Navigation path

Left navigation

Additional tools

Other available languages: EN FR DE IT PT EL CS HU PL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-Kummissjoni tadotta pakkett ta' investiment ta' €4 biljun għal proġetti infrastrutturali f'10 Stati Membri

Brussell, it-2ta' april 2019

Illum, il-Politika ta' Koeżjoni tal-UE qed tinvesti €4 biljun f'fondi tal-UE f'25 proġett infrastrutturali kbir f'10 Stati Membri.

Dan il-pakkett ta' investiment jinvolvi l-Bulgarija, iċ-Ċekja, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Italja, Malta, il-Polonja, il-Portugall, u r-Rumanija. Il-proġetti jkopru firxa wiesgħa ta' oqsma: is-saħħa, it-trasport, ir-riċerka, l-ambjent, u l-enerġija. Bil-kofinanzjament nazzjonali, l-investiment totali f'dawn il-proġetti jammonta għal €8 biljun.

Il-Kummissarju għall-Politika Reġjonali, Corina Crețu, qalet: “Kull wieħed minn dawn il-25 proġett huwa eżempju ta' kif l-UE qiegħda taħdem biex ittejjeb il-ħajja ta' kuljum għaċ-ċittadini tagħna, mill-ilma tax-xorb aħjar għal trasport ferrovjarju aktar mgħaġġel u sptarijiet moderni. Fil-perjodu tal-baġit attwali, adottajt 258 proġett infrastrutturali kbir, b'valur ta' €32 biljun ta' fondi tal-UE; f'ċertu sens, dawn huma ambaxxaturi tal-Politika ta' Koeżjoni, u kburija b'kull wieħed minnhom.”

  • Enerġija aktar sikura u affordabbli fil-Bulgarija 

Mat-€33.1 miljun ta' fondi tal-UE se jiffinanzjaw il-bini ta' interkonnettur tal-gass transfruntier ta' 182km bejn Komotini fil-Greċja u Stara Zagora fil-Bulgarija. Dan il-pipeline huwa proġett Ewropew ta' interess komuni, li jikkontribwixxi biex jinkisbu l-objettivi tal-Unjoni tal-Enerġija. Għall-ewwel darba, is-sistemi tal-gass taż-żewġ pajjiżi se jingħaqdu, u b'hekk is-sorsi tal-enerġija fir-reġjun se jiġu ddiversifikati filwaqt li tiżdied is-sigurtà tal-enerġija. B'aktar kompetizzjoni fis-suq tal-gass, il-konsumaturi se jgawdu minn prezzijiet orħos.

  • Konnessjonijiet aħjar tat-triq u ferrovjarji fin-Netwerk trans-Ewropew tat-trasport fiċ-Ċekja 

L-ewwel nett, is-€76 miljun qed jiffinanzjaw it-titjib fuq il-linja ferrovjarja bejn Praga u Pilsen. Ix-xogħlijiet jinkludu linji ġodda u mibnijin mill-ġdid bejn Rokycany u Pilsen, biex jitqassar il-ħin bin-nofs bejn din is-sezzjoni u tissaħħaħ l-attraenza ta' Pilsen bħala ċentru ekonomiku reġjonali. Imbagħad, kważi €75 miljun qed jiġu investiti fi triq minn Nebory sa Bystřice, bħala parti minn konnessjoni ewlenija bejn l-awtostrada Ċeka D48 u l-awtostrada Slovakka D3.

  • Kampus ta' riċerka modern f'Jena, il-Ġermanja 

F'Jena, Thüringen, il-faċilitajiet tal-Università ta' Friedrich-Schiller se jingħataw bixra ġdida bi kważi €84 miljun f'fondi tal-UE. Il-proġett se jiffinanzja l-kostruzzjoni ta' żewġ binjiet: iċ-ċentru tad-data tal-università u l-fakultà tal-matematika u x-xjenza tal-IT, li se jibbenefikaw minnha 18,000 student.

  • Servizzi pubbliċi effiċjenti fil-Greċja u enerġija affordabbli fi Kreta 

Kważi €135 miljun qed jiġu investiti fis-sistema ta' telekomunikazzjoni “Syzefxis II”, li eventwalment se tgħaqqad in-netwerk tal-amministrazzjoni pubblika Griega kollha kemm hi. Bis-saħħa ta' dan, 600,000 impjegat taċ-ċivil u 34,000 binja se jkunu konnessi mas-sistema, li se jwasslu għal ekonomiji ta' skala sinifikanti, u servizzi aħjar għall-popolazzjoni.

Imbagħad, kważi €95 miljun se jiffinanzjaw il-kostruzzjoni ta' interkonnessjoni tal-elettriku bejn il-gżira ta' Kreta u l-peniżola ta' Peloponnese. Din tinkludi żewġ kejbils sottomarini ta' 135 km. Dan il-proġett se jbaxxi l-ispejjeż tal-elettriku fi Kreta billi minflok is-sistemi li jaħdmu biż-żejt u li jqumu ħafna flus, jintuża elettriku mill-Greċja kontinentali.

  • Konnettività mtejba, konġestjoni imnaqqsa u aktar sikurezza fit-trasport f'Budapest fl-Ungerija.

Mal-€105.5 miljun se jiffinanzjaw titjib fit-taqsima tan-nofsinhar tar-ring road ta' Budapest, b'toroq mibnija mill-ġdid, pontijiet, u mogħdijiet ġodda għaċ-ċiklisti. Il-proġett se jnaqqas il-ħin tal-ivvjaġġar u jtejjeb is-sikurezza fit-toroq għad-90,000 vettura li ta' kuljum jiċċirkolaw fiż-żona. Barra minn hekk, dan se jnaqqas il-konġestjoni billi jiddevja t-traffiku lil hinn miċ-ċentru tal-belt.

  • Trasport ferrovjarju mtejjeb fi Sqallija, l-Italja 

Aktar minn €358 miljun f'fondi tal-UE se jgħinu biex il-linja ferrovjarja Circumetnea li topera f'Katanja, fi Sqallija, tiġi estiża, bi tmien stazzjonijiet ġodda u vetturi ferrovjarji. Dan il-proġett se jgħin biex titnaqqas il-konġestjoni fin-netwerk tat-toroq u se jippromwovi mobilità nadifa fir-reġjun.

  • Ilma tax-xorb aħjar f'Malta 

Kważi €74 miljun se jipprovdu ilma tax-xorb aħjar, sikurezza tal-provvista tal-ilma msaħħa u ġestjoni tar-riżorsi tal-ilma tal-pjan imtejba f'Malta, Għawdex u Kemmuna. Il-proġett se tgawdi minnu l-popolazzjoni sħiħa tal-pajjiż. Ix-xogħlijiet iffinanzjati mill-UE jinkludu mina taħt l-art u l-estensjoni tan-netwerks ta' distribuzzjoni tal-ilma u tal-ilma mormi.

  • Kura tas-saħħa u konnettività aħjar fil-Polonja 

Fil-qasam tal-kura tas-saħħa, kważi €61 miljun f'fondi tal-UE se jgħinu fix-xiri ta' tagħmir ġdid għall-Isptar tal-Università ta' Krakovja, Małopolskie, għall-benefiċċju ta' aktar minn 3.3 miljun abitant. Imbagħad, €56 miljun se jgħinu fil-bini ta' kumpless tal-isptar ġdid għaċ-Ċentru Reġjonali tas-Saħħa tat-Tfal f'Poznań, Wielkopolskie, li jiċċentralizza s-servizzi tas-saħħa, fl-estensjoni tal-faċilitajiet u x-xiri ta' apparat ġdid. Iċ-ċentru se jkun mgħammar b'dipartiment tal-kura ta' emerġenza għat-tfal u se jkabbar id-dipartimenti tal-ortopedija, tat-trawmatoloġija u tar-riabilitazzjoni tiegħu.

Imbagħad, fil-qasam tat-trasport marittimu, €155 miljun se jżidu s-sikurezza tal-operazzjonijiet fil-Port ta' Gdańsk, Pomorskie, bi strutturi imsaħħin tal-breakwater. Kważi €65 miljun se jgħinu biex jinbnew jew jiġu mmodernizzati l-mollijiet u l-istrutturi tal-inġinerija idroteknika fil-Port ta' Gdynia, u b'hekk tiżdied is-sikurezza tat-traffiku.

Fit-trasport ferrovjarju, €126 miljun se jgħinu biex jinbena l-metrò ta' Szczecin, li jgħaqqad l-ibliet ewlenin tal-Punent ta' Pomerania inklużi Stargard, Police u Gryfino, li se jgawdu minnu 687,000 abitant. Kważi €39 miljun se jgħinu biex jinxtraw 16-il karru ferrovjarju elettriku, li se joperaw fl-agglomerazzjoni ta' Varsavja. Kważi €58 miljun se jgħinu biex jiġu mmodernizzati 152 vaguni tal-passiġġieri u biex jinxtraw 20 lokomottiv tal-elettriku, li se jduru fir-rotot operati minn PKP Intercity fil-pajjiż.

Finalment, fil-qasam tat-trasport bit-triq, il-Politika ta' Koeżjoni se tiffinanzja l-bini ta' taqsima tat-triq espressa S7 li tgħaqqad lil Varsavja ma' Grójec (€129 miljun), taqsima tal-awtostrada A2 bejn il-bypass tan-nofsinhar ta' Varsavja u Mińsk Mazowiecki (aktar minn €78 miljun), taqsima tat-triq espressa S3 lejn il-fruntiera Ċeka tas-Silesia ta' Isfel (€105 miljun) u taqsima tal-bypass ta' Olsztyn f'Warmińsko-Mazurskie (€87 miljun). Dawn il-proġetti, li kollha jagħmlu parti min-Netwerk trans-Ewropew tat-trasport, se jżidu s-sikurezza fit-toroq, inaqqsu l-ħin tal-ivvjaġġar u jsaħħu l-koeżjoni territorjali fil-pajjiż.

  • L-immodernizzar tal-linja ferrovjarja tat-Tramuntana fil-Portugal 

It-taqsima Ovar-Gaia tal-linja ferrovjarja tat-tramuntana, parti min-Netwerk trans-Ewropew tat-trasport, se tiġi mmodernizzata bis-saħħa ta' kważi €119-il miljun f'fondi tal-UE. Il-passiġġieri se jgawdu minn inqas ħin għall-ivvjaġġar, kundizzjonijiet aktar komdi u aktar sikurezza fuq din l-assi.

  • Trasport aħjar f'Bucharest, protezzjoni ambjentali u ġestjoni tal-ilma fir-Rumanija  

Mal-€1 biljun se jgħinu biex jittejbu r-ring roads ta' Bucharest billi jiġu estiżi bosta partijiet minnha, billi jiġu rduppjati l-korsiji f'kull direzzjoni. Dan se jappoġġa wkoll il-kostruzzjoni ta' sezzjoni ta' 51 km tal-parti ta' isfel tal-Motorway Orbitali ġdida ta' Bucharest. Fil-kapitali Rumena wkoll, €97 miljun ta' fondi tal-UE se jiffinanzjaw xogħlijiet fuq il-linja ferrovjarja nru 2, b'binarji u vetturi ferrovjarji ġodda. 

Imbagħad, €603 miljun se jintużaw għall-protezzjoni u r-riabilitazzjoni taż-żona turistika tal-kosta tal-Baħar l-Iswed fil-Kontea ta' Constanța. Il-proġett jinkludi xogħlijiet ta' konsolidazzjoni tal-irdumijiet, il-mili mill-ġdid bir-ramel fil-bajjiet, miżuri ta' preservazzjoni tal-bijodiversità (skollijiet artifiċjali u ripopolazzjoni ta' speċijiet tal-baħar) kif ukoll tagħmir ta' monitoraġġ. 

Finalment, l-UE se tinvesti aktar minn €135 miljun f'sistemi aħjar għall-ilma tax-xorb u tal-ilma mormi fil-Kontea ta' Timiș. Bis-saħħa ta' dan, 15 000 abitant addizzjonali se jkunu konnessi man-netwerk tal-ilma tax-xorb u kważi 380 000 persuna se jgawdu minn ilma tax-xorb aħjar. 

Kuntest

Proġetti maġġuri jinvolvu proġetti infrastrutturali kbar, li jiswew aktar minn €50 miljun ta' fondi tal-Politika ta' Koeżjoni (€75 miljun fil-każ ta' proġetti ta' trasport). Minħabba d-daqs tagħhom, dawn il-proġetti huma soġġetti għal valutazzjoni u deċiżjoni speċifika tal-Kummissjoni. Fil-perjodu ta' programmazzjoni 2014–2020, 258 proġett maġġuri rċevew finanzjament mill-UE. Il-kontribuzzjoni tal-UE għal dawn il-proġetti tammonta għal €32 biljun, li huwa nofs il-valur totali tagħhom.

JASPERS (Assistenza konġunta ta'appoġġ għal proġetti fir-reġjuni Ewropej), il-grupp ta' esperti indipendenti li jgħinu lill-gvernijiet lokali, reġjonali, u nazzjonali iħejju proġetti infrastrutturali kbar iffinanzjati minll-fondi tal-UE, kellhom rwol importanti f'kull wieħed minn dawn il-proġetti, kemm permezz ta' pariri lill-Istati Membri u lill-benefiċjarji matul l-iżvilupp tal-proġett kif ukoll matul l-eżami tal-applikazzjoni għal finanzjament tal-għotjiet.

Aktar informazzjoni

DG REGIO: aktar informazzjoni dwar il-25 proġett

DG REGIO: il-proġetti kollha infrastrutturali kbar

 

IP/19/1872

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar