Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Ewropa li tagħti riżultati: Il-Kummissjoni tippreżenta ideat għal Unjoni Ewropea iktar effiċjenti

Brussell, I-14ta' frar 2018

Qabel il-laqgħa informali bejn il-Mexxejja tat-23 ta' Frar 2018, il-Kummissjoni Ewropea llum qed tippreżenta għadd ta' passi prattiċi li jistgħu jagħmlu x-xogħol tal-Unjoni Ewropea iktar effiċjenti, u li jtejbu l-konnessjoni bejn il-mexxejja tal-istituzzjonijiet tal-UE u ċ-ċittadini tal-Ewropa.

 

68

Illum il-President tal-Kummissjoni Jean-Claude Juncker qal : “Bil-Pjan Direzzjonali ta' Bratislava, bid-Dikjarazzjoni ta' Ruma, u issa bl-Aġenda tal-Mexxejja, l-Ewropa qed tiffoka, kif inhu xieraq, li toħloq Unjoni li ġġib riżultati konkreti u tanġibbli għaċ-ċittadini tagħha dwar il-kwistjonijiet li jimpurtahom dwarhom. Irridu nibqgħu sejrin f'din it-triq. Jien minn dejjem għedt li l-forma għandha ssegwi l-funzjoni – dan mhuwiex iż-żmien għal diskussjonijiet twal dwar ir-riforma istituzzjonali jew bidliet fit-Trattati. Madankollu, hemm għadd ta' passi li nistgħu nieħdu biex nagħmlu x-xogħol tagħna aħna u naħdmu biex inwettqu l-prijoritajiet ewlenin tagħna iktar effiċjenti. Hemm ħafna għażliet, iżda l-għan għandu jibqa' wieħed: li noħolqu Ewropa li ġġib ir-riżultati.”

Kandidati prinċipali: Nibnu fuq l-esperjenza tal-“iSpitzenkandidaten” tal-2014.

Il-proċess tal-elezzjoni tal-2014 saħħaħ ir-relazzjoni bejn it-tliet istituzzjonijiet tal-UE u tejjeb l-effiċjenza ta' xogħolhom. Għenhom jallinjaw lilhom infushom madwar programm ta' ħidma komuni għall-mandat ta' ħames snin. Huwa dan li ppermetta lill-Kummissjoni Juncker taħdem b'mod iktar politiku u tikkonċentra fuq fejn l-Unjoni ġġib l-aqwa riżultati, bil-bqija jiġi mħolli f'idejn l-Istati Membri.

Fid-Diskors tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni għall-2017, il-President Juncker qal li l-esperiment tal-“kandidat prinċipali” tal-2014 għandu jkompli. Illum, il-Kummissjoni Ewropea qed tippreżenta kif il-proċess jista' jiġi mtejjeb abbażi tat-Trattati attwali filwaqt li jiġi rrispettat il-bilanċ bejn l-Istituzzjonijijet tal-UE u fost l-Istati Membri Dan jinkludi li l-partiti politiċi jintalbu jagħmlu għażla iktar bikrija tal-kandidati prinċipali tagħhom, qabel tmiem l-2018, u għal bidu iktar bikri tal-kampanja. Dan jagħti lill-votanti iktar opportunità li jidentifikaw mal-kandidati u l-programmi politiċi li jipproponu.

Il-Kummissjoni qed tipproponi wkoll li r-rabta bejn il-partiti nazzjonali u l-partiti Ewropej issir iktar viżibbli. Il-partiti politiċi fil-livell nazzjonali għandhom ikunu iktar trasparenti dwar il-partiti Ewropej li jkunu affiljati magħhom, pereżempju billi jużaw l-emblemi tagħhom fil-materjal tal-kampanji u fil-vot tagħhom. Hemm bżonn ukoll li jieħdu pożizzjonijiet iktar ċari dwar kwistjonijiet Ewropej importanti u jesprimu l-intenzjoni tagħhom li jipparteċipaw fi gruppi politiċi fil-Parlament Ewropew, u li jesprimu l-għażla tagħhom għal President tal-Kummissjoni.

Kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kummissjoni Ewropea

Il-mexxejja fil-Kunsill Ewropew iridu jiddeċiedu – abbażi ta' proposta mill-Parlament Ewropew – dwar il-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew għall-mandat tal-2019 sal-2024 u x'għandu jsir bis-siġġijiet li r-Renju Unit se jħalli battala. Għażla waħda tista' tkun li jinżammu xi siġġijiet minn dawn għal kostitwenza transnazzjonali. Filwaqt li f'Riżoluzzjoni reċenti (mis-7 ta' Frar) il-Parlament Ewropew ivvota li ma jintalabx li tinħoloq kostitwenza transnazzjonali, xorta ħalla l-bieb miftuħ għal dibattiti futuri. Reċentement, għadd ta' Stati Membri esprimew l-appoġġ tagħhom għal din l-idea, filwaqt li oħrajn esprimew in-nuqqas ta' qbil tagħhom li din titwettaq. Kostitwenza transnazzjonali tkun tista' ssaħħaħ id-dimensjoni Ewroepa tal-elezzjoni billi tagħti lill-kandidati l-possibbiltà li jilħqu iktar ċittadini madwar l-Ewropa kollha. Min-naħa l-oħra, il-membri parlamentari normalment jirrappreżentaw u jikkomunikaw mill-qrib mal-votanti li eleġġewhom fuq livell lokali jew nazzjonali, kemm għal raġunijiet ta' akkontabilità pubblika, kif ukoll sabiex ikunu jistgħu jiġbdu l-attenzjoni lejn it-tħassib tal-kostitwenti tagħhom. Il-Kummissjoni hija simpatetika għall-idea ta' listi transnazzjonali, iżda din se tkun teħtieġ qbil unanimu mill-Kunsill, u bidliet għal-liġi elettorali fis-27 Stat Membru fis-sena li ġejja biex tiġi applikata għall-elezzjonijiet tal-2019.

Il-Kulleġġ tal-Kummissarji bħalissa fih 28 membru , wieħed minn kull Stat Membru – f'konformità ma' Deċiżjoni tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2013. Qabel ma tinħatar il-Kummissjoni Ewropea l-ġdida, il-mexxejja jridu jiddeċiedu jżommux il-prinċipju ta' Membru wieħed minn kull Stat Membru, jew inkella tiċċekkinx il-Kummissjoni. Eżekuttiv iċken, fit-teorija, ikun iktar effiċjenti fl-operat tiegħu, iktar faċli li jiġi mmaniġjat u jkunu jippermetti distribuzzjoni iktar ibbilanċjata tal-portafolli. Iżda Kummissjoni iżgħar tkun tfisser ukoll li xi Stati Membri ma jkunux irrappreżentati fil-livell politiku tal-istituzzjoni, u jitilfu l-vantaġġ li jkollhom kanal ta' komunikazzjoni dirett miftuħ maċ-ċittadini u l-awtoritajiet nazzjonali tagħhom.

President b'Żewġt Ikpiepel għall-Kummissjoni u l-Kunsill

Kien fid-Diskors tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni tal-2017, li l-President Juncker issuġġerixxa l-idea ta' President b'żewġ rwoli. Persuna waħda li jkollha l-karigi ta' President tal-Kunsill Ewropew u ta' President tal-Kummissjoni Ewropea tista' tagħmel l-istruttura tal-Unjoni iktar effiċjenti. Dan huwa possibbli bit-trattati preżenti. Ħatra doppja ma tkunx teħtieġ li ż-żewġ istituzzjonijiet jingħaqdu. Il-President tal-Kummissjoni Ewropea diġà huwa Membru tal-Kunsill Ewropew, u l-ebda wieħed miż-żewġ Presidenti ma jivvota fil-Kunsill Ewropew; ir-rwol tagħhom huwa li jagħtu pariri, jagħtu kontribut mill-ħidma tas-servizzi tagħhom, jgħinu biex joħolqu l-pontijiet u jsibu pożizzjonijiet komuni.

Djalogi taċ-Ċittadini

Il-Kummissjoni regolarment torganizza Djalogi taċ-Ċittadini ma' Membri tal-Kummissjoni, il-Parlament Ewropew, gvernijiet nazzjonali, awtoritajiet lokali u reġjonali, u rappreżentanti tas-soċjetà ċivili. Mill-2012 'l hawn ġew organizzati kważi 500 minn dawn id-dibattiti pubbliċi interattivi f'160 post, u l-Kummissjoni se żżid il-frekwenza tagħhom minn issa sal-elezzjonijiet Ewropej f'Mejju 2019, bil-mira li jsiru madwar 500 attività oħra. Il-Kummissjoni tilqa' wkoll l-inizjattivi ta' Stati Membri individwali biex jorganizzaw id-diskursati nazzjonali tagħhom maċ-ċittadini dwar il-ġejjieni tal-Ewropa, u hija lesta li tgħin fejn tista', pereżempju billi tikkollega dan il-proċess mal-konsultazzjoni online dwar il-ġejjieni tal-Ewropea li jista' jibqa' miftuħ sad-9 ta' Mejju 2019. Il-Kummissjoni se taqsam il-frott tal-esperjenza tagħha mal-Istati Membri.

Sfond

L-ideat u l-għażliet proposti llum huma segwitu dirett tar-rapport tal-Kummissjoni Ewropea (tat-8 ta' Mejju 2015) fuq l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew tal-2014 li fih wegħdet li tidentifika mezzi biex id-dimensjoni Ewropea u l-leġittimità demokratika tal-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet tal-UE jissaħħu iktar, u li teżamina iktar, u tfittex li tindirizza, ir-raġunijiet għall-konkorrenza persistentement baxxa f'xi Stati Membri.

Għal iktar informazzjoni

Komunikazzjoni: Ewropa li tagħti riżultati: Għażliet istituzzjonali biex nagħmlu l-ħidma tal-Unjoni Ewropea aktar effiċjenti

Rakkkomandazzjoni: rigward it-tisħiħ tan-natura Ewropea u t-tmexxija effiċjenti tal-elezzjonijiet 2019 tal-Parlament Ewropew

Rapport tal-Kummissjoni Ewropea fuq l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew tal-2014

Rapport tal-2018 dwar l-elezzjonijiet Ewropej u muniċipali

Skedi informattivi:

  • Għażliet biex il-ħidma tal-Unjoni Ewropea ssir iktar effiċjenti
  • Il-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill Ewropew – x'għandu jkun mistenni fl-2019
  • It-twelid tal-“iSpitzenkadidaten” u l-kampanja elettorali Ewropea tal-2014
  • Djalogu maċ-ċittadini qabel l-elezzjonijiet Ewropej
  • Regoli ġodda biex l-elezzjonijiet Ewropej tal-2019 isiru iktar trasparenti
  • President b'żewġ rwoli?
  • Żjarat u laqgħat ta' Membri tal-Kummissjoni mal-Parlamenti nazzjonali mill-bidu tal-mandat

 

IP/18/743

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar