Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Hemm bżonn li l-kumpaniji tal-midja soċjali jagħmlu aktar sforz biex ikunu kompletament konformi mar-regoli tal-konsumatur tal-UE

Brussell, il-15ta' frar 2018

Hemm bżonn li l-kumpaniji tal-midja soċjali jagħmlu aktar sforz biex iwieġbu għat-talbiet, li saru f'Marzu li għadda mill-Kummissjoni Ewropea u mill-awtoritajiet tal-konsumatur tal-Istati Membri, biex ikunu konformi mar-regoli tal-konsumaturi tal-UE.

Il-bidliet li saru minn Facebook, Twitter u Google+ biex jallinjaw it-termini tas-servizzi tagħhom mar-regoli tal-protezzjoni tal-konsumatur tal-UE ġew ippubblikati illum.

Dawn il-bidliet diġà se jibbenefikaw aktar minn kwart ta' biljun konsumatur tal-UE li jużaw il-midja soċjali: Il-konsumaturi tal-UE mhux se jiġu mġiegħla jċedu d-drittijiet obbligatorji tal-konsumatur tal-UE, bħad-dritt tagħhom li jirtiraw minn xiri online; huma se jkunu jistgħu jressqu l-ilmenti tagħhom fl-Ewropa, minflok f'California; u l-pjattaformi se jieħdu s-sehem ġust tagħhom ta' responsabbiltajiet lejn il-konsumaturi tal-UE, b'mod simili bħal fornituri ta' servizzi offline. Madankollu, il-bidliet jissodisfaw biss parzjalment ir-rekwiżiti skont il-liġi tal-UE dwar il-konsumatur.

Věra Jourová, il-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja, il-Konsumaturi u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi, qalet: “Peress li n-netwerks tal-midja soċjali jintużaw bħala pjattaformi pubbliċitarji u kummerċjali, huma għandhom jirrispettaw bis-sħiħ il-regoli tal-konsumatur. Jiena sodisfatta li l-infurzar tar-regoli tal-UE biex jipproteġu lill-konsumaturi mill-awtoritajiet nazzjonali qed jagħti l-frott, peress li xi kumpaniji issa qed jagħmlu l-pjattaformi tagħhom aktar sikuri għall-konsumaturi; madankollu, mhuwiex aċċettabbli li dan għadu mhuwiex komplut u li qed jieħdu daqstant żmien. Dan jikkonferma li neħtieġu “Ftehim Ġdid għall-Konsumaturi”: ir-regoli tal-konsumatur tal-UE għandhom jiġu rispettati u jekk il-kumpaniji ma jikkonformawx, huma għandhom jiffaċċjaw sanzjonijiet.”

Filwaqt li jidher li l-aktar proposti riċenti ta' Google huma konformi mat-talbiet magħmula mill-awtoritajiet tal-konsumatur, Facebook u, b'mod aktar sinifikanti, Twitter indirizzaw biss parzjalment kwistjonijiet importanti dwar ir-responsabbiltà tagħhom u dwar kif l-utenti jiġu informati dwar it-tneħħija possibbli ta' kontenut jew it-terminazzjoni tal-kuntratt.

F'dak li jirrigwarda l-“proċedura ta' avviż u azzjoni” użata mill-awtoritajiet għall-protezzjoni tal-konsumatur biex jirrappurtaw u jitolbu t-tneħħija ta' kontenut illegali, il-bidliet li saru minn xi kumpaniji mhumiex suffiċjenti. Filwaqt li Google+ stabbilixxa protokoll, kif ukoll skadenzi biex jindirizza t-talbiet, Facebook u Twitter qablu biss li jipprovdu indirizz tal-email apposta li l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jużaw biex jinnotifikaw il-ksur, mingħajr ma kkommettew ruħhom li jindirizzaw talbiet bħal dawn f'perjodi ta' żmien speċifiċi.

Wara diversi lmenti mill-konsumaturi, li kienu fil-mira ta' frodi jew ingann meta għamlu użu minn dawn is-siti web, kif ukoll kienu soġġetti għal termini ta' servizzi li ma jirrispettawx il-liġi tal-UE dwar il-konsumatur, ġiet imnedija azzjoni ta' infurzar f'Novembru 2016.

Minn dan iż-żmien, l-operaturi tal-midja soċjali qablu speċifikament li jemendaw:

  • it-termini tas-servizzi li jillimitaw jew jeskludu kompletament ir-responsabbiltà tan-netwerks tal-midja soċjali fir-rigward tal-prestazzjoni tas-servizz;
  • it-termini li jirrikjedu lill-konsumaturi jċedu d-drittijiet obbligatorji tal-konsumatur tal-UE, bħalma huwa d-dritt tagħhom li jirtiraw minn xiri online;
  • it-termini li jċaħħdu lill-konsumaturi mid-dritt tagħhom li jirrikorru għall-qrati fl-Istat Membru ta' residenza tagħhom, u li jipprovdu l-applikazzjoni tal-liġi ta' California;
  • it-terminu li jeżenta lill-pjattaforma mill-obbligu li tidentifika komunikazzjonijiet kummerċjali u kontenut sponsorjat.

Il-kumpaniji impenjaw ruħhom li jimplimentaw il-bidliet fit-termini tagħhom fil-verżjonijiet lingwistiċi kollha fl-ewwel kwart tal-2018.

Il-passi li jmiss

Kif diġà ġie ddikjarat fil-Komunikazzjoni tagħha dwar l-indirizzar tal-kontenut illegali online ppubblikata f'Settembru 2017, il-Kummissjoni tistenna li pjattaformi online b'mod rapidu u proattiv jidentifikaw, ineħħu u jevitaw li jidher mill-ġdid kontenut illegali online. Attwalment, il-Kummissjoni qed taħdem fuq azzjonijiet ta' segwitu għal din il-Komunikazzjoni. 

L-awtoritajiet nazzjonali tal-konsumatur u l-Kummissjoni se jimmonitorjaw l-implimentazzjoni tal-bidliet li twiegħdu u se jużaw b'mod proattiv il-proċedura ta' avviż u azzjoni pprovduta mill-kumpaniji. Huma se jiffokaw fuq kontenut kummerċjali illegali li jikkonċerna abbonamenti mhux mixtieqa u inganni oħrajn. Barra minn hekk, l-awtoritajiet jistgħu jieħdu azzjoni, inklużi miżuri ta' infurzar, meta jkun meħtieġ.

F'April, il-Kummissjoni se tippreżenta “Ftehim Ġdid għall-Konsumaturi”. Din ir-riforma se tipproponi li timmodernizza l-liġi tal-konsumatur eżistenti u tiżgura li tiġi infurzata b'mod xieraq.

Sfond

Fis-16 ta' Marzu 2017, l-awtoritajiet tal-konsumatur tal-UE u l-Kummissjoni Ewropea ltaqgħu mal-kumpaniji biex jisimgħu u jiddiskutu s-soluzzjonijiet proposti minnhom. Wara din il-laqgħa, il-kumpaniji għamlu ċerti bidliet fit-termini u l-kundizzjonijiet tagħhom. Madankollu, il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-konsumatur jikkunsidraw li jridu jsiru bidliet ulterjuri b'mod urġenti (ara l-istqarrija għall-istampa).

L-awtoritajiet tal-Kooperazzjoni fil-Protezzjoni tal-Konsumaturi, taħt it-tmexxija tad-Direttorat Ġenerali Franċiż għall-Politika tal-Kompetizzjoni, l-Affarijiet tal-Konsumatur u l-Kontroll tal-Frodi (DGCRF), bagħtu pożizzjoni komuni lil Facebook, Twitter u Google+ f'Novembru 2016 fejn talbuhom itejbu għadd ta' termini tal-kuntratt u jistabbilixxu sistema li tindirizza l-kontenut kummerċjali online wara notifika[1].

Ir-Regolament tal-UE dwar il-Kooperazzjoni għall-Protezzjoni tal-Konsumatur (KPK) jgħaqqdu lill-awtoritajiet nazzjonali tal-konsumatur f'netwerk pan-Ewropew tal-infurzar. Bis-saħħa ta' dan il-qafas, awtorità nazzjonali f'pajjiż wieħed tal-UE tista' titlob lill-kontroparti tagħha f'pajjiż ieħor tal-UE biex tintervjeni f'każ ta' ksur transfruntier tar-regoli tal-konsumatur tal-UE. Il-kooperazzjoni hija komuni għal diversi leġiżlazzjonijiet relatati mal-konsumatur, bħad-Direttiva dwar il-Prattiki Kummerjċli Żleali, id-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku, id-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur jew id-Direttiva dwar Termini Kuntrattwali Inġusti.

Fl-ambitu tal-qafas tas-CPC, l-awtoritajiet iwettqu rieżami regolari ta' kwistjonijiet ta' tħassib komuni għall-protezzjoni tal-konsumatur fis-Suq Uniku u jikkoordinaw is-sorveljanza tas-suq tagħhom u l-azzjonijiet potenzjali ta' infurzar. Il-Kummissjoni tiffaċilita l-iskambju ta' informazzjoni fost l-awtoritajiet u l-koordinazzjoni tagħhom.

Jeħtieġ li pjattaformi online jassumu aktar responsabbiltà fil-governanza tal-kontenut. Il-Komunikazzjoni tipprovdi strumenti komuni li jidentifikaw, ineħħu u jevitaw li jerġa' jidher kontenut illegali online.

Għal aktar tagħrif

Tabella bil-bidliet fit-termini u l-kundizzjonijiet

 

[1] Innota li kwalunkwe valutazzjoni magħmula f'din l-azzjoni hija mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe valutazzjoni futura ta' konformità tat-termini tal-kuntratt mill-awtoritajiet tas-CPC jew fi proċedimenti ġuridiċi.

IP/18/761

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar