Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-baġit tal-EU għall-2021-2027: Il-Kummissjoni tilqa' l-ftehim proviżorju dwar il-Fond Ewropew għad-Difiża tal-futur

Brussell, I-20ta' frar 2019

L-istituzzjonijiet tal-UE waslu għal ftehim politiku parzjali dwar il-Fond Ewropew għad-Difiża, soġġett għall-approvazzjoni formali tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li se jrawwem bażi industrijali u xjentifika innovattiva u kompetittiva u se jikkontribwixxi għall-awtonomija strateġika tal-UE.

F'din id-dinja b'tant instabbiltà u theddidiet transfruntieri, l-ebda pajjiż ma jista' jirnexxi waħdu. Hu minħabba f'hekk li l-Kummissjoni Juncker qed tagħmel sforz bla preċedent biex tipproteġi u tiddefendi lill-Ewropej. Il-Fond Ewropew għad-Difiża, propost mill-Kummissjoni f'Ġunju 2018 bħala parti mill-baġit fit-tul tal-UE għall-2021-2027, hu parti minn dawn l-inizjattivi li jsaħħu l-kapaċità tal-UE biex tipproteġi liċ-ċittadini tagħha.

Il-Viċi President Jyrki Katainen, responsabbli mill-Impjiegi, it-Tkabbir, l-Investiment u l-Kompetittività, qal: “Dan hu pass kbir 'il quddiem biex il-koperazzjoni fid-difiża Ewropea ssir realtà. Il-Fond Ewropew għad-Difiża se jwieżen lill-Istati Membri biex jiksbu valur aħjar għall-flus tal-kontribwenti, jippromwovi industrija tad-difiża innovattiva u soda, u jtejjeb l-awtonomija u t-tmexxija teknoloġika tal-UE fil-qasam tad-difiża.”

Il-Kummissarju Elżbieta Bieńkowska, responsabbli mis-Suq Intern, l-Industrija, l-Intraprenditorija u l-SMEs, żiedet tgħid: “Dan il-ftehim hu tabilħaqq tappa oħra biex niżguraw li l-Ewropa ssir garanzija ta' sigurtà dejjem aktar b'saħħitha għaċ-ċittadini tagħha. Il-Fond se jrawwem l-innovazzjoni teknoloġika u l-koperazzjoni fis-settur tad-difiża Ewropea, biex l-Ewropa tikseb tagħmir u teknoloġija interoperabbli tad-difiża tal-aqwa livell f'oqsma ġodda bħall-intelliġenza artifiċjali, is-software kriptat, it-teknoloġija tad-droni u l-komunikazzjoni bis-satellita.”

Għalkemm jonqos l-adozzjoni finali tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, intlaħaq ftehim fuq dawn l-elementi ewlenin:

  • Il-Fond hu appoġġ tul iċ-ċiklu kollu tal-iżvilupp industrijali, mir-riċerka għall-iżvilupp tal-prototipi, saċ-ċertifikazzjoni.
  • Il-Fond se jiffinanzja proġetti kollaborattivi tar-riċerka, l-aktar permezz ta' għotjiet.
  • Wara l-fażi tar-riċerka u d-disinn, fejn hu possibbli finanzjament sa 100 %, il-baġit tal-UE se jkun disponibbli wkoll biex jikkumplementa l-investimenti tal-Istati Membri billi jikkofinanzjaw l-ispejjeż għall-iżvilupp tal-prototipi (sa 20 %) u għal azzjonijiet sussegwenti ta' ttestjar, kwalifikar u ċertifikazzjoni (sa 80 %).
  • Il-Fond se jipprovdi inċentivi għal proġetti b'parteċipazzjoni transfruntiera tal-bosta SMEs u kumpaniji b'kapitalizzazzjoni medja fil-katina tal-provvista tad-difiża billi jagħti rati ta' finanzjament ogħla.
  • Il-proġetti fil-kuntest tal-Koperazzjoni Strutturata Permanenti (il-PESCO), jekk ikunu eliġibbli, jistgħu jirċievu bonus ta' kofinanzjament addizzjonali ta' 10 %, iżda l-finanzjament mhux wieħed awtomatiku.
  • Il-proġetti se jiġu definiti b'konformità mal-prijoritajiet tad-difiża maqbula fost l-Istati Membri fil-qafas tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni u b'mod partikolari fil-kuntest tal-Pjan ta' Żvilupp tal-Kapaċitajiet (is-CDP), iżda jistgħu jitqiesu wkoll prijoritajiet reġjonali u internazzjonali bħal fil-qafas tan-NATO.
  • Normalment ikunu eliġibbli biss dawk il-proġetti kollaborattivi li jinvolvu mill-anqas tliet entitajiet eliġibbli minn mill-anqas tliet Stati Membri jew pajjiżi assoċjati.
  • Bejn 4 % u 8 % tal-baġit se jkunu allokati għal innovazzjoni rivoluzzjonarja riskjuża ħafna li tixpruna t-tmexxija teknoloġika u l-awtonomija fit-tul tal-Ewropa fil-qasam tad-difiża.
  • Fil-prinċipju, għall-finanzjament se jkunu eliġibbli biss l-entitajiet stabbiliti fl-UE u fil-pajjiżi assoċjati, u li mhumiex ikkontrollati minn pajjiżi terzi jew mill-entitajiet legali tagħhom. B'mod eċċezzjonali, is-sussidjarji bbażati fl-UE ta' kumpaniji fil-pajjiżi terzi jistgħu ikunu eliġibbli għall-finanzjament, soġġetti għal kundizzjonijiet definiti li jiżguraw li l-interessi tas-sigurtà u tad-difiża tal-UE u tal-Istati Membri ma jkunux f'riskju. L-entitajiet ibbażati barra mill-UE mhumiex se jirċievu finanzjament tal-UE iżda jistgħu jieħdu sehem fi proġetti koperattivi. Għaldaqstant, l-UE mhi qed teskludi lil ħadd mill-Fond Ewropew għad-Difiża, iżda qed tistabbilixxi kundizzjonijiet għall-għoti tal-finanzjament li huma simili għal dawk li l-kumpaniji tal-UE għandhom fis-suq tal-pajjiżi terzi.

Il-passi li jmiss

Il-ftehim politiku preliminari li laħqu l-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni tul l-hekk imsejħa negozjati ta' trilogu issa jeħtieġ l-approvazzjoni formali tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. L-aspetti baġitarji u wħud mid-dispożizzjonijiet orizzontali relatati tal-Fond Ewropew għad-Difiża tal-futur huma soġġetti għall-ftehim ġenerali tal-baġit fit-tul li jmiss tal-UE, li pproponiet il-Kummissjoni f'Mejju 2018.

Il-kuntest

Fost il-prijoritajiet li jsemmi l-President Juncker fil-linji gwida politiċi tiegħu f'Ġunju 2014 hemm it-tisħiħ tas-sigurtà taċ-ċittadini Ewropej. Waqt id-diskors tiegħu tal-2016 dwar l-Istat tal-Unjoni hu kien ħabbar li se jitwaqqaf Fond Ewropew għad-Difiża.

Minn dakinhar sal-lum, il-Kummissjoni Ewropea mmexxija mill-President Juncker u bl-appoġġ tal-Istati Membri, qed tieħu azzjoni biex permezz tal-baġit tal-UE, il-koperazzjoni fid-difiża ssir realtà.

Il-Kummissjoni diġà bdiet twitti t-triq matul il-perjodu baġitarju tal-UE li jintemm fl-2020. Għall-ewwel darba fl-istorja Ewropea, l-UE qed tinċentiva l-koperazzjoni fid-difiża Ewropea b'pakkett baġitarju ta' €590 miljun (€90 miljun għar-riċerka bejn l-2017 u l-2019, u €500 miljun għall-iżvilupp ta' tagħmir u teknoloġija tul l-2019 u l-2020).

  • Il-koperazzjoni fir-riċerka dwar id-difiża diġà qed timmaterjalizza ruħha. Fost l-ewwel ftehimiet ta' għotja tal-UE permezz tal-baġit tal-2017 hemm il-proġett tar-riċerka Ocean2020, li jgħaqqad 42 sieħeb flimkien minn 15-il pajjiż tal-UE u jappoġġa missjonijiet ta' sorveljanza marittima fuq il-baħar u għalhekk jintegra d-droni u s-sottomarini mingħajr ekwipaġġ f'operazzjonijiet tal-flotta. Fil-ġimgħat li ġejjin, il-Kummissjoni se tħabbar aktar proġetti kollaborattivi tar-riċerka dwar id-difiża permezz tal-baġit tal-2018, u se tippreżenta l-programm ta' ħidma u l-aħħar sejħa għal proposti permezz tal-aħħar segment tal-baġit li fadal għall-2019.
  • Il-Kummissjoni bdiet formalment il-ħidma mal-Istati Membri biex tiffinanzja proġetti industrijali konġunti fil-qasam tad-difiża. Bi qbil mal-fehmiet tal-Istati Membri, fi ftit ġimgħat, il-Kummissjoni se tadotta l-ewwel Programm ta' Ħidma li qatt sar għall-Programm Ewropew għall-Iżvilupp fl-Industrija tad-Difiża (l-EDIDP) biex tikkofinanzja proġetti industrijali konġunti fil-qasam tad-difiża permezz tal-baġit tal-UE għall-2019-2020.

Abbażi ta' dawn iż-żewġ programmi “pilota”, u b'żieda fil-finanzjament inizjali, f'Ġunju 2018, il-Kummissjoni pproponiet Fond Ewropew għad-Difiża komplut li jiswa €13-il biljun permezz tal-baġit fit-tul tal-UE li jmiss u li jkopri kemm il-qasam tar-riċerka kif ukoll tal-kapaċitajiet.

Il-Fond Ewropew għad-Difiża se jikkumplimenta lil programmi oħra tal-UE li pproponiet il-Kummissjoni, b'mod partikolari l-baġit ta' €6.5 biljun allokati għall-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa biex jissaħħu l-infrastrutturi strateġiċi tat-trasport tal-UE ħalli jkunu adattati għall-mobbiltà militari, u l-proposta għal programm ġdid ta' €100 biljun għar-riċerka u l-innovazzjoni Orizzont Ewropa.

 

Aktar informazzjoni

L-Istat tal-Unjoni Ewropea fl-2016

Stqarrija għall-Istampa dwar it-tnedija tal-Fond Ewropew għad-Difiża, Ġunju 2017

Stqarrija għall-Istampa dwar l-ewwel għotjiet għar-riċerka dwar id-difiża, Frar 2018

Stqarrija għall-Istampa dwar il-Proposta għal Fond Ewropew għad-Difiża 2021-2027, Ġunju 2018

Skeda informattiva dwar il-Fond Ewropew għad-Difiża, Ġunju 2018

Diskors tal-Kummissarju Bieńkowska dwar id-difiża u l-ispazju, Jannar 2019

Stqarrija għall-Istampa dwar il-Programm Ewropew għall-Iżvilupp fl-Industrija tad-Difiża, Frar 2019

 

IP/19/1269

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar