Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-Kummissjoni Ewropea tirrakkomanda approċċ komuni fil-livell tal-UE għas-sigurtà tan-networks 5G

Strasburgu, is-26ta' marzu 2019

Illum il-Kummissjoni Ewropea rrakkomandat għadd ta' passi u miżuri operazzjonali biex tiżgura livell għoli ta' ċibersigurtà għan-networks 5G fil-livell tal-UE.

In-networks tal-ħames ġenerazzjoni (5G) se jiffurmaw is-sinsla futura tas-soċjetajiet u l-ekonomiji tagħna u se jgħaqqdu flimkien biljuni ta' oġġetti u sistemi, inkluż f'setturi kritiċi bħall-enerġija, it-trasport, il-banek u s-saħħa, kif ukoll is-sistemi ta' kontroll industrijali li jgħaddu informazzjoni sensittiva u s-sistemi ta' appoġġ għas-sigurtà. Il-proċessi demokratiċi, bħall-elezzjonijiet, jiddependu dejjem aktar fuq l-infrastrutturi diġitali u n-networks 5G. Dan jenfasizza l-ħtieġa li tiġi indirizzata kwalunkwe vulnerabbiltà u jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ferm aktar rilevanti qabel l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew f'Mejju.

Wara l-appoġġ mill-Kapijiet ta' Stat jew tal-Gvernijiet, li ntwera fil-Kunsill Ewropew tat-22 ta' Marzu għal approċċ miftiehem għas-sigurtà tan-networks 5G, il-Kummissjoni Ewropea llum qed tirrakkomanda għadd ta' azzjonijiet konkreti biex jiġu vvalutati r-riskji taċ-ċibersigurtà tan-networks 5G u jissaħħu l-miżuri preventivi. Ir-rakkomandazzjonijiet huma strumenti leġiżlattivi u ta' politika magħqudin flimkien, bil-għan li jipproteġu s-sistemi tagħna tal-ekonomiji, is-soċjetajiet tagħna u s-sistemi demokratiċi tagħna. Bid-dħul dinji mill-5G stmat għal €225 biljun fl-2025, il-5G huwa riżorsa ewlenija għall-Ewropa biex tikkompeti fis-suq dinji u ċ-ċibersigurtà tagħha hija kruċjali biex tiġi żgurata l-awtonomija strateġika tal-Unjoni.

Il-Viċi President Andrus Ansip, li huwa responsabbli mis-Suq Uniku Diġitali qal:“It-teknoloġija 5G se tbiddel l-ekonomija u s-soċjetà tagħna u se toffri opportunitajiet kbar għan-nies u n-negozji. Iżda aħna ma nistgħux naċċettaw li dan isir mingħajr sigurtà sħiħa fis-seħħ. Għaldaqstant huwa essenzjali li l-infrastrutturi 5G fl-UE jkunu reżiljenti u sikuri b'mod sħiħ minn aċċess tekniku u legali mhux awtorizzat.”

Il-Kummissarju Julian King, responsabbli mill-Unjoni tas-Sigurtà, qal: “Ir-reżiljenza tal-infrastruttura diġitali tagħna hija kritika għall-gvern, in-negozji, is-sigurtà tad-data personali u l-funzjonament tal-istituzzjonijiet demokratiċi tagħna. Għandna niżviluppaw approċċ Ewropew biex nipproteġu l-integrità tal-5G, li se jkun il-bażi diġitali tal-ħajjiet interkonnessi tagħna.”

Il-Kummissarju Mariya Gabriel, responsabbli għall-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali żiedet:“Il-protezzjoni tan-networks 5G għandha l-għan li tipproteġi l-infrastruttura li se tappoġġa l-funzjonijiet essenzjali ta' appoġġ tas-soċjetà u tal-ekonomija - bħall-enerġija, it-trasport, il-banek u s-saħħa, kif ukoll il-fabbriki ferm aktar awtomatizzati tal-futur. Dan ifisser ukoll li jiġu protetti l-proċessi demokratiċi, bħall-elezzjonijiet, kontra l-interferenza u t-tixrid ta' diżinformazzjoni.”

Kull vulnerabbiltà fin-networks 5G jew attakk ċibernetiku li għandu bħala mira n-networks futuri fi Stat Membru jista' jaffettwa l-Unjoni kollha kemm hi. Din hija r-raġuni għaliex miżuri miftiehma li jittieħdu kemm f'livell nazzjonali kif ukoll fil-livelli Ewropej iridu jiżguraw livell għoli ta' ċibersigurtà.

 

Ir-Rakkomandazzjoni tal-lum tistabbilixxi għadd ta' miżuri operazzjonali:

1. Fil-livell nazzjonali

Kull Stat Membru jenħtieġ li sa tmiem Ġunju 2019 jiffinalizza valutazzjoni nazzjonali tar-riskji tal-infrastrutturi tan-network 5G. Fil-bażi ta' dan, l-Istati Membri jenħtieġ li jaġġornaw ir-rekwiżiti eżistenti tas-sigurtà għall-fornituri tan-network u jinkludu kundizzjonijiet biex tiġi żgurata s-sigurtà tan-networks pubbliċi, speċjalment meta jingħataw drittijiet għall-użu għal frekwenzi tar-radju fil-bands 5G. Dawn il-miżuri jenħtieġ li jinkludu obbligi msaħħa fuq il-fornituri u l-operaturi biex tiġi żgurata s-sigurtà tan-networks. Il-valutazzjonijiet tar-riskji nazzjonali u l-miżuri jenħtieġ li jikkunsidraw fatturi tar-riskji varji, bħar-riskji tekniċi u r-riskji marbutin mal-imġiba tal-fornituri jew l-operaturi, inklużi dawk minn pajjiżi terzi. Il-valutazzjonijiet tar-riskji nazzjonali se jkunu element ċentrali biex tinħoloq valutazzjoni kkoordinata tar-riskji fil-livell tal-UE.

L-Istati Membri għandhom id-dritt li jeskludu kumpaniji mis-swieq tagħhom għal raġunijiet nazzjonali ta' sigurtà, jekk dawn ma jkunux konformi mal-istandards tal-pajjiż u l-qafas legali.

 

2. Fil-livell tal-UE

L-Istati Membri jenħtieġ li jiskambjaw informazzjoni bejniethom u bl-appoġġ tal-Kummissjoni u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċibersigurtà (European Agency for Cybersecurity, ENISA), se jiffinalizzaw valutazzjoni kkoordinata tar-riskji sal-1 ta' Ottubru 2019. Fuq il-bażi ta' dan, l-Istati Membri se jaqblu dwar għadd ta' miżuri ta' mitigazzjoni, li jistgħu jintużaw fil-livell nazzjonali. Dawn jistgħu jinkludu r-rekwiżiti ta' ċertifikazzjoni, it-testijiet, il-kontrolli, kif ukoll l-identifikazzjoni ta' prodotti jew fornituri li potenzjalment jitqiesu bħala mhux sikuri. Din il-ħidma se ssir mill-Grupp ta' Kooperazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti, kif stabbilit fl-ambitu tad-Direttiva dwar is-Sigurtà tan-Networks u tas-Sistemi ta' Informazzjoni, bl-appoġġ tal-Kummissjoni u l-ENISA. Din il-ħidma kkoordinata jenħtieġ li tappoġġa l-azzjonijiet tal-Istati Membri fil-livell nazzjonali u tipprovdi gwida lill-Kummissjoni għal passi ulterjuri possibbli fil-livell tal-UE. Barra minn hekk, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżviluppaw rekwiżiti speċifiċi ta' sigurtà li jistgħu japplikaw fil-kuntest tal-akkwist pubbliku marbut man-networks 5G, inklużi rekwiżiti obbligatorji biex jiġu implimentati l-iskemi taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà.

 

Ir-Rakkomandazzjoni tal-lum se tagħmel użu mill-firxa wiesgħa ta' strumenti diġà fis-seħħ jew li kien hemm qbil dwarhom biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni kontra l-attakki ċibernetiċi u l-UE tkun tista' taġixxi b'mod kollettiv biex tipproteġi l-ekonomija u s-soċjetà tagħha, inkluża l-ewwel leġiżlazzjoni fil-livell tal-UE dwar iċ-ċibersigurtà (id-Direttiva dwar is-Sigurtà tan-Networks u tas-Sistemi tal-Informazzjoni), l-Att dwar iċ-Ċibersigurtà li ġie approvat riċentement mill-Parlament Ewropew, u r-regoli l-ġodda dwar it-telekomunikazzjoni. Ir-Rakkomandazzjoni se tgħin lill-Istati Membri biex jimplimentaw dawn l-istrumenti l-ġodda b'mod koerenti f'dak li għandu x'jaqsam mas-sigurtà tal-5G.

 

Fil-qasam taċ-ċibersigurtà, il-qafas Ewropew futur taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà għall-prodotti, il-proċessi u s-servizzi diġitali previst fl-Att dwar iċ-Ċibersigurtà jenħtieġ li jipprovdi għodda ta' appoġġ essenzjali biex jiġu promossi livelli konsistenti ta' sigurtà. Fl-implimentazzjoni tiegħu, l-Istati Membri jenħtieġ ukoll li jinvolvu ruħhom mal-partijiet ikkonċernati l-oħra kollha involuti minnufih u b'mod attiv fl-iżvilupp ta' skemi ta' ċertifikazzjoni maħsubin għal dan il-għan fil-livell tal-UE għall-5G. Ladarba dawn isiru disponibbli, l-Istati Membri jenħtieġ li jagħmlu ċ-ċertifikazjoni f'dan il-qasam obbligatorja permezz ta' regolamentazzjonijiet tekniċi nazzjonali.

 

Fil-qasam tat-telekomunikazzjoni, l-Istati Membri jridu jiżguraw li jinżammu l-integrità u s-sigurtà tan-networks tal-komunikazzjoni pubblika, b'obbligi biex jiġi żgurat li l-operaturi jieħdu miżuri tekniċi u organizzattivi biex jimmaniġġaw b'mod xieraq ir-riskji għas-sigurtà tan-networks u tas-servizzi.

 

 

Il-passi li jmiss

 

  • L-Istati Membri jenħtieġ li jiffinalizzaw il-valutazzjonijiet tar-riskji nazzjonali tagħhom sat-30 ta' Ġunju 2019 u jaġġornaw il-miżuri meħtieġa ta' sigurtà. Il-valutazzjoni tar-riskji nazzjonali jenħtieġ li tintbagħat lill-Kummissjoni u lill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċibersigurtà sal-15 ta' Lulju 2019.
  • B'mod parallell, l-Istati Membri u l-Kummissjoni se jibdew ħidma ta' koordinazzjoni fil-Grupp ta' Kooperazzjoni NIS. L-ENISA se tiffinalizza qafas tat-theddid għall-5G, li sal-1 ta' Ottubru 2019 se jappoġġa lill-Istati Membri fit-twettiq tal-valutazzjoni tar-riskji fil-livell tal-UE.
  • Sal-31 ta' Diċembru, il-Grupp ta' Kooperazzjoni NIS jenħtieġ li jaqbel rigward il-miżuri ta' mitigazzjoni biex jiġu indirizzati r-riskji taċ-ċibersigurtà identifikati fuq livell nazzjonali u tal-Unjoni.
  • Ladarba l-Att dwar iċ-Ċibersigurtà, li ġie approvat riċentement mill-Parlament Ewropew, jidħol fis-seħħ fil-ġimgħat li ġejjin, il-Kummissjoni u l-ENISA se jistabbilixxu qafas ta' ċertifikazzjoni fil-livell tal-UE. L-Istati Membri huma inkoraġġiti biex jikkooperaw mal-Kummissjoni u l-ENISA biex jistabbilixxu l-prijorità ta' skema ta' ċertifikazzjoni li tkopri n-networks u t-tagħmir 5G.
  • Sal-1 ta' Ottubru 2020, l-Istati Membri f'kooperazzjoni mal-Kummissjoni, jenħtieġ li jivvalutaw l-effetti tar-Rakkomandazzjoni sabiex jiġi stabbilit jekk tkunx tenħtieġ azzjoni ulterjuri. Din il-valutazzjoni jenħtieġ li tqis l-eżitu tal-valutazzjoni tar-riskji kkoordinata Ewropea u l-effettività tas-sett ta' għodod.

 

 

Kuntest

 

Fil-konklużjonijiet tiegħu tat-22 ta' Marzu, il-Kunsill Ewropew esprima l-appoġġ tiegħu għall-Kummissjoni Ewropea li tirrakkomanda approċċ miftiehem għas-sigurtà tan-networks 5G. Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-theddid għas-sigurtà marbuta mal-preżenza teknoloġika Ċiniża li qed tiżdied fl-Unjoni, u li saret votazzjoni dwarha fit-12 ta' Marzu, titlob ukoll lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jieħdu azzjoni fil-livell tal-Unjoni.

Barra minn hekk, iċ-ċibersigurtà tan-networks 5G hija essenzjali biex tiġi żgurata l-awtonomija strateġika tal-Unjoni, kif enfasizzat fil-Komunikazzjoni Konġunta “UE-Ċina, Prospettiva Strateġika”. Għalhekk huwa essenzjali u urġenti li jiġu riveduti u msaħħa r-regoli tas-sigurtà eżistenti f'dan il-qasam sabiex jiġi żgurat li dawn jirriflettu l-importanza strateġika tan-networks 5G, kif ukoll l-evoluzzjoni tat-theddid, inkluż in-numru dejjem jikber ta' attakki ċibernetiċi u s-sofistikazzjoni tagħhom. Il-5G huwa riżorsa ewlenija għall-Ewropa biex tikkompeti fis-suq globali. Fl-2025, huwa previst li d-dħul dinji mill-5G jilħaq l-ekwivalenti ta' €225 biljun. Sors ieħor jindika li l-benefiċċji tal-introduzzjoni tal-5G f'erba' setturi industrijali ewlenin, jiġifieri l-karozzi, is-saħħa, it-trasport u l-enerġija, jistgħu jilħqu l-€114-il biljun fis-sena.

 

 

Għal Aktar Informazzjoni

Rakkomandazzjoni dwar iċ-Ċibersigurtà tan-Networks 5G

Mistoqsijiet u Tweġibiet

L-Unjoni tas-Sigurtà: 15 minn 22 inizjattiva leġiżlattiva miftiehma sa issa

Stqarrija għall-istampa: In-negozjaturi tal-UE jaqblu dwar it-tisħiħ taċ-ċibersigurtà tal-Ewropa

Stqarrija għall-istampa: Komunikazzjoni Konġunta “UE-Ċina – Perspettiva Strateġika”

 

IP/19/1832

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar