Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-Brexit: Il-Kummissjoni Ewropea timplimenta Pjan ta' Azzjoni ta' Kontinġenza f'oqsma speċifiċi f'każ li ma jintlaħaqx ftehim

Brussell, id-19ta' dicembru 2018

Ir-Renju Unit ser jitlaq mill-Unjoni Ewropea fi żmien 100 jum.

Minħabba l-inċertezza kontinwa fir-Renju Unit madwar ir-ratifika tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, kif miftiehem bejn l-UE u r-Renju Unit fil-25 ta' Novembru 2018 - u s-sejħa mill-Kunsill Ewropew (l-Artikolu 50) tal-ġimgħa li għaddiet biex tiġi intensifikata l-ħidma preparatorja f'kull livell u għal kull eżitu, illum il-Kummissjoni Ewropea bdiet timplimenta Pjan ta' Azzjoni ta' Kontinġenza f'każ li ma jintlaħaqx ftehim. Dan jagħti riżultati dwar l-impenn tal-Kummissjoni biex tadotta l-proposti kollha f'każ li ma jintlaħaqx ftehim sal-aħħar tas-sena, kif deskritt fit-tieni Komunikazzjoni dwar it-tħejjija tagħha tat-13 ta' Novembru 2018.

Il-pakkett tal-lum jinkludi 14-il miżura f'numru limitat ta' oqsma li fihom f'każ li ma jintlaħaqx ftehim jinħoloq tfixkil ewlieni għaċ-ċittadini u n-negozji fl-UE27. Dawn l-oqsma fost l-oħrajn jinkludu s-servizzi finanzjarji, it-trasport bl-ajru, id-dwana u l-politika dwar il-klima.

Il-Kummissjoni tqis li huwa essenzjali u urġenti li jiġu adottati dawn il-miżuri llum biex jiżguraw li l-miżuri ta' kontinġenza meħtieġa jkunu jistgħu jidħlu fis-seħħ fit-30 ta' Marzu 2019 biex jillimitaw il-ħsara l-aktar dannuża kkawżata minn xenarju fejn ma jintlaħaq l-ebda ftehim f'dawn l-oqsma.

Dawn il-miżuri mhumiex u ma jistgħux itaffu l-impatt ġenerali ta' xenarju fejn ma jintlaħaq l-ebda ftehim, u lanqas ma jikkumpensaw b'xi mod għan-nuqqas ta' tħejjija mal-partijiet interessati jew jirreplikaw il-benefiċċji kollha tas-sħubija tal-UE jew it-termini ta' xi perjodu ta' tranżizzjoni, kif previst fil-Ftehim dwar il-Ħruġ. Huma limitati għal oqsma speċifiċi fejn huwa assolutament meħtieġ li jiġu protetti l-interessi vitali tal-UE u fejn il-miżuri ta' tħejjija biss ma jkunux biżżejjed. Bħala regola, se jkunu temporanji fin-natura tagħhom, se jkunu limitati fl-ambitu u se jiġu adottati unilateralment mill-UE. Huma jieħdu kont tad-diskussjonijiet mal-Istati Membri u flimkien magħhom hemm miżuri ta' tħejjija li diġà ttieħdu, kif stabbilit fiż-żewġ Komunikazzjonijiet ta' tħejjija preċedenti.

Il-Kummissjoni se tkompli timplimenta l-Pjan ta' Azzjoni ta' Kontinġenza tagħha fil-ġimgħat li ġejjin u se tissorvelja l-ħtieġa għal azzjoni addizzjonali, kif ukoll se tkompli tappoġġa lill-Istati Membri fil-ħidma ta' tħejjija tagħhom.

Nqiegħdu d-drittijiet taċ-ċittadini l-ewwel: id-dritt ta' soġġorn u l-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali

Il-Kummissjoni konsistentement matul dawn in-negozjati u matul il-ħidma tagħha ta' tħejjija u kontinġenza f'każ li ma jintlaħaq l-ebda ftehim poġġiet liċ-ċittadini l-ewwel. Il-Komunikazzjoni tal-lum tistieden lill-Istati Membri jieħdu pożizzjoni ġeneruża f'dak li jikkonċerna d-drittijiet taċ-ċittadini tar-Renju Unit fl-UE, sakemm dan l-approċċ ikun reċiprokat mir-Renju Unit.

B'mod partikolari, l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri biex jiżguraw li ċ-ċittadini tar-Renju Unit li jgħixu legalment fl-UE fid-data tal-irtirar, jibqgħu jitqiesu residenti legali. L-Istati Membri għandhom jadottaw approċċ pragmatiku li jagħti status ta' residenza temporanja. Huwa mfakkar li l-Kummissjoni diġà adottat proposta għal Regolament li jeżenta liċ-ċittadini tar-Renju Unit mir-rekwiżiti tal-viża, dment li ċ-ċittadini kollha tal-UE jkunu ugwalment eżentati mir-rekwiżiti tal-viża tar-Renju Unit.

Fir-rigward tal-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali, il-Kummissjoni tqis li huwa meħtieġ li l-Istati Membri jieħdu l-passi kollha possibbli biex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali, u biex jitħarsu d-drittijiet akkwistati minn ċittadin tal-UE27 u ta' ċittadini tar-Renju Unit li eżerċitaw id-dritt ta' moviment liberu tagħhom qabel it-30 ta' Marzu 2019.

Regolamentazzjoni speċifika għas-settur

Servizzi finanzjarji

Wara analiżi bir-reqqa tar-riskji marbuta max-xenarju fejn ma jintlaħaq l-ebda ftehim fis-settur finanzjarju, il-Kummissjoni sabet li huwa meħtieġ biss għadd limitat ta' miżuri ta' kontinġenza biex tkun issalvagwardjata l-istabbiltà finanzjarja.

Il-Kummissjoni għalhekk illum adottat l-atti li ġejjin:

  • Deċiżjoni dwar l-ekwivalenza temporanja u kundizzjonali, limitata għal perjodu fiss ta' 12-il xahar biex tiżgura li mhux se jkun hemm interruzzjoni immedjata fl-ikklirjar ċentrali ta' derivattivi.
  • Deċiżjoni dwar l-ekwivalenza temporanja u kundizzjonali, limitata għal perjodu fiss ta' 24 xahar biex tiżgura li ma jkun hemm l-ebda tfixkil fis-servizzi tad-depożitarji ċentrali għall-operaturi tal-UE li attwalment jużaw l-operaturi tar-Renju Unit.
  • Żewġ Regolamenti Delegati li jiffaċilitaw in-novazzjoni, għal perjodu fiss ta' 12-il xahar, ta' ċerti kuntratti tad-derivattivi barra l-borża fejn kuntratt jiġi trasferit minn kontroparti tar-Renju Unit għal waħda tal-UE27.

Trasport

Illum il-Kummissjoni adottat żewġ miżuri li jevitaw interruzzjoni sħiħa tat-traffiku tal-ajru bejn l-UE u r-Renju Unit f'każ li ma jintlaħaq l-ebda ftehim. Dawn il-miżuri jiżguraw biss konnettività bażika u bl-ebda mod ma jirreplikaw il-vantaġġi sinifikanti tas-sħubija tal-Ajru Uniku Ewropew. Dan huwa sakemm ir-Renju Unit jagħti drittijiet ekwivalenti lill-kumpaniji tal-ajru tal-UE, kif ukoll li jiżgura kundizzjonijiet ta' kompetizzjoni ġusta.

  • Proposta għal Regolament biex tiżgura l-forniment temporanjament (għal 12-il xahar) ta' ċerti servizzi bl-ajru bejn ir-Renju Unit u l-UE.
  • Proposta għal Regolament li testendi temporanjament (għal 9 xhur) il-validità ta' ċerti liċenzji tas-sikurezza tal-avjazzjoni.

Il-Kummissjoni adottat ukoll proposta għal Regolament li tippermetti lill-operaturi tar-Renju Unit iġġorru merkanzija lejn l-UE temporanjament (disa' xhur), sakemm ir-Renju Unit jagħti drittijiet ekwivalenti lil operaturi tat-trasport tal-merkanzija bit-triq fl-UE u soġġetti għal kundizzjonijiet ġusti tal-kompetizzjoni.

Id-dwana u l-esportazzjoni tal-merkanzija

F'xenarju fejn ma jintlaħaq l-ebda ftehim, il-leġiżlazzjoni relevanti kollha tal-UE fuq l-importazzjoni u l-esportazzjoni ta' merkanzija se tapplika għal merkanzija li tinġarr bejn l-UE u r-Renju Unit. Illum il-Kummissjoni adottat il-miżuri tekniċi li ġejjin:

  • Regolament Delegat li jinkludi l-ibħra li jiċċirkondaw ir-Renju Unit fid-dispożizzjonijiet dwar il-limiti taż-żmien li fihom dikjarazzjonijiet fil-qosor tad-dħul u d-dikjarazzjonijiet ta' qabel it-tluq għandhom jiġu ppreżentati qabel ma jħallu jew jidħlu fit-territorju doganali tal-Unjoni.
  • Proposta għal Regolament biex ir-Renju Unit jiżdied mal-lista ta' pajjiżi li għalihom hija valida awtorizzazzjoni ġenerali biex tiġi esportata merkanzija b'użu doppju madwar l-UE kollha.

Madankollu, huwa essenzjali li l-Istati Membri jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex ikunu f'pożizzjoni li japplikaw il-Kodiċi Doganali tal-Unjoni u r-regoli rilevanti dwar it-tassazzjoni indiretta fir-rigward tar-Renju Unit.

Politika tal-UE dwar il-klima

Illum il-Kummissjoni adottat l-atti li ġejjin fil-qasam tal-leġiżlazzjoni klimatika tal-UE biex jiġi żgurat li xenarju fejn ma jintlaħaq l-ebda ftehim ma jaffettwax il-funzjonament tajjeb u l-integrità ambjentali tas-Sistema għall-Iskambju ta' Kwoti tal-Emissjonijiet.

  • Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tissospendi temporanjament għar-Renju Unit l-allokazzjoni mingħajr ħlas ta' kwoti ta' emissjonijiet, l-irkantar, u l-iskambju ta' krediti internazzjonali b'effett mill-1 ta' Jannar 2019.
  • Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni li tippermetti l-allokazzjoni tal-kwota annwali xierqa lill-kumpaniji tar-Renju Unit għall-aċċess fis-suq tal-UE27 (sal-31 ta' Diċembru 2020).
  • Regolament ta' Implimentazzjoni biex jiġi żgurat li r-rapportar mill-kumpaniji jiddistingwi bejn is-suq tal-UE u s-suq tar-Renju Unit biex jippermetti allokazzjoni korretta ta' kwoti fil-ġejjieni.

 

Il-programm PEACE

Il-Kummissjoni llum tenniet l-impenn tagħha li tiżgura li l-programmi attwali bejn il-kontej tal-fruntiera tal-Irlanda u l-Irlanda ta' Fuq jistgħu jibqgħu fix-xenarji kollha. Minħabba l-importanza tiegħu, illum il-Kummissjoni għamlet proposta għal Regolament biex tkompli l-programm PEACE fl-Irlanda ta' Fuq sa tmiem l-2020, f'każ ta' xenarju fejn ma jintlaħaq l-ebda ftehim. Rigward il-perjodu ta' wara l-2020, il-Kummissjoni diġà pproponiet bħala parti mill-proposti tagħha għall-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss biex tkompli u ssaħħaħ l-appoġġ transfruntier għall-paċi u r-rikonċiljazzjoni fil-kontej tal-fruntiera tal-Irlanda u l-Irlanda ta' Fuq.

Oħrajn

Il-Kummissjoni adottat ukoll Regolament Delegat dwar l-elenkar tar-Renju Unit fi statistiki dwar il-bilanċ ta' pagamenti, il-kummerċ internazzjonali f'servizzi u investiment dirett barrani.

 

Il-passi li jmiss

Il-Kummissjoni tappella lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jiżguraw l-adozzjoni tal-atti leġislattivi proposti biex sad-29 ta' Marzu 2019 ikunu fis-seħħ. Il-Kummissjoni tenfasizza wkoll lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li huwa importanti li l-atti delegati jidħlu fis-seħħ malajr kemm jista' jkun. Għall-Atti Delegati, il-perjodu ta' skrutinju normali mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill bħala regola huwa bejn xahrejn u tliet xhur (xahrejn għar-Regolament Delegat dwar id-dikjarazzjonijiet fil-qosor u d-dikjarazzjonijiet ta' qabel it-tluq; tliet xhur għar-Regolament Delegat dwar l-elenkar tar-Renju Unit fl-istatistika tal-UE; massimu ta' tliet xhur għar-Regolamenti Delegati dwar ċertu tipi ta' kuntratti, inklużi derivattivi barra l-borża. Għal aktar informazzjoni dwar l-iskedi ta' żmien speċifiċi għall-adozzjoni ta' dawn l-atti legali, ara hawn taħt l-Anness 5. Atti delegati jistgħu jidħlu fis-seħħ aktar kmieni jekk il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jinformaw lill-Kummissjoni, qabel it-tmiem tal-perjodu ta' skrutinju, li mhux se joġġezzjonaw għall-att.

 

Sfond

Fl-14 ta' Novembru 2018, in-negozjaturi tal-Kummissjoni u tar-Renju Unit qablu dwar it-termini tal-Ftehim dwar il-Ħruġ. Fit-22 ta' Novembru 2018, il-Kummissjoni approvat il-Ftehim dwar il-Ħruġ mitmum. Fil-25 ta' Novembru 2018, il-Kunsill Ewropew (l-Artikolu 50) approva l-Ftehim dwar il-Ħruġ u stieden lill-Kummissjoni, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jieħdu l-passi meħtieġa biex jiżguraw li l-ftehim ikun jista' jidħol fis-seħħ fit-30 ta' Marzu 2019 biex jipprovdi għal ħruġ b'manjiera ordnata.

Fil-5 ta' Diċembru 2018, il-Kummissjoni adottat żewġ proposti għal Deċiżjonijiet tal-Kunsill dwar l-iffirmar u l-konklużjoni tal-Ftehim dwar il-Ħruġ. Biex il-Ftehim dwar il-Ħruġ jidħol fis-seħħ, il-Kunsill issa għandu jawtorizza l-iffirmar tat-test f'isem l-Unjoni u mbagħad il-Parlament Ewropew irid jagħti l-kunsens tiegħu qabel ma jiġu konklużi mill-Kunsill. Il-Ftehim dwar il-Ħruġ se jkollu jiġi ratifikat mir-Renju Unit, f'konformità mar-rekwiżiti kostituzzjonali tiegħu stess.

Ir-ratifika tal-Ftehim dwar il-Ħruġ tkompli tkun l-għan u l-prijorità tal-Kummissjoni. Kif enfasizzat fl-ewwel Komunikazzjoni ta' tħejjija għall-Brexit tal-Kummissjoni tad-19 ta' Lulju 2018, irrispettivament mix-xenarju previst, l-għażla tar-Renju Unit li toħroġ mill-Unjoni Ewropea se tikkawża tfixkil sinifikanti.

Għaldaqstant, jenħtieġ li l-partijiet ikkonċernati, kif ukoll l-awtoritajiet nazzjonali u tal-UE, iħejju għal żewġ xenarji prinċipali possibbli:

  • Jekk il-Ftehim dwar il-Ħruġ jiġi ratifikat qabel it-30 ta' Marzu 2019, id-dritt tal-UE ma jibqax japplika għal u fir-Renju Unit fl-1 ta' Jannar 2021, jiġifieri wara perjodu ta' tranżizzjoni ta' 21 xahar.
  • Jekk il-Ftehim dwar il-Ħruġ ma jiġix ratifikat qabel it-30 ta' Marzu 2019, mhux se jkun hemm perjodu ta' tranżizzjoni u d-dritt tal-UE ma jibqax japplika għal u fir-Renju Unit mit-30 ta' Marzu 2019. Dan huwa magħruf bħala x-xenarju tal-“ebda ftehim” jew ta' “preċipizju”.

Matul din is-sena, il-Kummissjoni ppubblikat 78 avviż ta' tħejjija speċifiċi għas-settur biex tinforma lill-pubbliku dwar il-konsegwenzi tal-ħruġ tar-Renju Unit fin-nuqqas ta' xi Ftehim dwar il-Ħruġ. Dawn huma disponibbli fil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE. Il-Kummissjoni kellha diskussjonijiet tekniċi mal-Istati Membri tal-EU27 kemm fuq kwistjonijiet ġenerali ta' tħejjija kif ukoll fuq passi ta' tħejjija settorjali, legali u amministrattivi speċifiċi. Slides użati f'dawn is-seminars tekniċi huma disponibbli online.

 

Għal aktar informazzjoni:

 

It-Test tal-Komunikazzjoni

Paġna ta' ġbir ta' testi adottati llum

Mistoqsijiet u Tweġibiet dwar il-Komunikazzjoni tal-lum

Is-sit web tal-Kummissjoni Ewropea dwar it-Tħejjija għall-Brexit (inklużi “l-avviżi ta' tħejjija għall-Brexit”)

Slides tat-tħejjija

 

 

IP/18/6851

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar