Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Kiri ta' karozzi: Azzjoni tal-UE twassal għal ipprezzar aktar ċar u aktar trasparenti

Brussell, il-25ta' marzu 2019

Wara sejħa mill-Kummissjoni Ewropea u l-awtoritajiet tal-konsumatur tal-UE, ħames mexxejja tal-industrija, Avis, Europcar, Enterprise, Hertz u Sixt, bidlu l-mod kif jippreżentaw il-prezzijiet tal-kiri tal-karozzi, u għamluhom kompletament trasparenti għall-konsumaturi.

S'issa, il-kumpaniji kkonċernati ma kinux implimentaw għalkollox xi wħud mill-impenji tagħhom sabiex il-Kummissjoni Ewropea u l-awtoritajiet tal-konsumatur tal-UE jikkunsidrawhom kompletament konformi mal-liġi tal-konsumatur tal-UE. Il-valutazzjoni ppubblikata llum tinnota li Enterprise u Sixt għamlu l-bidliet kollha meħtieġa. Avis impenjat ruħha li tagħmel il-bidliet li fadal sa Mejju tal-2019. Europcar, li issa tinkludi Goldcar, se timplimenta l-bidliet li fadal sa Ġunju 2019. Hertz impenjat ruħha li tagħmel il-bidliet kollha meħtieġa sa mhux aktar tard mill-aħħar tal-ewwel trimestru tal-2020.

Věra Jourová, il-Kummissarju għall-Ġustizzja, il-Konsumaturi u l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri, qalet: “Grazzi għall-pressjoni li għamilna, mhux se jkun hemm sorpriżi koroh fl-uffiċċju taċ-check-out meta tkun qed tikri karozza. Huwa tassew frustranti li hekk kif tibda l-btajjel tiegħek jinqalgħulek spejjeż żejda mhux ippjanati u jkollok toqgħod taqra kuntratti kkumplikati. Jien irrid li l-konsumaturi Ewropej igawdu l-vaganzi tagħhom kompletament, mingħajr ma jkollhom għala jinkwetaw dwar sorpriżi koroh fil-kont finali.”

Il-kumpaniji impenjaw ruħhom li:

  • Jinkludu l-ispejjeż kollha fil-prezz totali tal-prenotazzjoni: il-konsumaturi issa se jiġu offruti prezz irreklamat fuq is-sit web li jaqbel mal-prezz finali li se jkollhom iħallsu. Dan il-prezz irid jinkludi l-ispejjeż addizzjonali kollha bħal tariffi speċifiċi għas-servizz tal-fjuwil, tariffi tal-ajruport, ħlas addizzjonali għal sewwieqa żgħażagħ, jew it-“tariffa għal triq waħda” meta l-lok tar-ritorn ikun differenti mil-lok fejn tinkera l-karozza.
  • Jiddeskrivu b'mod ċar is-servizzi ta' kiri ewlenin fit-termini u l-kundizzjonijiet fil-lingwi nazzjonali kollha: il-konsumaturi mhux se jkollhom għala jittrattaw ma' informazzjoni mhux ċara jew qarrieqa dwar il-karatteristiċi ewlenin tal-kiri bħall-kilometraġġ inkluż, il-kundizzjonijiet tal-fjuwil, il-kundizzjonijiet ta' kanċellazzjoni u r-rekwiżiti ta' depożitu, eċċ.
  • Jagħmluha ċara fil-prezz offert il-prezz u d-dettalji ta' servizzi addizzjonali fakultattivi, b'mod partikolari għal deroga mill-assigurazzjoni li jnaqqsu l-ammont li jkollu jitħallas f'każ ta' ħsara Dak li jkun kopert fil-prezz bażiku tal-kirja rigward ħsarat u b'mod partikolari dak li s-sewwieq jista' jkun fadallu jħallas għandu jkun indikat b'mod ċar. Jekk tinxtara assigurazzjoni addizzjonali jew deroga mid-danni, xi jkun jew ma jkunx inkluż għandu jiġi indikat ukoll qabel ma l-konsumatur jiffirma.

Il-passi li jmiss

Il-Kummissjoni Ewropea u l-awtoritajiet nazzjonali tal-konsumatur fin-netwerk Ewropew ta' Kooperazzjoni għall-Konsumaturi se jsegwu mill-qrib l-implimentazzjoni tat-tibdiliet li fadal. Għalkemm il-kumpaniji involuti f'din l-azzjoni jkopru tnejn minn kull tliet kirjiet ta' karozzi privati fl-UE, kummerċjanti oħra, bħal intermedjarji u kumpaniji iżgħar għandhom irwol importanti f'dan is-suq. L-awtoritajiet u l-Kummissjoni Ewropea se jkomplu jimmonitorjaw l-atturi kollha biex jiżguraw li jirrispettaw bis-sħiħ ir-regoli tal-UE għall-konsumaturi.

Jekk il-kumpaniji ma jissodisfawx l-impenji tagħhom, l-awtoritajiet tal-konsumaturi jistgħu jiddeċiedu li jirrikorru għal miżuri ta' infurzar.

Kuntest

Ir-Regolament dwar il-Kooperazzjoni għall-Protezzjoni tal-Konsumatur (CPC) iressaq flimkien lill-awtoritajiet nazzjonali tal-konsumatur f'netwerk tal-infurzar pan-Ewropew, li permezz tiegħu jkun hemm awtorità nazzjonali f'pajjiż wieħed tal-UE li tkun tista' tistieden il-kontropartijiet tagħha f'pajjiż ieħor tal-UE biex tikkoordina r-rispons fil-każ ta' kwistjonijiet mifruxa li jolqtu lill-konsumatur. Il-Kummissjoni Ewropea tiffaċilita din il-ħidma.

Taħt il-koordinazzjoni tal-Awtorità tal-Kompetizzjoni u s-Swieq tar-Renju Unit, in-Netwerk tal-Kooperazzjoni għall-Protezzjoni tal-Konsumatur (CPC) nediet kuntatti mal-ħames kumpaniji kbar tal-kiri tal-karozzi wara żieda fl-ilmenti li waslu għand iċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumaturi fl-UE. Din l-azzjoni ġiet iffaċilitata mill-Kummissjoni Ewropea.

Dawn il-kumpaniji tal-kiri tal-karozzi, Avis Budget Group, Enterprise Rent-A-Car, Hertz Europe Limited, Sixt SE u Europcar Mobility Group, tejbu l-prattiki kummerċjali, it-termini kuntrattwali u l-politiki interni tagħhom matul dan id-djalogu, li ġie konkluż fl-2017. Madankollu, il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-konsumatur ma kinux sodisfatti bil-livell ta' implimentazzjoni ta' xi impenji u għalhekk talbu għal titjib addizzjonali minn dawn il-kumpaniji. 

Għal Aktar Informazzjoni

Azzjonijiet koordinati tal-konsumatur

Il-Linji Gwida ta' Leaseurope

Netwerk taċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumaturi

 

1

 

1

 

IP/19/1790

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar