Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Proġetti pan-Ewropej ġodda tar-riċerka mill-Fond Ewropew għad-Difiża

Brussell, is-16ta' frar 2018

Il-Fond Ewropew għad-Difiża jkompli jagħti l-frott b'sett ġdid ta' proġetti tar-riċerka dwar id-difiża, iffinanzjati mill-UE. Imniedi mill-President Juncker f'Ġunju 2017, il-Fond huwa katalizzatur għall-ħolqien ta' industrija tad-difiża tal-UE b'saħħitha. Ikattar il-kapaċitajiet ta' difiża tal-UE filwaqt li jibni sħubijiet ġodda li jaqsmu l-fruntieri.

Elżbieta Bieńkowska, il-Kummissarju għas-Suq Intern, l-Industrija, l-Intraprenditorija u l-SMEs, stqarret: “Il-Fond Ewropew għad-Difiża huwa kruċjali biex joħloq aktar kooperazzjoni bejn l-impriżi tad-difiża u l-armata fl-Unjoni Ewropea, kif ukoll biex iseddaq l-awtonomija strateġika tal-Ewropa. Il-proġetti pan-Ewropej ta' riċerka kollaborattiva fid-difiża appoġġati mill-Fond huma maħsubin biex jiżguraw ir-rwol mexxej tat-teknoloġija Ewropea fis-settur, biex iqiegħdu s-sisien għall-kapaċitajiet futuri tad-difiża, u biex jirfdu industrija Ewropea tad-difiża li tkun aktar innovattiva u kompetittiva.”

Il-proġett Ocean2020 jappoġġa s-sorveljanza u l-missjonijiet ta' interdizzjoni fuq il-baħar, u għal dan il-għan se jintegra d-droni u s-submarini mingħajr ekwipaġġ fl-operazzjonijiet tal-flotta. It-tagħrif miksub se jiġi kkombinat ma' sistemi konvenzjonali sabiex tiġi kkompilata perspettiva komprensiva tas-sitwazzjonijiet li qegħdin jiżviluppaw għall-kmandati militari.

Il-proġett se jitwettaq minn konsorzju mmexxi minn Leonardo S.p.A, u li jlaqqa' flimkien 42 impriża msieħba minn 15-il pajjiż tal-UE. Se jirċievi għotja ta' madwar €35 miljun. Fl-2019, il-proġett se jtella' żewġ demostrazzjonijiet fil-ħajja reali: waħda fil-Baltiċi, immexxija mill-flotta navali Żvediża, u l-oħra fil-Mediterran, immexxija mill-flotta navali Taljana.

Tliet proġetti oħra bil-għan li jtejbu t-tagħmir tas-suldati rċevew għotjiet ta' bejn miljun u tliet miljun ewro:

  • ACAMSII se jiżviluppa kamuflaġġ adattiv li jipproteġi lis-suldati mis-sensuri li joperaw f'għadd ta' meded tal-frekwenza.
  • Gossra se jtejjeb il-kompatibbiltà tal-elementi tas-sistemi kumplessi (eż. sensuri jew nuċċalijiet protettivi diġitali) li jilbsu s-suldati.
  • Vestlife għandu l-għan li jiżviluppa korazza ultraħafifa għas-suldati żmontati.

Il-ftehimiet ta' għotja għal dawn il-proġetti se jiġu ffirmati fil-ġimgħat li ġejjin. 

It-tħabbira tal-lum dwar l-appoġġ għal dawn il-proġetti tar-riċerka fid-difiża tasal fl-okkażjoni tal-ewwel ġurnata tal-Konferenza annwali ta' Munich dwar is-Sigurtà, fejn il-President Juncker se jippreżenta l-passi li jmiss fil-promozzjoni ta' Ewropa aktar f'saħħitha fl-oqsma tas-sigurtà u tad-difiża. Il-President se jkun akkumpanjat mill-Viċi President Frans Timmermans, u l-Kummissarji Johannes Hahn, Elżbieta Bieńkowska u Julian King.

Kuntest

Taħt il-fergħa tar-riċerka tal-Fond Ewropew għad-Difiża, €90 miljun se jiġu allokati għal għotjiet ta' riċerka fid-difiża, iffinanzjati bis-sħiħ u direttament mill-baġit tal-UE (2017-2019). Il-proġetti li se jiġu ffinanzjati ntgħażlu wara l-ewwel sejħa għal proposti ta' riċerka fid-difiża fl-2017. F'Diċembru 2017 ġie ffirmat l-ewwel ftehim ta' għotja mal-konsorzju PYTHIA. Dan il-proġett għandu l-għan li jidentifika x-xejriet ewlenin fid-dinja tat-teknoloġiji tad-difiża innovattivi, settur li jevolvi b'ritmu mgħaġġel.

 Il-Kummissjoni dalwaqt se tadotta wkoll il-programm ta' ħidma tar-riċerka fid-difiża għall-2018, u se titlob lill-Aġenzija Ewropea għad-Difiża tiftaħ is-sejħiet għal proposti l-ġodda ta' riċerka fid-difiża għal din is-sena. Dawn is-sejħiet għal proposti se jiffukaw fuq it-teknoloġiji tad-disinn elettroniku għall-użu fid-difiża, kif ukoll fuq tagħmir tal-laser b'qawwa għolja. Il-lott li jmiss ta' għotjiet għar-riċerka fid-difiża se jiġi ffirmat sa tmiem l-2018.

Kif ħabbret f'Ġunju 2017, il-Kummissjoni se tressaq proposta biex tistabbilixxi, mill-2020 'il quddiem, Fond Ewropew għad-Difiża ta' €1.5 biljun fis-sena sabiex jirfed il-kapaċitajiet ta' difiża, li minnhom huwa stmat li baġit annwali ta' €500 miljun se jiġi ddedikat lir-riċerka fid-difiża, b'mod li l-UE ssir wieħed mill-ikbar investituri fir-riċerka fid-difiża fl-Ewropa.

Aktar tagħrif dwar il-proġetti

Ocean2020: dan il-proġett għandu l-għan li jtejjeb l-għarfien tas-sitwazzjoni f'ambjent marittimu bl-użu ta' sistemi bl-ekwipaġġ u mingħajru, u billi tiġi kkompilata perspettiva sħiħa abbażi ta' ħafna inputs differenti. F'dan jinsabu involuti l-Ministeri tad-Difiża tal-Estonja, Franza, il-Greċja, l-Italja, il-Litwanja, in-Netherlands, il-Portugall, Spanja, l-Iżvezja u r-Renju Unit. Is-sħab industrijali huma: Indra, Safran, Saab, MBDA, PGZ/CTM Hensoldt, Intracom-IDE, Fincantieri u Qinetiq. Iċ-ċentri tar-riċerka jinkludu Fraunhofer, Nederlandse Organisatie voor Toegepast Natuurwetenschappelijk Onderzoek (TNO), iċ-Ċentru għar-Riċerka u l-Isperimentazzjoni Marittima tan-NATO (CMRE NATO), u l-Istituto Affari Internazionali (IAI) tal-Italja.

ACAMSII: dan il-proġett se jiżviluppa kamuflaġ adattiv li jipproteġi lis-suldati mis-sensuri li joperaw f'għadd ta' meded tal-frekwenza. Jinsabu involuti sħab minn Franza, il-Ġermanja, il-Litwanja, in-Netherlands, il-Portugall u l-Iżvezja. Il-kumpaniji parteċipanti ġejjin mis-settur tat-tessuti, mis-settur ajruspazjali, u minn dak tal-integraturi tas-sistemi tad-difiża: CITEVE, Damel u Safran. Iċ-ċentri tar-riċerka huma Totalförsvarets forskningsinstitut (FOI) tal-Iżvezja, Fraunhofer, u Nederlandse Organisatie voor Toegepast Natuurwetenschappelijk Onderzoek (TNO).

GOSSRA: dan il-proġett għandu l-għan li jiżgura li l-elementi tas-sistemi kumplessi li jilbsu s-suldati jaħdmu tajjeb flimkien. Is-suldati jkunu mgħammra b'firxa ta' tagħmir differenti li jridu jaħdmu flimkien. Il-proġett jimmira li joħloq metodoloġija li tispeċifika kif il-komponenti jitqabbdu ma' xulxin, u b'hekk tiffaċilita l-iżvilupp ta' tagħmir ġdid li jista' jaħdem mat-tagħmir diġà eżistenti. Il-proġett se jitmexxa minn sħab mill-Ġermanja, l-Italja, in-Netherlands, il-Polonja, il-Portugall, Spanja u l-Iżvezja. L-impriżi involuti huma Rheinmetall, Indra, GMV aerospace and defence, Leonardo, Larimart u Saab; SMEs Tekever u iTTi, u l-istitut tar-riċerka Nederlandse Organisatie voor Toegepast Natuurwetenschappelijk Onderzoek (TNO).

Vestlife: dan il-proġett għandu l-għan li joħloq ilbies protettiv għas-suldati. Se jiżviluppa lbies li jkun effettiv għall-finijiet tad-difiża, iżda li fl-istess ħin ikun eħfef, aktar flessibbli u aktar komdu. Jinsabu involuti sħab mill-Finlandja, l-Italja, in-Netherlands, il-Portugall u Spanja, flimkien mal-impriżi CITEVE u FY-composites, u l-istituti tar-riċerka AITEX u TECNALIA. F'dan il-proġett jieħdu sehem ukoll żewġ impriżi żgħar u medji (SMEs): BRAPA u Petroceramics.

IP/18/763

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar