Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

L-Ewrobarometru Standard tal-Ħarifa 2018: L-immaġni pożittiva tal-UE tipprevali qabel l-elezzjonijiet Ewropej

Brussell, il-21ta' dicembru 2018

Skont stħarriġ ġdid tal-Ewrobarometru li ġie ppubblikat illum, għall-ewwel darba, il-maġġoranza tal-Ewropej huma tal-fehma li l-vuċi tagħhom tgħodd fl-UE. In-numru ta' Ewropej li għandhom immaġni pożittiva tal-UE żdied.

L-appoġġ għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja baqa' b'saħħtu u laħaq livell għoli ġdid fiż-żona tal-ewro.

Dawn huma wħud mir-riżultati ewlenin tal-aħħar stħarriġ tal-Ewrobarometru Standard, li sar bejn it-8 u t-22 ta' Novembru u li ġie ppubblikat illum.

1. L-indikaturi politiċi pożittivi qed jiżdiedu

Għall-ewwel darba minn mindu bdiet issir il-mistoqsija, il-maġġoranza tal-Ewropej jaqblu li “l-vuċi tagħhom tgħodd fl-UE” (49 %, +4 punti perċentwali mir-rebbiegħa tal-2018), filwaqt li 47 % ma jaqblux (-2 mir-rebbiegħa tal-2018), u 4 % (-2) jgħidu li “ma jafux”. F'16-il Stat Membru, il-maġġoranza ta' dawk li wieġbu jaqblu li l-vuċi tagħhom tgħodd fl-Unjoni Ewropea, bl-akbar punteġġi fid-Danimarka (73 %), fl-Iżvezja (71 %) u fil-Ġermanja (70 %).

43 % tal-Ewropej għandhom immaġni pożittiva tal-UE (+3 punti perċentwali meta mqabbel mar-rebbiegħa tal-2018) – l-ogħla livell mill-ħarifa tal-2009. Aktar minn terz ta' dawk li wieġbu għandhom immaġni newtrali tal-UE (36 %, -1 meta mqabbel mar-rebbiegħa tal-2018), filwaqt li wieħed minn kull ħamsa għandu immaġni negattiva (20 %, -1) u 1 % m'għandhomx opinjoni. Mill-aħħar stħarriġ tal-Ewrobarometru Standard fir-rebbiegħa tal-2018, il-proporzjon ta' dawk li wieġbu li għandhom immaġni pożittiva tal-UE żdied fi 17-il Stat Membru, u bl-aktar mod drastiku fl-Iżvezja (53 %, +11) fi Spanja (43 %, +10) u fir-Renju Unit (43 %, +9).

Il-fiduċja fl-UE baqgħet stabbli għal 42 %, li huwa l-ogħla livell tagħha mill-ħarifa tal-2010 'l hawn. Il-fiduċja tipprevali fi 17-il Stat Membru tal-UE (15 fir-rebbiegħa tal-2018), bl-akbar numri fil-Litwanja (65 %), fid-Danimarka (60 %) u fl-Iżvezja (59 %). Il-fiduċja fl-UE għadha ogħla mill-fiduċja fil-gvernijiet jew fil-parlamenti nazzjonali. 42 % tal-Ewropej għandhom fiduċja fl-Unjoni Ewropea, filwaqt li 35 % għandhom fiduċja fil-parlament nazzjonali u fil-gvern nazzjonali tagħhom (+1 punt perċentwali fiż-żewġ każijiet meta mqabbel mar-rebbiegħa tal-2018).

2. L-appoġġ għaċ-ċittadinanza tal-UE u l-moviment liberu fl-Istati Membri kollha tal-UE

Fit-28 Stat Membru kollha, il-maġġoranza ta' dawk li wieġbu jħossu li huma ċittadini tal-UE: 71 % madwar l-UE (+1 punt perċentwali mir-rebbiegħa 2018), u fil-livell nazzjonali din l-opinjoni tvarja minn 89 % fil-Lussemburgu għal 51 % fil-Bulgarija.

Il-maġġoranza l-kbira ta' dawk li wieġbu jappoġġjaw “il-moviment liberu taċ-ċittadini tal-UE” (83 %, +1 punt perċentwali mir-rebbiegħa tal-2018), u f'kull Stat Membru tal-UE aktar minn żewġ terzi ta' dawk li wieġbu huma ta' din il-fehma.

3. L-appoġġ qawwi għall-ewro ġie kkonfermat

20 sena mill-introduzzjoni tal-munita unika tagħna, l-appoġġ għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u għall-ewro għadu f'livell rekord, u madwar tliet kwarti ta' dawk li wieġbu (75 %, +1 punt perċentwali) fiż-żona tal-ewro esprimew ruħhom favur il-munita unika tal-UE.

Il-maġġoranza taċ-ċittadini tal-UE huma tal-fehma li l-qagħda tal-ekonomija Ewropea hija “tajba” (49 %), tnaqqis ċkejken mir-rebbiegħa tal-2018 (-1 punti perċentwali). 38 % ta' dawk li wieġbu jqisu li l-ekonomija Ewropea hija “ħażina” (+1), u 13 % m'għandhomx opinjoni.

L-opinjonijiet pożittivi dwar il-qagħda tal-ekonomija nazzjonali (49 %, mhux mibdula) għadhom jegħlbu l-opinjonijiet negattivi (48 %, +1) iżda b'marġini ta' punt wieħed. Il-maġġoranza ta' dawk li wieġbu f'16-il Stat Membru tal-UE (14 fir-rebbiegħa tal-2018) jgħidu li l-qagħda ekonomika nazzjonali hija tajba. Malta (95 %) u l-Lussemburgu u n-Netherlands (it-tnejn 91 %) huma l-pajjiżi bl-ogħla perċentwali. Fid-Danimarka, il-Ġermanja, l-Iżvezja (kollha 88 %) u l-Awstrija (81 %), aktar minn tmienja f'kull għaxra huma wkoll ta' din il-fehma. L-iżgħar proporzjonijiet ġew osservati fil-Greċja (6 %), fil-Kroazja (16 %) u fi Spanja u l-Bulgarija (it-tnejn 18 %).

4. Il-migrazzjoni u t-terroriżmu għadhom l-iktar kwistjonijiet ta' tħassib għall-Ewropej

L-immigrazzjoni għadha l-kwistjoni ta' tħassib ewlenija fil-livell tal-UE, b'40 % tat-tweġibiet (+2 punti perċentwali mir-rebbiegħa tal-2018). Tissemma darbtejn aktar ta' spiss mit-terroriżmu (20 %), li għadu t-tieni l-aktar kwistjoni ta' tħassib importanti minkejja tnaqqis qawwi (-9 mir-rebbiegħa tal-2018). L-istat tal-finanzi pubbliċi tal-Istati Membri huwa fit-tielet post (19 %, +2): huwa fost l-ogħla tliet kwistjonijiet għall-ewwel darba mill-ħarifa tal-2014, u għadda t-tħassib dwar il-qagħda ekonomika, li issa tinsab fir-raba' post (18 %, mhux mibdula) għall-ewwel darba mill-ħarifa tal-2010. It-tibdil fil-klima huwa kwistjoni ewlenija għal 16 % ta' dawk li wieġbu, u rreġistra l-akbar żieda (+ 5 punti perċentwali), u laħaq il-ħames post.

Għalkemm il-qgħad jinsab fis-sitt pożizzjoni fil-livell tal-UE, (13 %, l-aktar livell baxx għal dan l-indikatur mill-2010), għadu l-kwistjoni ta' tħassib ewlenija fil-livell nazzjonali (23 %, -2 punti perċentwali). Dan huwa l-iktar punteġġ baxx mill-2007 'l hawn. Iż-żieda fil-prezzijiet/l-inflazzjoni/l-għoli tal-ħajja (21 %, +4) hija fit-tieni post flimkien mal-immigrazzjoni (21 %, mhux mibdul). Din hija l-ewwel darba mill-ħarifa tal-2008 li t-tħassib fuq l-għoli tal-ħajja qiegħed fl-ewwel tnejn fil-livell nazzjonali. Fir-raba' post b'20 % tat-tweġibiet (-3), is-saħħa u s-sigurtà soċjali, qed jerġgħu lura għal-livell osservat fil-ħarifa tal-2017. Il-qagħda ekonomika (15 %, mhux mibdul) u l-pensjonijiet (15 %, -2) jaqsmu l-ħames post, eżatt fuq il-kwistjonijiet relatati mal-ambjent, il-klima u l-enerġija (14 %, +4), li laħqu livell għoli ġdid.

 

Sfond

L-“Ewrobarometru Standard tal-Ħarifa 2018” (EB 90) sar permezz ta' intervisti wiċċ imb'wiċċ bejn it-8 u t-22 ta' Novembru 2018. Ġew intervistati 32,600 persuna fl-Istati Membri tal-UE[1] u fil-pajjiżi kandidati[2].

[1] 27,424 intervista fit-28 Stati Membri tal-UE.

[2] It-28 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea (l-UE), ħames pajjiżi kandidati (l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, it-Turkija, il-Montenegro, is-Serbja u l-Albanija) u l-Komunità Ċiprijotta Torka fil-parti tal-pajjiż li mhix ikkontrollata mill-gvern tar-Repubblika ta' Ċipru.

 

Għal Aktar Informazzjoni

Ewrobarometru Standard 90

ANNESS

1. “Il-vuċi tiegħi tgħodd fl-UE”

Il-perċezzjoni tal-qagħda tal-ekonomija Ewropea

 

2. L-immaġni tal-UE

1

 

3. Il-fiduċja fl-UE

L-immaġni tal-UE

 

4. L-appoġġ għall-ewro jibqa' fl-ogħla livell tiegħu

 Il-fiduċja fl-UE

 

5. Il-perċezzjoni tal-qagħda tal-ekonomija Ewropea

Il-perċezzjoni tal-qagħda tal-ekonomija Ewropea

 

6. Il-perċezzjoni tal-qagħda tal-ekonomija nazzjonali

Il-perċezzjoni tal-qagħda tal-ekonomija nazzjonali

 

 7. Il-moviment liberu

Il-moviment liberu

 

8. Iċ-ċittadinanza tal-UE

Iċ-ċittadinanza tal-UE

 

9. L-isfidi ewlenin li qiegħda tiffaċċa l-UE 

 Il-moviment liberu

 Massimu ta' żewġ tweġibiet – l-iktar sitt elementi msemmija

 

10. L-akbar sfidi fil-livell nazzjonali

 Iċ-ċittadinanza tal-UE

 Massimu ta' żewġ tweġibiet – l-iktar sitt elementi msemmija

 

IP/18/6896


Side Bar