huwa biss bil-fiduċja li s-soċjetà tagħna tkun tista' tibbenefika bis-sħiħ mit-teknoloġiji. L-IA etika hija proposta fejn kulħadd jirbaħ, li tista' ssir vantaġġ kompetittiv għall-Ewropa: li tkun il-mexxejja tal-IA ċċentrata fuq il-bniedem li n-nies jistgħu jafdaw.”

Il-Kummissarju għall-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali, Mariya Gabriel, żiedet: “Illum qed nieħdu pass importanti ‘' quddiem lejn IA etika u sikura fl-UE. Issa għandna bażi soda bbażata fuq il-valuri tal-UE li ġejja wara impenn estensiv u kostruttiv minn ħafna partijiet ikkonċernati inklużi n-negozji, l-akkademja u s-soċjetà ċivili. Issa se nqiegħdu dawn ir-rekwiżiti fil-prattika u fl-istess ħin se nrawmu diskussjoni internazzjonali dwar l-IA ċċentrata fuq il-bniedem.”

L-intelliġenza artifiċjali (IA) tista' tkun ta' benefiċċju għal firxa wiesgħa ta' setturi, bħall-kura tas-saħħa, il-konsum tal-enerġija, is-sikurezza tal-karozzi, il-biedja, it-tibdil fil-klima u l-ġestjoni tar-riskju finanzjarju. L-IA tista' tgħin ukoll biex jiġu identifikati theddidiet ta' frodi u ta' ċibersigurtà, u tippermetti lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jiġġieldu l-kriminalità b'mod aktar effiċjenti. Madankollu, l-IA ġġib ukoll sfidi ġodda għall-futur tax-xogħol, u tqajjem mistoqsijiet legali u etiċi.

Il-Kummissjoni qed tieħu approċċ ta' tliet stadji: l-iffissar ta' rekwiżiti ewlenin għal IA affidabbli, it-tnedija ta' proċess pilota fuq skala kbira għall-feedback mill-partijiet ikkonċernati, u l-ħidma għall-iżvilupp ta' kunsens internazzjonali favur IA ċċentrata fuq il-bniedem.

1. Seba' affarijiet essenzjali għall-kisba ta' IA affidabbli

Biex tkun affidabbli, jenħtieġ li l-IA tirrispetta l-liġijiet u r-regolamenti kollha applikabbli, kif ukoll serje ta' rekwiżiti; il-listi tal-valutazzjoni speċifiċi għandhom l-għan li jgħinu jivverifikaw l-applikazzjoni ta' kull wieħed mir-rekwiżiti ewlenin:

  • L-intervent u s-sorveljanza tal-bniedem: Jenħtieġ li s-sistemi tal-IA jħeġġu soċjetajiet ekwi billi jappoġġjaw l-intervent tal-bniedem u d-drittijiet fundamentali, u ma jnaqqsux, ma jillimitawx u ma jiggwidawx b'mod żbaljat l-awtonomija tal-bniedem.
  • Ir-robustezza u s-sikurezza: L-IA affidabbli teħtieġ li l-algoritmi jkunu siguri, affidabbli u robusti biżżejjed biex jiġu ttrattati l-iżbalji jew l-inkonsistenzi matul il-fażijiet kollha taċ-ċiklu tal-ħajja tas-sistemi tal-IA.
  • Il-privatezza u l-governanza tad-data: Iċ-ċittadini għandu jkollhom kontroll sħiħ fuq id-data tagħhom stess, filwaqt li d-data li tikkonċernahom ma tintużax biex tagħmel ħsara jew tiddiskrimina kontrihom.
  • It-trasparenza: Jenħtieġ li tiġi żgurata t-traċċabilità tas-sistemi tal-IA.
  • Id-diversità, in-nondiskriminazzjoni u l-ġustizzja: Jenħtieġ li s-sistemi tal-IA jqisu l-firxa sħiħa ta' abbiltajiet, ħiliet u rekwiżiti umani, u li jiżguraw l-aċċessibbiltà.
  • Il-benessri soċjetali u ambjentali: Jenħtieġ li s-sistemi tal-IA jintużaw biex itejbu l-bidla soċjali pożittiva, is-sostenibbiltà u r-responsabbiltà ekoloġika.
  • L-obbligu ta' rendikont: Jenħtieġ li jiġu stabbiliti mekkaniżmi li jiżguraw ir-responsabbiltà u l-obbligu ta' rendikont għas-sistemi tal-IA u r-riżultati tagħhom.

2. Proġett pilota fuq skala kbira mas-sħab

Fis-sajf tal-2019, il-Kummissjoni se tniedi fażi pilota li tinvolvi firxa wiesgħa ta' partijiet ikkonċernati. Illum, il-kumpaniji, l-amministrazzjonijiet pubbliċi u l-organizzazzjonijiet diġà jistgħu jaderixxu mal-Alleanza Ewropea għall-IA u jirċievu notifika meta tibda l-fażi pilota. Barra minn hekk, membri tal-grupp ta' esperti ta' livell għoli dwar l-IA se jgħinu jippreżentaw u jispjegaw il-linji gwida lill-partijiet ikkonċernati rilevanti fl-Istati Membri.

3. Żvilupp ta' kunsens internazzjonali għal IA ċċentrata fuq il-bniedem

Il-Kummissjoni trid iġġib dan l-approċċ lejn l-etika fl-IA għal-livell dinji għaliex it-teknoloġiji, id-data u l-algoritmi ma jafu l-ebda fruntiera. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni se ssaħħaħ il-kooperazzjoni ma' sħab li jaqsmu l-istess ħsieb bħall-Ġappun, il-Kanada jew Singapor u se tkompli jkollha rwol attiv f'diskussjonijiet u inizjattivi internazzjonali, inklużi l-G7 u l-G20. Il-fażi pilota se tinvolvi wkoll kumpaniji minn pajjiżi oħra u organizzazzjonijiet internazzjonali.



Passi li jmiss

Il-membri tal-grupp ta' esperti tal-IA se jippreżentaw il-ħidma tagħhom fid-dettall waqt it-tielet ,Jum Diġitali fi Brussell fid-9 ta' April. Wara l-fażi pilota, fil-bidu tal-2020, il-grupp ta' esperti tal-IA se jirrevedi l-listi ta' valutazzjoni għar-rekwiżiti ewlenin, filwaqt li jibni fuq ir-rispons li jkun irċeva. Fuq il-bażi ta' din ir-reviżjoni, il-Kummissjoni se tevalwa r-riżultat u tipproponi l-passi li jmiss.

Barra minn hekk, sabiex tiżgura l-iżvilupp etiku tal-IA, sal-ħarifa tal-2019, il-Kummissjoni se: tniedi sett ta' netwerks ta' ċentri ta' eċċellenza fir-riċerka dwar l-IA; tibda twaqqaf netwerks ta' ċentri ta' innovazzjoni diġitali; u flimkien mal-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati, se tniedi diskussjonijiet biex jiġi żviluppat u implimentat mudell għall-kondiviżjoni tad-data u jsir l-aħjar użu tal-ispazji komuni tad-data.

 

Kuntest

Il-Kummissjoni qed tiffaċilita u ttejjeb il-kooperazzjoni fil-qasam tal-IA fl-UE kollha biex issaħħaħ il-kompetittività tagħha u biex tiżgura l-fiduċja bbażata fuq il-valuri tal-UE. Wara l-istrateġija Ewropea dwar l-IA tagħha, ippubblikata f'April 2018, il-Kummissjoni waqqfet il-Grupp ta' Esperti ta' Livell Għoli dwar l-IA, li jikkonsisti minn 52 espert indipendenti li jirrappreżentaw l-akkademiċi, l-industrija u s-soċjetà ċivili. Dawn ippubblikaw l-ewwel abbozz tal-linji gwida dwar l-etika f'Diċembru 2018, segwit minn konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati u laqgħat ma' rappreżentanti mill-Istati Membri biex jiġbru l-feedback. Dan isegwi l-pjan ikkoordinat mal-Istati Membri biex jitħeġġu l-iżvilupp u l-użu tal-IA fl-Ewropa, li kien ippreżentat ukoll f'Diċembru 2018.

 

Għal aktar informazzjoni

Il-Komunikazzjoni: “Il-bini tal-fiduċja fl-intelliġenza artifiċjali ċċentrata fuq il-bniedem”

Il-linji gwida dwar l-etika tal-IA

Skeda informattiva dwar l-intelliġenza artifiċjali

Il-Grupp ta' Esperti ta' Livell Għoli dwar l-IA

Alleanza Ewropea għall-IA

Intelliġenza Artifiċjali: Perspettiva Ewropea

AI Watch 

IP/19/1893

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar