Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Baġit fit-tul tal-UE wara l-2020: Il-Kummissjoni Ewropea tistabbilixxi għażliet - u l-konsegwenzi tagħhom

Brussell, I-14ta' frar 2018

Qabel il-laqgħa informali tal-Mexxejja fit-23 ta' Frar 2018, il-Kummissjoni Ewropea llum qed tistabbilixxi diversi għażliet - u l-konsegwenzi finanzjarji tagħhom - għal baġit ġdid u modern fit-tul tal-UE li jwassal b'mod effiċjenti il-prijoritajiet tagħha wara l-2020.

 

68

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean-Claude Juncker qal: “Il-baġits mhumiex eżerċizzju ta' kontabbiltà - huma dwar prijoritajiet u ambizzjoni. Huma jinterpretaw li-futur tagħna f'figuri. Għalhekk ejjew l-ewwel niddiskutu dwar l-Ewropa li rridu. Imbagħad, l-Istati Membri jridu jiġġustifikaw l-ambizzjoni tagħhom bi flus li jaqblu magħha. U filwaqt li lkoll irridu nifhmu li għal din id-diskussjoni li ġejja mhuwiex il-każ li nibqgħu għaddejjin kif aħna, jiena nemmen li nistgħu nagħmlu sforz u naqblu fuq baġit fejn kulħadd ikun benefiċjarju ewlieni”.

Fil-laqgħa informali tagħhom fit-23 ta' Frar, il-Mexxejja tal-Unjoni Ewropea se jiddiskutu dwar kif jiżguraw li l-prijoritajiet li stabbilew għall-Unjoni - fis-16 ta' Settembru 2016 fi Bratislava u fil-25 ta' Marzu 2017 fid-Dikjarazzjoni ta' Ruma - ikollhom biżżejjed fondi u għalhekk isiru realtà. Iż-żewġ elementi - it-twaqqif ta' prijoritajiet komuni u l-kapaċità tal-Unjoni li timplimentahom — huma inseparabbli.

Il-Kummissjoni qed tikkontribwixxi għal din id-diskussjoni importanti bi tliet modi: L-ewwel nett, billi tipprovdi l-fatti neċessarji dwar il-baġit tal-UE, il-benefiċċji tiegħu, il-kisbiet u l-valur miżjud. It-tieni nett, billi tfassal xenarji li juru l-impatt finanzjarju ta' diversi għażliet potenzjali ta' politika. U t-tielet nett, billi turi l-konsegwenzi għall-istudenti, ir-riċerkaturi, il-proġetti ta' infrastruttura u ħafna oħrajn f'każ li jkun hemm xi dewmien fl-adozzjoni tal-baġit il-ġdid tal-UE.

Għażliet għall-baġit futur tal-UE

Meta wieħed jiddiskuti dwar il-livell ta' ambizzjoni tal-azzjoni tal-UE f'oqsma bħall-protezzjoni tal-fruntieri esterni tal-UE, l-appoġġ għal Unjoni Ewropea tad-Difiża ġenwina, l-ixprunar tat-trasformazzjoni diġitali tal-Ewropa jew it-tkattir fl-effiċjenza tal-politiki ta' koeżjoni u tal-agrikoltura tal-UE, huwa importanti għall-Mexxejja li jaraw xi jsarrfu l-għażliet tagħhom b'mod konkret f'termini ta' finanzjament fil-livell tal-UE. Il-kontribuzzjoni tal-lum mill-Kummissjoni tfittex li tagħmel preċiżament hekk - billi tikkwantifika l-impatt finanzjarju ta' diversi għażliet potenzjali ta' politika. Dawk mhumiex il-proposti tal-Kummissjoni stess, iżda eżempji bbażati fuq ideat frekwentement imressqa f'dibattitu pubbliku. L-għan tagħhom huwa li n-nies jiffukaw, tiġi stimulata d-diskussjoni u jipprovdu bażi fattwali soda biex isiru l-għażliet importanti li ġejjin dalwaqt.

Pereżempju, jekk il-Mexxejja jaqblu li jirrispettaw l-impenn frekwenti li tissaħħaħ il-protezzjoni tal-fruntieri esterni tal-UE, dan jiġi jiswa EUR 20 sa 25 biljun fuq seba' snin, u sa massimu ta' EUR 150 biljun għal sistema sħiħa ta' gestjoni tal-fruntieri tal-UE. Tabilħaqq, kull prijorità politika - l-Unjoni Ewropea tad-Difiża, kull prijorità li tagħti appoġġ għall-mobilità taż-żagħżagħ, li tixpruna t-trasformazzjoni diġitali tal-Ewropa, li tkattar ir-riċerka u l-innovazzjoni jew li hija l-bażi ta' Unjoni Ekonomika u Monetarja Ġenwina - se jkollha bżonn fondi adegwati biex issir realtà.

L-immodernizzar u l-iffinanzjar tal-baġit tal-UE

Il-Kummissjoni qiegħda tistabbilixxi wkoll modi biex jiġi mmodernizzat il-baġit tal-UE, inkluż billi ssaħħaħ ir-rabta bejn l-għanijiet tal-baġit tal-UE u l-mod li bih jiġi ffinanzjat. Barra minn hekk, hija tistabbilixxi possibiltajiet dwar kif għandha tissaħħaħ ir-rabta - ta' spiss magħrufa bħala “kundizzjonalità”- bejn il-finanzjament mill-UE u r-rispett għall-valuri fundamentali tal-UE.

It-twaqqit huwa importanti - għaċ-ċittadini u n-negozji

Ftehim politiku bla dewmien dwar baġit tal-UE modern u ġdid se jkun essenzjali biex juri li l-Unjoni hija lesta li twettaq l-aġenda politika pożittiva li stabbiliet fi Bratislava u Ruma.

Il-Kummissarju għall-Baġit u r-Riżorsi Umani, Günther H. Oettinger qal: “Ma rridux nirrepetu l-esperjenza sfortunata tal-2013 meta kien seħħ dewmien konsiderevoli fil-qbil dwar il-baġit attwali tal-UE. Jekk dan id-dewmien kellu jerġa' jseħħ, aktar minn 100 000 proġett iffinanzjat mill-UE - f'oqsma ewlenin bħal -għajnuna għan-negozji, l-effiċjenza fl-enerġija, il-kura tas-saħħa, l-edukazzjoni u l-inklużjoni soċjali - ma jkunux jistgħu jibdew fil-ħin, u mijiet ta' eluf ta' żagħżagħ ma jkunux jistgħu jibbenefikaw minn skambju tal-Erasmus+ fl-2021”.

Lil hinn milli sempliċement mixtieq fuq livell politiku, ftehim bikri huwa mportanti wkoll mil-lat prattiku. L-isħab u l-benefiċjarji tal-fondi tal-UE - minn studenti u riċerkaturi għal infrastruttura, kura tas-saħħa jew proġetti tal-enerġija - kif ukoll l-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali ħaqqhom u għandhom bżonn ċertezza kemm legali kif ukoll finanzjarja. Il-Kummissjoni tiġbed l-attenzjoni tal-Mexxejja lejn eżempji konkreti tal-impatt detrimentali li d-dewmien jista' jkollu fuq iċ-ċittadini u n-negozji kollha madwar l-UE. Il-Kummissjoni temmen li l-esperjenza sfortunata tal-adozzjoni tardiva tal-baġit attwali tal-UE — b'dewmien sinifikanti fit-tnedija tal-programmi l-ġodda u b'hekk, biex jinkisbu l-prijoritajiet ta' finanzjament — ma għandhiex tiġi ripetuta.

Il-passi li jmiss

Il-Kummissjoni Ewropea se tippreżenta l-proposta formali tagħha għall-baġit fit-tul tal-UE li jmiss fix-xhur li ġejjin, l-aktar tard fil-bidu ta' Mejju 2018. Sadanittant, il-Kummissjoni se tkompli tisma' lill-partijiet ikkonċernati kollha, inkluż permezz ta' konsultazzjonijiet pubbliċi dwar il-prijoritajiet tal-UE li kienu mnedija f'Jannar 2018.

Għal Aktar Informazzjoni:

-Komunikazzjoni "Qafas Finanzjarju Pluriennali ġdid u modern għal UE li taħdem b'mod effiċjenti fuq il-prijoritajiet tagħha wara l-2020"

-Skedi informattivi

-Dokument ta' riflessjoni dwar il-futur tal-finanzi tal-UE

- Konsultazzjonijiet pubbliċi: Il-futur tal-finanzi tal-UE - esprimi l-fehma tiegħek dwar il-baġit tal-UE wara l-2020

IP/18/745

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar