Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Finanzjament Sostenibbli: Konferenza ta' Livell Għoli tieħu l-kooperazzjoni globali dwar il-finanzjament sostenibbli fl-istadju li jmiss

Brussell, il-21ta' marzu 2019

Illum il-Kummissjoni Ewropea qiegħda tospita konferenza ta' livell għoli dwar approċċ globali għall-finanzjament sostenibbli.

F'Marzu 2018 l-Unjoni Ewropea impenjat ruħha li tkun minn ta' quddiem fir-rigward tar-riforma tas-sistema finanzjarja biex tgħin fit-tranżizzjoni lejn ekonomija sostenibbli, bl-adozzjoni tal-ewwel Pjan ta' Azzjoni dwar il-Finanzjament ta' Tkabbir Sostenibbli li qatt sar u l-ewwel edizzjoni ta' suċċess tal-Konferenza ta' Livell Għoli dwar il-finanzjament sostenibbli. Għaddiet sena minn dakinhar, u l-konferenza tal-lum tipprovdi l-opportunità li titrawwem il-kooperazzjoni internazzjonali, jiġu esplorati sinerġiji u jintwera impenn qawwi lejn sistema finanzjarja internazzjonali koerenti li ssostni l-iggwidar tal-kapital privat lejn proġetti sostenibbli. Din hija wkoll parti mill-isforzi tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali (USK) għat-tlaqqigħ tal-finanzjament mal-ħtiġijiet speċifiċi tal-ekonomija Ewropea u b'hekk tikkontribwixxi għall-aġenda tal-UE li tkun newtrali f'termini ta' emissjonijiet tal-karbonju.

Il-President Jean-Claude Juncker qal: “Din il-konferenza tibgħat sinjal b'saħħtu dwar il-ħtieġa li l-finanzjament sostenibbli jiġi estiż fuq il-livell globali. Toħroġ fid-dieher id-determinazzjoni tal-UE u ta' sħabha li jippermettu t-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari u newtrali għall-klima b'għajnuna mill-kapital privat. Il-ħolqien ta' netwerk internazzjonali dwar il-finanzjament sostenibbli jkun ta' għajnuna biex dan l-għan ikun jista' jintlaħaq barra mill-UE. Meta titqies l-urġenza u l-importanza ta' dan il-proġett nittama li dan il-momentum jibqa' għaddej b'qawwa fis-snin li ġejjin.”

Il-Viċi President Valdis Dombrovskis, responsabbli mill-Istabbiltà Finanzjarja, is-Servizzi Finanzjarji u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali, qal: “L-Unjoni Ewropea se tirrispetta l-impenji li ħadet fil-kuntest tal-Ftehim ta' Pariġi dwar il-Klima. Bħala parti minn din l-aġenda, l-UE kienet minn ta' quddiem fir-rigward tal-finanzjament sostenibbli meta rrikonoxxiet li t-tisħiħ tal-kapital privat huwa essenzjali għall-appoġġ tat-tranżizzjoni lejn ekonomija sostenibbli u newtrali għall-klima. Sa issa pajjiżi oħrajn għamlu progress sostanzjali f'dan il-qasam. Wasal iż-żmien biex ngħaqqdu l-isforzi tagħna biex il-finanzjament sostenibbli jinfirex fil-livell globali.”

Fid-Dokument ta' Riflessjoni Lejn Ewropa Sostenibbli sal-2030 tagħha, li ġie adottat dan l-aħħar, il-Kummissjoni tqis li wasal iż-żmien li jinħoloq netwerk internazzjonali ta' ġuriżdizzjonijiet minn swieq emerġenti, pajjiżi żviluppati u pajjiżi fil-fażi ta' żvilupp li huma impenjati li jagħmlu progress dwar il-finanzjament sostenibbli.

Ilbieraħ il-Viċi President Dombrovskis ospita ikla fil-preżenza ta' rappreżentanti ta' livell għoli minn seba' ġuriżdizzjonijiet ewlenin, notevolment l-Arġentina, il-Kanada, iċ-Ċina, l-Indja, il-Ġappun, il-Marokk u l-Kenja, sabiex jiġu esplorati modi biex jinħoloq dan in-Netwerk. Preżenti għall-ikla kien hemm ukoll rappreżentanti minn organizzazzjonijiet u inizjattivi internazzjonali. Minn hawn u ftit żmien ieħor se tiġi organizzata laqgħa ta' segwitu fil-livell ta' ħidma. 

F'dan il-kuntest il-Kummissjoni tilqa' u tappoġġa wkoll l-inizjattiva għal Koalizzjoni ta' Ministri tal-Finanzi għall-Azzjoni Klimatika, immexxija b'mod konġunt mill-Finlandja u miċ-Ċilì, u appoġġata mill-Bank Dinji. Il-ħidma tal-Koalizzjoni dwar l-aċċellerazzjoni tat-tranżizzjoni lejn ekonomija b'impatt newtrali fuq il-klima permezz ta' politiki fiskali u ekonomiċi hija tassew meħtieġa u tirrikonċilja mal-ambizzjoni tal-Kummissjoni li tikseb it-tranżizzjoni lejn ekonomija b'effett newtrali fuq il-klima sal-2050. Tikkumplimenta n-Netwerk dwar il-finanzjament sostenibbli, li jiffoka fuq il-koordinazzjoni ta' inizjattivi ta' politika tas-servizzi finanzjarji fil-livell nazzjonali u reġjonali li jankraw is-sostenibbiltà fis-settur finanzjarju.

Il-passi li jmiss

Meta jitqies li sal-2030 se jkun hemm il-ħtieġa ta' aktar minn EUR 6.2 triljuni f'investiment annwali fuq l-infrastruttura b'livell baxx ta' karbonju, bħall-enerġija, it-trasport, il-bini u l-ilma biex it-tisħin globali jiġi limitat għal 2 gradi Celsius, l-għan tal-estensjoni tal-finanzjament sostenibbli jieħu rilevanza partikolari. Fl-Unjoni Ewropea biss, il-ksib tal-miri ta' politika marbutin mal-enerġija u l-klima u allinjati mal-Ftehim ta' Pariġi se jirrekjedi investiment annwali addizzjonali ta' EUR 180 biljun bejn l-2021 u l-2030 meta mqabbel mal-istatus quo. Waħedhom il-fondi pubbliċi, li kulma jmur aktar qegħdin isiru limitati, mhumiex se jilħqu dawk il-ħtiġijiet għal investiment. Il-Kummissjoni se tissokta bl-isforzi tagħha biex tappoġġa l-kooperazzjoni internazzjonali dwar il-finanzjament sostenibbli billi taħdem mill-qrib ferm mas-sħab internazzjonali rilevanti, bil-għan li jinkiseb allinjament akbar bejn id-diversi għodda u oqfsa ta' politika tas-servizzi finanzjarji li jankraw is-sostenibbiltà fis-settur finanzjarju.

IP/19/1734

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar