Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-Bliet Kapitali Ewropej tal-Kultura 2019: Plovdiv u Matera

Brussell, it-3ta' jannar 2019

Mill-1 ta' Jannar 2019, Plovdiv (il-Bulgarija) u Matera (l-Italja) se jkollhom it-titlu ta' Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura għal sena.

Il-Kummissarju Ewropew għall-Edukazzjoni, il-Kultura, iż-Żgħażagħ u l-Isport, Tibor Navracsics, qal: “Il-programmi ta' Plovdiv u Matera juru kif dawn il-bliet iħarsu kemm lejn il-futur tagħhom kif ukoll lejn dak tal-Ewropa, filwaqt li jiċċelebraw il-wirt straordinarju tagħhom li jmur lura għal sekli sħaħ. L-inizjattiva tal-Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura tgħaqqad in-nies flimkien u tenfasizza r-rwol tal-kultura fil-ħolqien ta' identità Ewropea. Iż-żewġt ibliet se jgħinu biex jiżguraw l-impatt fit-tul tas-suċċess tas-Sena Ewropea għall-Wirt Kulturali tas-sena li għaddiet, li wriet kif il-kultura tista' tittrasforma l-bliet u r-reġjuni tagħna għall-aħjar. Nixtieq lil Plovdiv u Matera kull suċċess għas-sena d-dieħla.”

Plovdiv hija l-ewwel belt Bulgara li qatt intgħażlet bħala Kapitali Ewropea tal-Kultura. Bi programm sħiħ bil-motto “Flimkien”, is-sena 2019 se ġġib magħha opportunitajiet ġodda għar-reġjun u viżibbiltà internazzjonali għall-belt. Aktar minn 300 proġett ġew organizzati fi Plovdiv, kif ukoll fir-Reġjun Ċentrali tan-Nofsinhar tal-Bulgarija, u fil-bliet ta' Varna, Sofija u Veliko Tarnovo, inklużi festivals u proġetti bbażati fil-komunità, li huma mibnija fuq temi marbuta mal-karatteristiċi tipiċi ta' Plovdiv, l-istorja tagħha, il-wirt kulturali, kif ukoll l-isfidi li qed tiffaċċja l-belt. Mill-iskoperta tal-alfabett Ċirilliku permezz ta' esibizzjonijiet varji, sa produzzjonijiet tat-teatru konġunti mal-komunitajiet tal-Balkani tal-Punent, tar-Roma u tat-Torok, il-viżitaturi se jkollhom varjetà ta' attivitajiet li fihom jistgħu jipparteċipaw. Iċ-ċelebrazzjonijiet tal-ftuħ se jseħħu mill-11 sat-13 ta' Jannar, b'serje ta' avvenimenti fuq ġewwa u fuq barra, inkluża prestazzjoni tal-mużika, tad-dwal u taż-żfin fit-12 ta' Jannar filgħaxija. Il-Kummissarju għall-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali Mariya Gabriel se tattendi ċ-ċerimonja tal-ftuħ uffiċjali fit-12 ta' Jannar.

Il-programm għal Matera ġie organizzat bil-motto “Futur Miftuħ”, u se jkollu enfasi speċjali fuq l-inklużjoni soċjali u kulturali u l-innovazzjoni kollaborattiva. Il-punti ewlenin jinkludu “Ars Excavandi”, ħarsa kontemporanja lejn l-istorja u l-kultura tal-arkitettura ta' taħt l-art; “Re-reading Renaissance” (Ħarsa mill-ġdid lejn ir-Rinaxximent), vjaġġ fil-passat artistiku ta' Basilicata u Apuila; u “Poetry of primes” (Poeżija tan-Numri Ewlenin), esibizzjoni dwar ir-rwol ċentrali il-matematika fil-ħidma tal-artisti tul iż-żminijiet. Matera se tospita wkoll l-ewwel prestazzjoni fil-beraħ tal-opera Cavalleria Rusticana b'kooperazzjoni ma' Teatro San Carlo, kif ukoll 27 proġett ieħor żviluppat flimkien mal-komunitajiet kreattivi lokali u s-sħab mill-Ewropa. Iċ-ċelebrazzjonijiet tal-ftuħ se jsiru fid-19 u fl-20 ta' Jannar u se jlaqqgħu 2,000 mużiċist mill-villaġġi kollha tar-reġjun ta' Basilicata u minn partijiet oħra tal-Ewropa. Il-Kummissarju Navracsics se jattendi ċ-ċerimonja uffiċjali tal-ftuħ fid-19 ta' Jannar.

Sfond

Melina Mercouri, li dak iż-żmien kienet il-Ministru tal-Kultura tal-Greċja, ħadet l-inizjattiva biex tniedi l-Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura fl-1985. Minn dakinhar 'l hawn din saret l-aktar inizjattiva tal-kultura prestiġjuża fl-Ewropa. Il-bliet kapitali jintgħażlu abbażi ta' programm kulturali li jrid ikollu dimensjoni Ewropea b'saħħitha, li jrawwem il-parteċipazzjoni u l-involviment attiv tar-residenti tal-belt, u li jikkontribwixxi għall-iżvilupp fit-tul tal-belt u tar-reġjun tal-madwar tagħha.

It-titlu ta' Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura hija opportunità eċċellenti għall-bliet biex jibdlu l-immaġni tagħhom, jqiegħdu lilhom infushom fuq il-mappa tad-dinja, jattiraw aktar turisti u jikkunsidraw mill-ġdid l-iżvilupp tagħhom permezz tal-kultura. It-titlu għandu impatt fit-tul, mhux biss fuq il-kultura iżda wkoll f'termini ekonomiċi u soċjali, kemm għall-belt kif ukoll għar-reġjun.

Fl-2018, il-Belt Valletta f'Malta u Leeuwarden fin-Netherlands kienu l-Bliet Kapitali Ewropej tal-Kultura. Wara Plovdiv u Matera fl-2019, il-Bliet Kapitali Ewropej tal-Kultura futuri se jkunu Rijeka (il-Kroazja) u Galway (l-Irlanda) fl-2020, Timisoara (ir-Rumanija), Elefsina (il-Greċja) u Novi Sad (is-Serbja, pajjiż kandidat) fl-2021, u Esch (il-Lussemburgu) u Kaunas (il-Litwanja) fl-2022 u Veszprém (rakkomandata) fl-Ungerija fl-2023.

Għal Aktar Informazzjoni

Plovdiv2019 - Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura

#Plovdiv2019

Matera 2019 - Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura

#Matera2019

Skeda informattiva dwar il-Bliet Kapitali Ewropej tal-Kultura

Il-Bliet Kapitali Ewropej tal-Kultura – Ktejjeb dwar it-tletin sena ta' kisbiet

IP/18/6888

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar