Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Rapport tal-Kummissjoni: Is-sitwazzjoni soċjali u tal-impjiegi fl-UE tkompli titjieb

Brussell, it-12ta' frar 2018

Sostnut minn tkabbir ekonomiku b'saħħtu, is-settur tal-impjiegi fl-UE kompla jissaħħaħ ferm aktar milli mistenni fit-tielet kwart tal-2017, filwaqt li, skont l-aħħar Rieżami Trimestrali dwar l-Impjiegi u l-Iżviluppi Soċjali fl-Ewropa, iċ-ċifri tal-qgħad komplew jonqsu.

Marianne Thyssen, il-Kummissarju għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali, il-Ħiliet u l-Mobilità tal-Ħaddiema, osservat: "Fl-Ewropa reġa' qed jidher it-tkabbir. L-impjiegi fl-UE laħqu l-ogħla livell li qatt ġie rreġistrat, b'aktar minn 236 miljun ruħ jaħdmu. Filwaqt li l-qgħad qed jonqos b'mod stabbli. Għandna napprofittaw minn dan il-momentum ekonomiku pożittiv u nagħtu liċ-ċittadini d-drittijiet ġodda u aktar effettivi li konna stabbilixxejna fil-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali: kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti, aċċess ugwali għas-suq tax-xogħol u protezzjoni soċjali deċenti. Issa huwa l-waqt li niżguraw li ċ-ċittadini u l-ħaddiema kollha jkunu jistgħu jibbenefikaw minn dawn l-iżviluppi pożittivi fis-suq tax-xogħol."

Meta mqabbla mas-sena ta' qabel, l-impjiegi fl-UE żdiedu b'1.7 %. Dan ifisser żieda ta' 4 miljun ruħ impjegati, li 2.7 miljuni minnhom jaħdmu fiż-żona tal-euro. L-impjiegi permanenti u x-xogħol full-time kienu l-kontributuri ewlenin għal din l-espansjoni. Bejn it-tielet kwart tal-2016 u l-2017, l-għadd ta' impjegati b'kuntratti permanenti żdied bi 2.8 miljuni. Din iż-żieda hija tliet darbiet akbar miż-żieda reġistrata f'kuntratti temporanji (900,000). L-għadd ta' ħaddiema full-time żdied b'madwar 3 miljuni, għal 181 miljun, filwaqt li l-ħaddiema part-time żdiedu b'madwar 300,000 għal 42.7 miljuni.

Ir-rata ta' impjieg fl-UE ta' ħaddiema bejn l-20 u l-64 sena żdiedet b'mod kostanti matul dawn l-aħħar tliet snin, u fit-tielet kwart tal-2017 kienet 72.3 %, l-ogħla rata qatt milħuqa. Madankollu, għad hemm differenzi kbar bejn l-Istati Membri. Ir-rati ta' impjieg nazzjonali jvarjaw minn 58 % fil-Greċja għal 82 % fl-Iżvezja. Ir-rapport juri wkoll li l-qgħad fl-UE qed joqrob b'ritmu kostanti lejn il-livelli ta' qabel il-kriżi. Il-qgħad naqas b'madwar 8.6 miljun ruħ minn meta kien laħaq il-massimu tiegħu rreġistrat f'April 2013 u f'Diċembru 2017 kien għadu taħt it-18-il miljun ruħ, l-iktar livell baxx minn Novembru 2008.

Ċifri oħra dwar is-suq tax-xogħol li joħorġu mir-Rieżami Trimestrali jikkonfermaw ukoll it-titjib fis-saħħa tal-ekonomija tal-UE:

  • Il-produttività tax-xogħol fl-UE tjiebet b'0.8% meta mqabbla mat-tielet kwart tal-2016. L-aktar żieda qawwija rreġistrata kienet dik fil-Latvja, il-Litwanja, il-Polonja u r-Rumanija (3 % jew aktar minn sena għall-oħra).
  • Is-sitwazzjoni finanzjarja tal-unitajiet domestiċi fl-UE kompliet titjieb b'rata ta' tkabbir ta' madwar 1.5 % minn sena għall-oħra, dovuta l-aktar għal żieda fid-dħul mix-xogħol. Sal-ewwel nofs tal-2017, kważi l-Istati Membri kollha komplew jaraw tkabbir fid-dħul fis-sena tal-unitajiet domestiċi. Madankollu fid-diversi pajjiżi, b'mod partikolari fil-Kroazja, il-Greċja, l-Italja, il-Portugall u Spanja, kif ukoll fin-Netherlands, id-dħul gross disponibbli tal-unitajiet domestiċi kien għadu taħt il-livell miksub fl-2008.
  • Id-domanda għall-ħaddiema u n-nuqqas ta' ħaddiema komplew jiżdiedu. Fit-tielet kwart tal-2017, ir-rata globali ta' postijiet tax-xogħol battala[1] fl-UE laħqet it-2%. Ir-rata ta' postijiet tax-xogħol battala kienet ogħla fis-settur tas-servizzi milli f'dawk tal-industrija u tal-kostruzzjoni. In-nuqqas ta' ħaddiema[2] żdied, u l-attività fir-reklutaġġ ta' ħaddiema[3] rkuprat (żieda ta' 3.7 % f'sena sat-tieni kwart tal-2017). Ir-rati ta' tluq mis-servizz[4] naqsu sew taħt il-livelli ta' qabel il-kriżi, filwaqt li r-rata ta' kollokament[5] aċċellerat l-irkupru tagħha matul l-aħħar kwarti u avviċinat ir-rata tagħha ta' qabel il-kriżi.

Sfond

Ir-Reviżjoni Trimestrali dwar l-Impjiegi u l-Iżviluppi Soċjali fl-Ewropa tipprovdi ħarsa ġenerali lejn l-aħħar żviluppi soċjali u tas-suq tax-xogħol fl-UE. Din tagħti ħarsa lejn il-bidliet fuq terminu qasir fil-PDG u fix-xejriet fl-impjiegi.

Fis-17 ta' Novembru 2017, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni pproklamaw il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, li jistabbilixxi 20 prinċipju u dritt ewlenin b'appoġġ għal swieq tax-xogħol u sistemi ta' protezzjoni soċjali ġusti u li jiffunzjonaw tajjeb. Il-Kummissjoni diġà qed tagħmel il-parti tagħha biex tittrasforma l-Pilastru f'azzjonijiet konkreti, pereżempju permezz tal-inizjattiva dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, il-proposta għal Direttiva dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol trasparenti u prevedibbli fl-Unjoni Ewropea, jew il-Pakkett dwar il-Ġustizzja Soċjali imminenti.

Strument ewlieni biex jiggwida l-proċess ta' konverġenza ekonomika u soċjali kull sena huwa s-Semestru Ewropew. Il-prinċipji u l-prijoritajiet tal-Pilastru ġew allinjati fid-dokumenti ewlenin tas-Semestri kollha, bl-ewwel wieħed ikun dak taċ-ċiklu tal-2017/18. B'mod partikolari, l-Abbozz ta' Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi jinkludi t-Tabella ta' Valutazzjoni Soċjali l-ġdida biex jiġu mmonitorjati l-prestazzjonijiet fl-oqsma ewlenin koperti mill-Pilastru, bħas-sehem tal-istudenti li jitilqu kmieni mill-iskola, ir-rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ jew l-impatt tat-trasferimenti soċjali fuq it-tnaqqis tal-faqar.

Għal Aktar Informazzjoni

Reviżjoni Trimestrali dwar l-Impjiegi u l-Iżviluppi Soċjali fl-Ewropa – Frar 2018

Sit web dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali

Impjiegi u analiżi soċjali mid-DĠ EMPL

 

[1] Ir-rata ta' postijiet tax-xogħol battala hija l-perċentwal tal-postijiet tax-xogħol battala mqabbla mal-għadd totali ta' postijiet tax-xogħol battala u okkupati.

[2] L-indikatur tan-nuqqas ta' ħaddiema huwa s-sehem ta' ditti li jindikaw li n-nuqqas ta' ħaddiema huwa fattur li jillimita l-produzzjoni tagħhom.

[3] L-indikatur tar-reklutaġġ huwa s-sehem ta' ħaddiema li bdew jaħdmu mal-impjegatur fl-aħħar 3 xhur.

[4] Ir-rata ta' tluq mis-servizz hija s-sehem ta' impjegati li telqu minn mal-impjegatur f'perjodu partikolari.

[5] Ir-rata ta' kollokament hija s-sehem ta' persuni mingħajr impjieg li jsibu x-xogħol f'perjodu partikolari.

IP/18/721

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar