Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

€2 biljun biex isir progress malajr fil-ħolqien tal-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni

Brussell, it-18ta' marzu 2019

Qabel id-diskussjoni tal-Kunsill Ewropew tal-21 u tat-22 ta' Marzu dwar l-innovazzjoni, l-industrija u l-kompetittività, il-Kummissjoni ħadet passi deċiżivi biex twaqqaf Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni.

Il-kompetizzjoni globali qiegħda tintensifika u l-Ewropa jeħtieġ li tapprofondixxi l-kapaċità tagħha ta' innovazzjoni u ta' teħid ta' riskji biex tikkompeti f'suq li kulma jmur qiegħed jiġi definit minn teknoloġiji ġodda. Għal din ir-raġuni l-Kummissjoni Juncker qiegħda tintroduċi Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni (KEI) sabiex l-iskoperti xjentifiċi tal-Ewropa jissarrfu f'negozji li jistgħu jespandu iktar malajr. Attwalment, il-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni qiegħed fil-fażi pilota tiegħu u se jsir realtà operattiva għalkollox mill-2021 fil-kuntest ta' Orizzont Ewropa, il-programm li jmiss għar-riċerka u l-innovazzjoni tal-UE.

Carlos Moedas, il-Kummissarju għar-Riċerka, ix-Xjenza u l-Innovazzjoni stqarr: “Permezz tal-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni, mhux biss qegħdin nipprovdu l-finanzjament. Iżda qegħdin noħolqu sistema sħiħa ta' innovazzjoni sabiex l-Ewropa tkun minn ta' quddiem fit-teknoloġiji strateġiċi u fl-innovazzjoni li se jsawru l-futur tagħna, bħal pereżempju l-intelliġenza artifiċjali, il-bijoteknoloġija u l-enerġija b'żero emissjonijiet. Irridu niffukaw fuq il-ħtiġijiet tal-innovaturi, li se jkunu dawk li jiġġeneraw l-impjiegi, isaħħu l-kompetittività globali tagħna u jtejbu l-ħajja tagħna ta' kuljum.”

Fl-2017 il-Kummissjoni nediet il-fażi pilota tal-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni, li tintroduċi kompetizzjonijiet miftuħa u intervisti wiċċ imb wiċċ biex jiġu identifikati u ffinanzjati l-iktar negozji ġodda u SMEs innovattivi tal-Ewropa. Minn dak iż-żmien, 1276 proġett innovattiv ħafna diġà bbenefikaw minn finanzjament kumplessiv ta' iktar minn €730 miljun.

Illum il-Kummissjoni qiegħda tħabbar passi importanti li se jintensifikaw l-isforzi fis-sentejn li fadal tal-fażi pilota tal-KEI:

  • Finanzjament ta' iktar minn €2 biljun fl-2019-2020: li jkopri l-katina tal-innovazzjoni: proġetti “pathfinder” biex jiġu appoġġati t-teknoloġiji avvanzati mill-bażi tar-riċerka (jiftħu għada); u finanzjament “aċċeleratur” biex jiġu appoġġati n-negozji l-ġodda u l-SMEs sabiex jiżviluppaw u jespandu l-innovazzjonijiet sal-punt fejn ikunu jistgħu jattiraw l-investiment privat (jiftaħ f'Ġunju). Permezz tal-finanzjament “aċċeleratur” il-kumpaniji se jkunu jistgħu jaċċessaw finanzjament imħallat (għotjiet u ekwità) b'valur sa €15-il miljun.
  • Il-Kummissjoni se taħtar minn 15 sa 20 innovatur ewlieni biex jiffurmaw Bord Konsultattiv tal-KEI sabiex jissorvelja l-proġett pilota tal-KEI, iħejji l-KEI futur, u jippromwovi l-KEI globalment. L-innovaturi mill-ekosistema kollha huma mistiedna jwieġbu għas-sejħa sal-10 ta' Mejju.
  • Il-Kummissjoni se tirrekluta l-ewwel sensiela ta' “maniġers tal-programm” bl-iktar għarfien espert fit-teknoloġiji l-ġodda sabiex jipprovdu appoġġ prattiku full-time għall-proġetti. Is-sejħa għar-reklutaġġ se tiġi ppubblikata dalwaqt.
  • Illum ukoll il-Kummissjoni ħabbret li ntgħażlu 68 negozju ġdid u SME oħra b'finanzjament kumplessiv ta' €120 miljun fil-kuntest tal-proġett pilota eżistenti tal-KEI. Pereżempju, il-kumpaniji qegħdin jiżviluppaw teknoloġija ta' pagament onlajn ibbażata fuq il-blockchain, skrins ġodda li huma effiċjenti fl-użu tal-enerġija u soluzzjoni kontra l-istorbju tat-traffiku (tqassim tal-benefiċjarji skont il-pajjiż u s-settur).

Minħabba l-importanza ekonomika li qiegħda tikber tal-innovazzjoni rivoluzzjonarja u ta' tfixkil, u abbażi tas-suċċess bikri tal-proġett pilota tal-KEI, il-Kummissjoni pproponiet li tiddedika €10 biljun għall-KEI fil-kuntest ta' Orizzont Ewropa, il-programm ta' finanzjament għar-riċerka u l-innovazzjoni tal-UE għall-2021-2027.

Sfond

L-Ewropa tirrappreżenta 7 % biss tal-popolazzjoni tad-dinja, iżda hija responsabbli għal 20 % tal-investiment globali fir-Riċerka u fl-Iżvilupp, tipproduċi terz tal-pubblikazzjonijiet xjentifiċi kollha ta' kwalità għolja, u għandha pożizzjoni minn ta' quddiem fid-dinja f'diversi setturi industrijali, fosthom il-prodotti farmaċewtiċi, is-sustanzi kimiċi, l-inġinerija mekkanika u l-moda. Iżda l-Ewropa jeħtieġ li ttejjeb il-mod kif issarraf dik l-eċċellenza f'suċċess, u tiġġenera impriżi globali minn ta' quddiem fi swieq ġodda bbażati fuq l-innovazzjoni. Dan huwa l-każ b'mod partikolari għall-innovazzjonijiet ibbażati fuq teknoloġiji (rivoluzzjonarji) jew swieq (ta' tfixkil) radikalment ġodda.

F'Ġunju 2018, il-Kummissjoni pproponiet l-iktar programm ambizzjuż għar-Riċerka u l-Innovazzjoni sa issa, Orizzont Ewropa, b'baġit propost ta' €100 biljun għall-2021-2027. Il-proposta tissejjes fuq il-kontribut tal-Kummissjoni għal-laqgħa tal-Mexxejja tal-UE tas-16 ta' Mejju f'Sofija “Aġenda Ewropea mġedda għar-Riċerka u l-Innovazzjoni – l-opportunità tal-Ewropa li ssawwar il-ġejjieni tagħha”, fejn saħqet fuq il-ħtieġa li jinħoloq Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni u li jittieħdu passi oħra biex tiġi żgurata l-kompetittività globali tal-Ewropa.

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-28 ta' Ġunju 2018 approvaw it-twaqqif tal-KEI fil-kuntest tal-baġit fit-tul li jmiss (2021-2027). Il-mexxejja tal-UE stiednu lill-Kummissjoni tniedi inizjattiva pilota ġdida dwar l-innovazzjoni rivoluzzjonarja fil-perjodu li fadal ta' Orizzont 2020, sabiex titwitta t-triq lejn KEI operattiv għalkollox f'Orizzont Ewropa.

Il-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni huwa parti minn ekosistema usa' li l-UE qiegħda ddaħħal fis-seħħ biex ħafna imprendituri tal-Ewropa jingħataw kull opportunità biex isiru kumpaniji minn ta' quddiem fid-dinja. Inizjattivi oħra jinkludu programm Pan-Ewropew għal Fondi tal-Fondi tal-Kapital tar-Riskju (VentureEU), il-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa (FEIS), il-ħidma tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija, il-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Unjoni tas-Swieq Kapitali biex jittejjeb l-aċċess għall-finanzjament jew il-proposta għal Direttiva dwar l-insolvenza tan-negozji

Għal iktar informazzjoni

IP/19/1694

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar