Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

L-Alleanza Afrika - Ewropa: il-Kummissjoni Ewropea ntrabtet li taħdem favur settur agroalimentari Afrikan sostenibbli

Brussell, is-7ta' marzu 2019

L-Alleanza Afrika - Ewropa: il-Kummissjoni Ewropea ntrabtet li taħdem favur settur agroalimentari Afrikan sostenibbli.

Illum, it-Task Force għall-Afrika Rurali ppreżentat ir-rapport finali tagħha, li huwa aġenda agroalimentari u rurali għall-“Alleanza Afrika - Ewropa għall-Investiment u għall-Impjiegi Sostenibbli” l-ġdida li ġiet żvelata mill-President Jean-Claude Juncker fid-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni tal-2018.

Skont ir-rakkomandazzjonijiet ta' dan il-grupp ta' esperti Afrikani u Ewropej, l-Afrika u l-UE għandhom jiżviluppaw sħubija li tkun tiffunzjona fuq tliet livelli: f'dak tal-kuntatti diretti bejn il-persuni, f'dak tal-kuntatti diretti bejn in-negozji u f'dak tal-kuntatti diretti bejn gvern u ieħor. Is-sħubija għandha toħloq djalogu bejn id-diversi partijiet ikkonċernati fil-livelli kollha, li jibda fil-livell lokali, u tippermetti rabtiet eqreb bejn is-soċjetajiet, il-komunitajiet tan-negozju u l-gvernijiet Afrikani u Ewropej.

Il-Kummissarju għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali, Phil Hogan, qal: “Il-politika dwar l-agrikoltura u l-iżvilupp rurali qed twassal għall-kooperazzjoni politika bejn l-UE u l-Afrika. It-Task Force għall-Afrika Rurali tinsab fil-qalba ta' din il-ħidma: ir-rakkomandazzjonijiet tagħha jesploraw modi kif tista' tingħata spinta lill-investiment pubbliku u privat, kif jistgħu jiġu skambjati l-aħjar prattiki u jiġi kondiviż l-għarfien u kif tista' tiżdied il-kooperazzjoni politika fis-setturi kollha.”

Il-Kummissarju għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Internazzjonali, Neven Mimica, qal: “Illum huwa jum importanti ħafna għall-Alleanza Afrika - Ewropa. Illum rajna l-ħidma intensiva tat-Task Force għall-Afrika Rurali twassal għal rakkomandazzjonijiet konkreti. Issa sta għalina biex naħdmu flimkien, biex nadottaw dawn ir-rakkomandazzjonijiet siewja u biex noħorġu b'soluzzjonijiet li jistgħu jwasslu għal dak li rridu: trasformazzjoni rurali pożittiva, u settur agrikolu u agroalimentari inklużiv u sostenibbli.”

Il-Kummissarju tal-Unjoni Afrikana (l-UA) għall-ekonomija rurali u l-agrikoltura, Josefa Sacko, qal: “Ir-rapport tat-Task Force jirrikonoxxi r-realtà l-ġdida tal-Afrika u tal-Ewropa bħala msieħba globali fuq l-istess livell. Dan juri li l-bdiewa u l-industrija tal-ikel għandhom jaħdmu id f'id biex jieħdu l-opportunitajiet il-ġodda li ż-Żona ta' Kummerċ Ħieles Kontinentali Afrikana se tkun qed toffri kif ukoll biex jibnu s-swieq reġjonali meħtieġa għas-sigurtà alimentari tal-Afrika fit-tul.”

It-Task Force, li tnediet f'Mejju tal-2018 mill-Kummissjoni Ewropea, twaqqfet biex tipprovdi pariri dwar it-tisħiħ tas-sħubija bejn l-Afrika u l-Ewropa fis-setturi tal-ikel u tal-biedja. Il-Kummissjoni Ewropea se tiżgura s-segwitu u l-implimentazzjoni ta' diversi azzjonijiet rakkomandati minn dan il-grupp ta' esperti biex tappoġġja l-iżvilupp tas-settur agroalimentari u tal-ekonomija rurali Afrikani.

Abbażi ta' xi rakkomandazzjonijiet tat-Task Force li saru għat-terminu ta' żmien qasir, il-Kummissjoni Ewropea se tibda timplimenta l-proġetti li ġejjin:

  • programmi ta' ġemellaġġ u ta' skambju bejn il-korpi agrikoli Afrikani u Ewropej: il-Kummissjoni għadha kemm nediet inizjattiva pilota ta' Edukazzjoni u Taħriġ Vokazzjonali mal-Afrika b'investiment ta' EUR 5 miljun. Fondi addizzjonali mill-baġit tal-UE se jkunu disponibbli għal programmi oħra ta' ġemellaġġ li jsiru minn organizzazzjonijiet tan-nisa li jgħixu f'żoni rurali, minn organizzazzjonijiet tal-bdiewa u minn kooperattivi, negozji u entitajiet pubbliċi mal-pari tagħhom;
  • pjattaforma għan-Negozju Agrikolu bejn l-UA u l-UE: filwaqt li tirrikonoxxi r-rwol importanti li s-settur privat jista' jkollu fit-trasformazzjoni strutturali fl-Afrika, il-Kummissjoni qed tipproponi li toħloq pjattaforma li sservi ta' ħolqa bejn in-negozji Ewropej u dawk Afrikani. Din il-pjattaforma mistennija tgħin biex jiġu identifikati l-isfidi u l-opportunitajiet għall-investiment privat u għall-kummerċ bejn iż-żewġ kontinenti;
  • ċentri ta' innovazzjoni: biex jiġu appoġġjati l-“imprendituri agrikoli” u s-settur agroalimentari Afrikan, jistgħu jiġu stabbiliti jew imsaħħa ċentri ta' innovazzjoni bil-għan li jiġi applikat l-għarfien prattiku. Dawn iċ-ċentri għandhom jiġbru flimkien lill-istituti tar-riċerka nazzjonali, lis-sistemi ta' edukazzjoni għolja, lill-bdiewa, lill-organizzazzjonijiet tagħhom u lis-settur privat biex jiffaċilitaw, fost l-oħrajn, l-innovazzjoni diġitali u l-iżvilupp tal-ħiliet.

Ir-rapport li ġie ppreżentat illum jirrappreżenta punt importanti fil-proċess biex tinħoloq aktar kooperazzjoni bejn l-UE u l-Afrika fis-settur agroalimentari u jidentifika erba' oqsma strateġiċi ta' azzjoni għat-terminu taż-żmien medju u twil, li huma l-ħolqien tal-impjiegi, l-azzjoni klimatika, it-trasformazzjoni sostenibbli tal-agrikoltura Afrikana u l-iżvilupp tal-industrija tal-ikel u tas-swieq tal-ikel Afrikani.

Sabiex dan il-proċess ikun miftuħ u inklużiv, il-Kummissjoni se tniedi konsultazzjoni online biex tiġbor feedback dirett mingħand il-partijiet ikkonċernati Afrikani dwar l-approċċ strateġiku tat-Task Force u dwar is-sitwazzjoni attwali tal-kummerċ agroalimentari u tal-kooperazzjoni bejn iż-żewġ kontinenti tagħna. Flimkien mar-rapport tal-lum, ir-riżultat ta' din il-konsultazzjoni għandu jikkontribwixxi għat-tielet konferenza Ministerjali dwar l-agrikoltura bejn l-UA u l-UE f'Ruma, li mistennija ssir f'Ġunju tal-2019.

Se jiġi żgurat segwitu effettiv ukoll permezz tat-twaqqif ta' grupp ta' implimentazzjoni magħmul minn rappreżentanti Ministerjali u rappreżentanti mis-settur privat kemm mill-Afrika kif ukoll mill-UE. Il-grupp se jiġi ppreżentat waqt il-konferenza Ministerjali f'Ruma.

Għal aktar informazzjoni

It-tisħiħ tas-sħubija tal-UE mal-Afrika: Alleanza ġdida Afrika - Ewropa għal Investiment Sostenibbli u Impjiegi

Ir-rapport tat-Task Force għall-Afrika Rurali

L-iskeda informattiva dwar ir-rakkomandazzjonijiet tat-Task Force

IP/19/1569

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar