Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Tassazzjoni Ġusta: L-UE taġġorna l-lista ta' ġurisdizzjonijiet tat-taxxa li ma jikkooperawx

Brussell, it-12ta' marzu 2019

Il-Ministri tal-Finanzi tal-UE aġġornaw il-lista tal-UE ta' ġurisdizzjonijiet tat-taxxa li ma jikkooperawx, abbażi ta' proċess intensiv ta' analiżi u djalogu mmexxi mill-Kummissjoni. Din il-lista rnexxiet tassew hekk kif ħafna pajjiżi biddlu l-liġijiet u s-sistemi tat-taxxa tagħhom biex jikkonformaw mal-istandards internazzjonali.

Matul is-sena li għaddiet, il-Kummissjoni vvalutat 92 pajjiż abbażi ta' tliet kriterji: it-trasparenza fiskali, il-governanza tajba u l-attività ekonomika reali, kif ukoll indikatur wieħed, l-eżistenza ta' rata tat-taxxa korporattiva żero. L-aġġornament tal-lum juri li dan il-proċess ċar, trasparenti u kredibbli wassal għal bidla reali: 60 pajjiż ħadu azzjoni dwar it-tħassib tal-Kummissjoni u ġew eliminati aktar minn 100 reġim ta' ħsara. Il-lista kellha wkoll influwenza pożittiva fuq l-istandards ta' governanza tajba tat-taxxa maqbula fuq il-livell internazzjonali.

Abbażi tal-iskrinjar tal-Kummissjoni, il-ministri niżżlu 15-il pajjiż fuq il-lista s-sewda. Minn dawn, 5 ma ħadu l-ebda impenn minn mindu ġiet adottata l-ewwel lista s-sewda fl-2017: is-Samoa Amerikana, Guam, Samoa, Trinidad u Tobago u l-Gżejjer Verġni tal-Istati Uniti. Tlieta oħra kienu fuq il-lista tal-2017 iżda tpoġġew fuq il-lista l-griża wara xi impenji li ħadu iżda issa jridu jerġgħu jitpoġġew fuq il-lista ssewda peress li ma segwewx l-impenji. Dawn it-tliet pajjiżi huma: Il-Barbados, l-Emirati Għarab u l-Gżejjer Marshall. Seba' pajjiżi oħra llum iċċaqalqu mil-lista lgriża għal-lista ssewda għall-istess raġuni: Aruba, il-Beliże, il-Bermuda, il-Fiġi, l-Oman, il-Vanwatu u d-Dominika. 34 pajjiż ieħor se jkomplu jiġu mmonitorjati fl-2019 (il-lista lgriża), filwaqt li 25 pajjiż mill-proċess ta' skrinjar oriġinali issa ġew approvati.

Il-lista ta' rifuġji fiskali tal-UE hija suċċess tassew għall-Ewropa. Kellha effett qawwi fuq it-trasparenza fiskali u l-ġustizzja dinjija”, qal Pierre Moscovici, il-Kummissarju għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji, it-Tassazzjoni u d-Dwana. “Bis-saħħa ta' dan il-proċess ta' elenkar, għexieren ta' pajjiżi diġà abolixxew reġimi tat-taxxa dannużi u saru konformi mal-istandards internazzjonali dwar it-trasparenza u t-tassazzjoni ġusta. Il-pajjiżi li ma kinux konformi ġew elenkati fil-lista ssewda, u se jkollhom iħabbtu wiċċhom mal-konsegwenzi li dan iġib miegħu. Qed ngħollu l-livell ta' governanza tajba fil-qasam tat-taxxa b'mod globali u nnaqqsu l-opportunitajiet ta' abbuż fiskali.” 

Il-lista tal-UE wasslet għal bidliet fil-prattiki globali ta' tassazzjoni li ftit tas-snin ilu biss kienu jkunu inkonċepibbli. Imnissla mill-Kummissjoni u bl-ewwel qbil fuqha mill-Istati Membri f'Diċembru 2017, hija għodda komuni li tindirizza, fuq il-livell globali, ir-riskji ta' abbuż fiskali u kompetizzjoni fiskali inġusta. Il-proċess huwa ġust u t-titjib jidher ċar f'din il-lista, filwaqt li xpruna t-trasparenza bil-pubblikazzjoni online tal-ittri ta' impenn tal-pajjiżi. Il-proċess ta' elenkar tal-UE ħoloq ukoll qafas għal djalogu u kooperazzjoni mas-sħab internazzjonali tal-UE, biex jiġi indirizzat it-tħassib dwar is-sistemi tat-taxxa tagħhom u jiġu diskussi kwistjonijiet fiskali ta' interess reċiproku. L-iskrinjar issa se jittejjeb bi kriterji ta' trasparenza aktar obbligatorji li għandhom jiġu rispettati u biż-zieda ta' tliet pajjiżi tal-G20 għall-iskrinjar li jmiss, ir-Russja, il-Messiku u l-Arġentina.

F'dawk li huma konsegwenzi, l-Istati Membri qablu dwar sett ta' kontromiżuri li jistgħu jagħżlu li japplikaw kontra l-pajjiżi elenkati, inkluż żieda fil-monitoraġġ u l-awditjar, taxxi minn ras il-għajn, u rekwiżiti speċjali ta' dokumentazzjoni u dispożizzjonijiet kontra l-abbuż. Il-Kummissjoni se tkompli tappoġġja l-ħidma tal-Istati Membri biex jiżviluppaw approċċ aktar ikkoordinat għas-sanzjonijiet għall-lista tal-UE fl-2019. Barra minn hekk,dispożizzjonijiet ġodda fil-leġiżlazzjoni tal-UE jipprojbixxu li l-fondi tal-UE jiġu diretti jew mgħoddija permezz ta' entitajiet fil-pajjiżi fuq il-lista ssewda tat-taxxa.

Il-passi li jmiss

Il-proċess ta' elenkar tal-UE bħalissa huwa wieħed dinamiku, li se jkompli fis-snin li ġejjin.

  • Se tintbagħat ittra lill-ġurisdizzjonijiet kollha fuq il-lista tal-UE, li tispjega d-deċiżjoni u x'jistgħu jagħmlu biex ma jibqgħux fuq il-lista.
  • Il-Kummissjoni u l-Istati Membri (il-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta) se jkomplu jimmonitorjaw il-ġurisdizzjonijiet li għandhom sat-tmiem tal-perjodu 2019/2020 biex isiru konformi, u jivvalutaw jekk kwalunkwe pajjiż ieħor għandux jiġi inkluż fil-proċess tal-elenkar tal-UE.
  • Il-Kummissjoni se tkompli d-djalogu miftuħ u l-impenn mal-ġurisdizzjonijiet ikkonċernati, tipprovdi appoġġ tekniku u kjarifiki kull meta jkun meħtieġ u tiddiskuti kwalunkwe kwistjonijiet ta' tassazzjoni ta' tħassib reċiproku.

Aktar informazzjoni

Lista komuni tal-UE ta' ġurisdizzjonijiet ta' pajjiżi terzi għal skopijiet ta' taxxa

Q&A MEMO 

IP/19/1606

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar