Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Tħejjija għall-Brexit: l-UE tlesti t-tħejjijiet għal xenarju possibbli ta' ebda ftehim fit-12 ta' April

Brussell, il-25ta' marzu 2019

Minħabba li qed issir aktar probabbli li r-Renju Unit se joħroġ mill-Unjoni Ewropea mingħajr ftehim fit-12 ta' April, il-Kummissjoni Ewropea llum lestiet it-tħejjijiet tagħha għal ebda ftehim.

Fl-istess ħin, qed tkompli tappoġġa lill-amministrazzjonijiet fit-tħejjijiet tagħhom, u tħeġġeġ liċ-ċittadini u n-negozji kollha tal-UE biex ikomplu jinfurmaw ruħhom dwar il-konsegwenzi ta' xenarju possibbli ta' ebda ftehim u biex ilestu t-tħejjijiet tagħhom għal dan ix-xenarju. Dan isegwi l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew (Artikolu 50) tal-ġimgħa li għaddiet li appellaw biex titkompla l-ħidma fuq it-tħejjija. Filwaqt li x-xenarju ta' ebda ftehim mhuwiex mixtieq, l-UE hija mħejjija għalih. 

Wara talba mill-Prim Ministru Theresa May, il-Kunsill Ewropew (Artikolu 50) qabel nhar il-Ħamis 21 ta' Marzu biex jestendi d-data tat-tluq tar-Renju Unit għat-22 ta' Mejju 2019, dment li l-Ftehim dwar il-Ħruġ jiġi approvat mill-House of Commons mhux aktar tard mid-29 ta' Marzu 2019. Jekk il-Ftehim dwar il-Ħruġ ma jiġix approvat mill-House of Commons sa dakinhar, il-Kunsill Ewropew qabel dwar estensjoni sat-12 ta' April 2019. F'dak ix-xenarju, ir-Renju Unit ikun mistenni li jindika t-triq 'il quddiem qabel din id-data.

Filwaqt li l-Unjoni Ewropea tkompli tittama li dan ma jkunx il-każ, dan ifisser li jekk il-Ftehim dwar il-Ħruġ ma jiġix ratifikat sal-Ġimgħa 29 ta' Marzu, fit-12 ta' April jista' jkollna xenarju b'ebda ftehim. L-UE ħejjiet għal dan ix-xenarju u baqgħet magħquda matul it-tħejjijiet tagħha. Issa huwa importanti li kulħadd ikun imħejji u konxju tal-konsegwenzi prattiċi ta' xenarju mingħajr ebda ftehim.

Xenarju mingħajr ebda ftehim

F'xenarju mingħajr ebda ftehim, ir-Renju Unit se jsir pajjiż terz mingħajr arranġamenti tranżizzjonarji. Id-dritt primarju u sekondarju kollu tal-UE mhux se jibqa' japplika għar-Renju Unit minn dak il-mument 'il quddiem. Mhu se jkun hemm l-ebda perjodu ta' tranżizzjoni, kif previst fil-Ftehim dwar il-Ħruġ. Dan ovvjament se joħloq tfixkil sinifikanti għaċ-ċittadini u n-negozji. 

F'tali xenarju, ir-relazzjonijiet tar-Renju Unit mal-Unjoni Ewropea jiġu rregolati skont id-dritt pubbliku internazzjonali ġenerali, inklużi r-regoli tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ. L-UE se tkun meħtieġa immedjatament tapplika r-regoli u t-tariffi tagħha fil-fruntieri mar-Renju Unit. Dan jinkludi verifiki u kontrolli doganali u għall-istandards sanitarji u fitosanitarji, u l-verifika ta' konformità man-normi tal-UE. Minkejja t-tħejjijiet konsiderevoli tal-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, dawn il-kontrolli jistgħu joħolqu dewmien sinifikanti fil-fruntiera. Barra minn hekk, l-entitajiet tar-Renju Unit mhumiex se jibqgħu eliġibbli li jirċievu għotjiet Komunitarji u li jieħdu sehem fi proċeduri ta' akkwist tal-UE skont it-termini attwali. 

B'mod simili, iċ-ċittadini tar-Renju Unit mhumiex se jibqgħu ċittadini tal-Unjoni Ewropea. Se jkunu soġġetti għal verifiki addizzjonali meta jaqsmu l-fruntiera għall-Unjoni Ewropea. Hawn ukoll, l-Istati Membri għamlu tħejjijiet konsiderevoli fil-portijiet u l-ajruporti biex jiżguraw li l-verifiki jsiru bl-iktar mod effiċjenti possibbli, iżda madankollu dawn jistgħu joħolqu dewmien. 

Il-ħidma ta' tħejjija u kontinġenza tal-UE għal ebda ftehim

Minn Diċembru 2017, il-Kummissjoni Ewropea kienet qed tipprepara għal xenarju ta' ebda ftehim. Hija ppubblikat 90 avviż ta' tħejjija, tliet Komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni, u għamlet 19-il proposta leġislattiva (ara aktar 'l isfel). 

Il-Kummissjoni għamlet diskussjonijiet tekniċi estensivi mal-Istati Membri tal-EU27 kemm dwar kwistjonijiet ġenerali ta' tħejjija u kontinġenza u dwar kwistjonijiet speċifiċi dwar it-tħejjija settorjali, legali u amministrattiva. Il-Kummissjoni issa lestiet id-dawra tagħha tal-ibliet kapitali tas-27 Stat Membru tal-UE. L-għan ta' dawn iż-żjarat kien li ssir kwalunkwe kjarifika neċessarja dwar l-azzjoni ta' tħejjija u kontinġenza tal-Kummissjoni u biex jiġu diskussi t-tħejjijiet u l-pjanijiet ta' kontinġenza nazzjonali. Dawn iż-żjarat urew grad għoli ta' tħejjija mill-Istati Membri għax-xenarji kollha.

L-Istati Membri wkoll kienu involuti fi tħejjijiet nazzjonali intensivi. Ħarsa ġenerali lejn id-drittijiet ta' residenza fl-Istati Membri EU27 hija disponibbli hawn, kif ukoll ħoloq diretti għal siti web nazzjonali dwar it-tħejjija.

Miżuri leġiżlattivi ta' kontinġenza u ta' tħejjija

Sa issa, il-Kummissjoni ppreżentat 19-il proposta leġislattiva. Minnhom, 17-il proposta ġew adottati jew maqbula mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill. L-adozzjoni formali ta' dawn il-fajls kollha mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill għaddejja bħalissa. Żewġ proposti huma mistennija li eventwalment jiġu ffinalizzati miż-żewġ koleġiżlaturi.

Kif indikat fil-Komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar it-Tħejjija għall-Brexit, il-miżuri ta' kontinġenza tal-UE mhumiex se — u ma jistgħux — itaffu l-impatt ġenerali ta' xenarju ta' ebda ftehim, u bl-ebda mod ma jikkumpensaw għan-nuqqas ta' tħejjija jew jirreplikaw il-benefiċċji sħaħ tas-sħubija fl-UE jew it-termini favorevoli ta' ebda perjodu ta' tranżizzjoni, kif previst fil-Ftehim dwar il-Ħruġ. Dawn il-proposti huma ta' natura temporanja, limitati fl-ambitu u se jiġu adottati unilateralment mill-UE. Dawn mhumiex “mini ftehimiet” u ma ġewx negozjati mar-Renju Unit. 

L-UE żammet — u se tkompli żżomm — pożizzjoni kompletament unita tul it-tħejjijiet tagħha, u tul kwalunkwe perjodu possibbli mingħajr ebda ftehim. 

 Il-miżuri ta' kontinġenza għal ebda ftehim jinkludu:

-Il-programm PEACE: it-tkomplija tal-programm PEACE fil-gżira tal-Irlanda sa tmiem l-2020. Rigward il-perjodu ta' wara l-2020, il-Kummissjoni diġà pproponiet bħala parti mill-proposti tagħha għall-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss biex tkompli u ssaħħaħ l-appoġġ transfruntier għall-paċi u r-rikonċiljazzjoni fil-kontej tal-fruntiera tal-Irlanda u l-Irlanda ta' Fuq.

- Il-Baġit tal-UE (fil-proċess tal-adozzjoni finali): f'xenarju mingħajr ebda ftehim, l-UE se tkun f'pożizzjoni li tonora l-impenji tagħha u li tkompli tagħmel il-ħlasijiet fl-2019 lill-benefiċjarji fir-Renju Unit għal kuntratti ffirmati u deċiżjonijiet li jkunu saru qabel it-30 ta' Marzu 2019, bil-kundizzjoni li r-Renju Unit jonora l-obbligi tiegħu skont il-baġit tal-2019 u li jaċċetta l-verifiki u l-kontrolli tal-awditu neċessarji.

-Drittijiet u kumpens tas-sajd: dawn il-miżuri jipprevedu kumpens għas-sajjieda u l-operaturi mill-Istati Membri tal-UE taħt il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd għall-waqfien temporanju mill-attivitajiet tas-sajd. Jiżguraw ukoll li l-UE tkun f'pożizzjoni li tagħti lill-bastimenti mir-Renju Unit aċċess għall-ilmijiet tal-UE sa tmiem l-2019, bil-kundizzjoni li l-bastimenti tal-UE wkoll jingħataw aċċess reċiproku għall-ilmijiet tar-Renju Unit.

-Is-servizzi finanzjarji: miżuri temporanji u limitati biex jiġi żgurat li ma jkunx hemm tfixkil immedjat fl-ikklerjar ċentrali tad-derivattivi u fis-servizzi ta' depożitarji ċentrali għall-operaturi tal-UE li bħalissa qed jużaw operaturi tar-Renju Unit, u biex tiġi faċilitata n-novazzjoni, għal perjodu fiss ta' 12-il xahar, ta' ċerti kuntratti ta' derivattivi barra l-borża, meta kuntratt ikun trasferit minn kontroparti tar-Renju Unit għal waħda tal-EU27.

-Konnettività u sikurezza bl-ajru: dawn iż-żewġ miżuri se jiżguraw konnettività bażika bl-ajru sabiex jevitaw l-interruzzjoni kompleta tat-traffiku tal-ajru bejn l-UE u r-Renju Unit fil-każ ta' ebda ftehim. 

-Konnettività bit-toroq: tippermetti l-kontinwazzjoni tal-konnettività bażika sigura bit-toroq bejn l-UE u r-Renju Unit għal perjodu limitat ta' żmien, dment li r-Renju Unit jagħti trattament reċiproku lill-kumpaniji u l-operaturi tal-UE.

-Konnettività ferrovjarja: tiżgura l-validità tal-awtorizzazzjonijiet ta' sikurezza għal ċerti partijiet tal-infrastruttura ferrovjarja għal perjodu strettament limitat ta' tliet xhur sabiex ikunu jistgħu jiġu stabbiliti soluzzjonijiet fit-tul konformi mal-liġi tal-UE. B'mod partikolari, din hi b'rabta mal-mina taħt il-Kanal Ingliż u se tkun bil-patt li r-Renju Unit iżomm standards ta' sikurezza identiċi għar-rekwiżiti tal-UE.

-Spezzjonijiet tal-bastimenti: dawn għandhom l-għan li jiżguraw iċ-ċertezza tad-dritt u jiżguraw il-kontinwità tal-operat fit-tbaħħir.

-Ir-riallinjament tal-Kuritur tan-Netwerk Ewlieni bejn il-Baħar tat-Tramuntana u l-Mediterran: Dan iżid konnessjonijiet marittimi ġodda bejn l-Irlanda, Franza, il-Belġju u n-Netherlands għan-netwerk ewlieni, u jintroduċi prijorità ta' finanzjament ġdida għall-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (FNE), billi jadatta l-infrastruttura tat-trasport għall-finijiet tas-sigurtà u għall-verifika fil-fruntieri esterni.

-Il-politika dwar il-klima: din il-miżura tiżgura li xenarju ta' ebda ftehim ma jaffettwax il-funzjonament bla xkiel u l-integrità ambjentali tal-iskema għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet.

-Il-Programm Erasmus+: l-istudenti u t-trainees imsefrin li jkunu qed jieħdu sehem fl-Erasmus+ fil-waqt tal-ħruġ tar-Renju Unit ikunu jistgħu jlestu l-istudji tagħhom u jkomplu jirċievu l-finanzjament jew l-għotjiet rilevanti.

-Intitolamenti għas-sigurtà soċjali: l-intitolamenti (bħall-perjodi ta' assigurazzjoni, impjieg (indipendenti) jew residenza fir-Renju Unit qabel il-ħruġ) ta' dawk in-nies li eżerċitaw id-dritt tagħhom għall-moviment liberu qabel il-ħruġ tal-UE jiġu salvagwardjati. 

- Ir-reċiproċità tal-viża (fil-proċess tal-adozzjoni finali): ivvjaġġar mingħajr viża fl-UE għaċ-ċittadini tar-Renju Unit jekk ir-Renju Unit ukoll jagħti vvjaġġar reċiproku u nondiskriminatorju mingħajr viżi għaċ-ċittadini kollha tal-UE.

Għajnuna mill-Istat

Fir-rigward tal-ħtieġa għal riżorsi finanzjarji u/jew assistenza teknika, ir-regoli eżistenti tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat jagħmluha possibbli li jiġu indirizzati l-problemi li jiltaqgħu magħhom in-negozji fil-każ ta' Brexit li fih “ma jintlaħaq l-ebda ftehim”. Bħala eżempju, ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat jippermettu għajnuna ta' konsulenza għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) jew għajnuna għal taħriġ li tista' tintuża biex l-SMEs jiġu megħjuna fit-tħejjija (inklużi formalitajiet doganali futuri possibbli). Il-Linji Gwida ta' Salvataġġ u Ristrutturar jinkludu dispożizzjonijiet dwar skemi ta' appoġġ temporanji għar-ristrutturar tal-SMEs, li jistgħu jkunu utli biex jiġu indirizzati l-problemi tagħhom ta' likwidità kkawżati mill-Brexit. L-aċċess għall-finanzjament huwa possibbli f'formati differenti, pereżempju permezz ta' skemi ta' self iffinanzjati mill-Istat li huma konformi mar-rata ta' referenza jew garanziji mill-Istat skont l-avviż ta' garanzija (punt ta' kuntatt disponibbli hawn).

Finanzjament u appoġġ taħt il-baġit tal-UE

L-għajnuna teknika u finanzjarja mill-Unjoni tista' ssir disponibbli wkoll f'ċerti oqsma, bħat-taħriġ ta' uffiċjali tad-dwana skont il-programm Dwana 2020. Programmi oħra jistgħu jgħinu proġetti ta' taħriġ simili fil-qasam ta' kontrolli sanitarji u fitosanitarji. Rigward l-agrikoltura, id-dritt tal-Unjoni jipprovdi għadd ta' strumenti biex jiġu indirizzati l-iktar effetti immedjati tal-ħruġ tar-Renju Unit, b'mod partikolari f'xenarju fejn ma jintlaħaq l-ebda ftehim.

Avviżi ta' tħejjija

Il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat 90 avviż ta' tħejjija speċifiċi għas-setturi. Dawn jagħtu gwida ddettaljata għad-diversi setturi affettwati mill-Brexit. Dawn huma disponibbli online

Għal iktar informazzjoni: x'għandi nagħmel f'xenarju ta' ebda ftehim?

Biex ikunu jafu aktar dwar kif iħejju għal xenarju mingħajr ebda ftehim, għal kwalunkwe mistoqsija ċ-ċittadini tal-UE jistgħu jikkuntattjaw lil Europe Direct. Ċempel bla ħlas fuq 00 800 6 7 8 9 10 11 minn kwalunkwe post fl-UE, fi kwalunkwe lingwa uffiċjali tal-UE. Illum il-Kummissjoni ppubblikat sensiela ta' skedi informattivi faċli biex jinftiehmu bil-lingwi kollha tal-UE. 

Ara hawn taħt għal aktar ħoloq utli:

Ċittadini tal-UE

- Is-sit web tal-Kummissjoni Ewropea dwar it-tħejjija

- Ħarsa ġenerali tad-drittijiet ta' residenza f'kull Stat Membru tal-EU27

- Siti web nazzjonali ta' ebda ftehim tal-Istati Membri

- Avviż dwar l-ivvjaġġar

- Skedi informattivi dwar l-ivvjaġġar, id-drittijiet taċ-ċittadini, l-istudju, u d-drittijiet tal-konsumatur

- M&T dwar l-Erasmus

- M&T dwar xenarju ta' ebda ftehim

- Informazzjoni għal ċittadini tal-UE li jgħixu fir-Renju Unit

Negozji tal-UE

-Firxa ta' materjal dwar id-dwana u t-tassazzjoni indiretta (inkluża lista ta' kontroll sempliċi b'ħames passi) għan-negozji

- Informazzjoni relatata mal-Agrikoltura

Seba' affarijiet li n-negozji fl-EU27 jeħtieġ li jkunu jafu bihom biex jippreparaw għall-Brexit

 

IP/19/1813

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar