Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Regoli ġodda dwar l-għajnuna mill-Istat: Il-Kummissjoni żżid l-appoġġ nazzjonali lill-bdiewa sa €25,000

Brussell, it-22ta' frar 2019

Il-limitu għall-appoġġ nazzjonali lill-bdiewa se jiżdied ġmielu, u b'hekk se jiżdiedu wkoll il-flessibbiltà u l-effiċjenza, l-aktar fiż-żminijiet ta' kriżi u meta jkun hemm bżonn rispons rapidu min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi.

Illum il-Kummissjoni adottat regoli riveduti dwar l-għajnuna mill-Istat fis-settur agrikolu (l-hekk imsejħa għajnuna de minimis), u b'hekk żdied l-ammont massimu li jistgħu jużaw l-awtoritajiet nazzjonali biex jappoġġaw lill-bdiewa mingħajr il-bżonn tal-approvazzjoni minn qabel tal-Kummissjoni. B'din id-deċiżjoni, il-pajjiżi tal-UE se jkunu jistgħu jżidu l-appoġġ lill-bdiewa mingħajr ma jxekklu s-suq, u filwaqt li se jonqos il-piż amministrattiv għall-awtoritajiet nazzjonali.

Il-Kummissarju għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali, Phil Hogan qal: "Il-proposta tal-Kummissjoni għal regoli ġodda dwar l-għajnuna mill-Istat għas-settur agrikolu tirrifletti l-valur ta' din l-għamla ta' appoġġ fiż-żminijiet ta' kriżi. Jekk inżidu l-ammont massimu tal-għajnuna lill-bdiewa, l-awtoritajiet nazzjonali jkollhom aktar flessibbiltà u jkunu jistgħu jirreaġixxu aktar malajr u b'mod aktar effettiv biex jappoġġaw lil bdiewa vulnerabbli.” Xi drabi, l-ammont ta' għajnuna mill-Istat li jista' jingħata lil bdiewa individwali se jiżdied b'66 %. Dawn ir-regoli ġodda qed jakkumpanjaw il-bqija tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat notifikata, u għalhekk l-Istati Membri jistgħu jibqgħu japplikawhom.

L-ammont massimu tal-għajnuna li jista' jitqassam għal kull azjenda agrikola fuq medda ta' tliet snin se jiżdied minn €15,000 għal €20,000. Biex tiġi evitata xi distorsjoni potenzjali tal-kompetizzjoni, kull pajjiż tal-UE għandu ammont massimu nazzjonali li ma jistax jaqbżu. Dawn il-limiti nazzjonali tal-għajnuna se jiżdiedu minn 1 % bir-regoli attwali għal 1.25 % tal-produzzjoni agrikola annwali tal-pajjiż tul l-istess perjodu ta' tliet snin. Dan ifisser żieda fil-limitu nazzjonali ta' 25 %.

Jekk xi pajjiż ma jonfoqx iżjed minn 50 % tal-pakkett totali tal-għajnuna nazzjonali tiegħu fuq xi settur agrikolu partikolari, dan se jkun jista' jkompli jżid din l-għajnuna de minimis għal kull azjenda agrikola għal €25,000, u l-ammont massimu nazzjonali għal 1.5 % tal-produzzjoni annwali. Dan ifsser żieda ta' 66 % fl-ammont massimu għal kull bidwi u żieda ta' 50 % fil-limitu nazzjonali.

Għall-pajjiżi li jagħżlu dak il-limitu massimu, ir-regoli l-ġodda jeżiġu l-ħolqien ta' reġistri ċentrali obbligatorji fil-livell nazzjonali. B'hekk ikun jista' jinżamm rendikont tal-għajnuniet mogħtija u għalhekk jeħfiefu u jitjiebu t-twassil u l-monitoraġġ tal-għajnuna de minimis. Diversi Stati Membri diġà qed iżommu reġistri bħal dawn, u b'hekk ikunu jistgħu japplikaw dawn il-limiti ogħla minn issa stess.

Il-limiti miżjuda jidħlu fis-seħħ fl-14 ta' Marzu u jistgħu japplikaw b'mod retroattiv għall-għajnuniet li jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha.

Il-kuntest

Skont ir-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat, il-pajjiżi tal-UE għandhom jinnotifikaw l-għajnuna mill-Istat lill-Kummissjoni u ma jimplimentawx il-miżura tal-għajnuna qabel ikollhom l-awtorizzazzjoni tall-Kummissjoni. Iżda meta l-ammonti tal-għajnuna jkunu żgħar biżżejjed, bħalma hu l-każ għall-għajnuna de minimis, il-pajjiżi tal-UE ma għandhomx għalfejn jinnotifikaw lill-Kummissjoni jew jiksbu l-awtorizzazzjoni tagħha. Minħabba d-daqs tagħha, l-għajnuna ma tkunx thedded il-kompetizzjoni u l-kummerċ fis-suq intern.

Tipikament, l-għajnuna de minimis tintuża mill-Istati Membri meta jkollhom bżonn jaġixxu malajr mingħajr ma jwaqqfu xi skema skont ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, speċjalment fiż-żminijiet ta' kriżi. Barra minn hekk, din tintuża sikwit għal xi skop speċifiku ħafna, eżempju biex tgħin fil-prevenzjoni jew fil-qerda tal-mard tal-annimali meta sseħħ xi tifqigħa, jew biex tikkumpensa lill-bdiewa għal xi ħsarat ikkawżati mill-annimali li mhumiex protetti bil-liġi tal-UE jew bil-liġi nazzjonali, bħaċ-ċingjali selvaġġi. Il-ħsarat li jikkawżaw l-ispeċijiet tal-annimali protetti (bħall-ilpup, il-linċi, l-orsijiet, u l-bqija) jistgħu jiġu kkumpensati skont ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat notifikata.

Il-Kummissjoni kkonsultat lill-Istati Membri u lill-partijiet konċernati biex jagħtu l-kontribut tagħhom dwar ir-reviżjoni tar-regoli de minimis, u dan il-kontribut ġie kkunsidrat meta kienu qed jiġu ffinalizzati l-emendi.

Għal Aktar Informazzjoni

Għajnuna mill-Istat fis-settur agrikolu u tal-forestrija u fiż-żoni rurali

Konsultazzjoni dwar ir-Regolament de minimis

IP/19/1332

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar