Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-Baġit tal-UE għal bejn l-2021 u l-2027: Il-Kummissjoni tilqa' l-ftehim preliminari dwar InvestEU

Brussell, I-20ta' marzu 2019

Il-Kummissjoni Ewropea tilqa' l-ftehim preliminari dwar InvestEU, il-programm li ġie propost biex tingħata spinta lill-investiment privat u pubbliku fl-Ewropa fil-baġit fit-tul li jmiss tal-UE 2021-2027.

Dan il-ftehim preliminari bejn il-Parlament Ewropew, l-Istati Membri u l-Kummissjoni huwa pass kruċjali lejn il-ħolqien tal-programm InvestEU, li se jiġbor flimkien taħt saqaf wieħed il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi u 13-il strument finanzjarju ieħor tal-UE li bħalissa qed jappoġġjaw l-investiment fl-UE, u b'hekk il-finanzjament isir aktar faċli.

Il-President Jean-Claude Juncker qal: “L-Ewropa hija f'forma ħafna aħjar milli kienet ftit snin ilu. Bis-saħħa tal-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa li nedejna tard fl-2014, reġa' qiegħed isir l-investiment. Iżda nistgħu u rridu nagħmlu aktar biex nagħtu spinta lill-impjiegi u t-tkabbir. Dan hu fejn jidħol InvestEU. Filwaqt li nibnu fuq is-suċċess ta' dak li diġà ksibna, se nkunu nistgħu nużaw il-finanzjament pubbliku biex nappoġġjaw proġetti strateġikament importanti madwar l-UE. Il-Ftehim tal-lum ma jistax ikun aktar f'waqtu u jfisser li l-fondi tal-UE se jkunu jistgħu jibdew jagħtu riżultati malajr kemm jista' jkun.”

Il-Viċi President Jyrki Katainen, responsabbli mill-Impjiegi, it-Tkabbir, l-Investiment u l-Kompetittività, qal: “InvestEU se jkun il-programm ewlieni tagħna għal ekonomija Ewropea sostenibbli, reżiljenti u kompetittiva. Dan se jkompli jagħti spinta lill-investiment f'oqsma ewlenin bħall-intelliġenza artifiċjali, l-ekonomija ċirkolari, l-azzjoni klimatika, kif ukoll l-inklużjoni soċjali u l-ħiliet, bil-vantaġġ ukoll li l-aċċess għall-finanzi jsir aktar faċli u aktar trasparenti għall-benefiċjarji. Nirringrazzja u nifraħ lill-Parlament u lill-Istati Membri għall-isforzi bla heda tagħhom li wasslu għall-ftehim tal-lum.”

InvestEU jibni fuq is-suċċess tal-Pjan Juncker, jew il-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa. Simili għall-Pjan Juncker, InvestEU huwa garanzija tal-baġit tal-UE. Il-garanzija se tkun mill-inqas EUR 38 biljun, li se jimmobilizzaw mill-inqas EUR 650 biljun. Il-Fond InvestEU se jkun akkumpanjat miċ-Ċentru tal-Konsulenza tal-InvestEU — appoġġ imfassal apposta għall-promoturi tal-proġetti — u l-Portal InvestEU — riżerva faċilment aċċessibbli ta' proġetti maturi għall-investituri potenzjali.

InvestEU huwa sħubija mal-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment (il-BEI), il-Bank tal-UE, u se jkun miftuħ għal sħab ta' implimentazzjoni oħrajn ukoll.

Dan il-ftehim preliminari għadu suġġett għall-approvazzjoni formali mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill. L-aspetti baġitarji tal-InvestEU huma suġġetti għall-ftehim kumplessiv dwar il-baġit fit-tul li jmiss tal-UE, propost mill-Kummissjoni f'Mejju tal-2018.

L-aħħar ċifri mill-Bank Ewropew tal-Investiment, is-sieħeb strateġiku tal-Kummissjoni dwar il-Pjan Juncker, juru li sa Marzu 2019, il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (il-FEIS) immobilizza kważi EUR 390 biljun f'investimenti. S'issa l-operazzjonijiet approvati taħt il-FEIS jirrappreżentaw volum ta' finanzjament totali ta' EUR 72.5 biljun fit-28 Stat Membru. Il-BEI approva 518-il proġett infrastrutturali appoġġati mill-FEIS għal EUR 53.9 biljun, filwaqt li l-Fond Ewropew tal-Investiment approva 537 ftehim ta' finanzjament għall-SMEs b'valur ta' EUR 18.6 biljun. Minn dawn il-ftehimiet se jibbenefikaw 929,000 kumpanija żgħira u ta' daqs medju.

Għal aktar informazzjoni

Skeda informattiva: X'inhu InvestEU?

Skeda informattiva: InvestEU - x'se jkun qed jiffinanzja?

Stqarrija għall-istampa dwar il-proposta InvestEU (6 ta' Ġunju 2018): Il-Programm InvestEU għall-appoġġ tal-impjiegi, it-tkabbir u l-innovazzjoni fl-Ewropa

Proposta għal Regolament li jistabbilixxi l-Programm InvestEU (6 ta' Ġunju 2018)

Il-baġit tal-UE għall-futur

Segwi lill-Viċi President Katainen fuq Twitter: @jyrkikatainen

#InvestEU

 

IP/19/1732

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar