Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

EUR 405 biljun investiti fl-ekonomija reali tal-Ewropa taħt il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej

Brussell, id-19ta' dicembru 2018

Rapport ippubblikat illum juri r-riżultati ewlenin miksuba taħt il-ħames Fondi Ewropej Strutturali u ta' Investiment f'nofs il-perjodu tal-baġit tal-UE 2014-2020.

Sa Ottubru 2018, ġew impenjati kważi żewġ terzi tal-baġit tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej għall-2014-2020 għal proġetti konkreti. Sa tmiem l-2017, 1 miljun negozju, fosthom 74 000 negozju ġdid, kienu rċevew sostenn biex jespandu, jinnovaw, iniedu prodotti ġodda u joħolqu l-impjiegi. Kollox ma' kollox, intgħażlu 1.7 miljun proġett ta' investiment madwar l-Ewropa biex jirċievu sostenn mill-UE, barra minn 2.7 miljun benefiċjarju skont programmi ta' żvilupp rurali. 

Il-Viċi President Jyrki Katainen, responsabbli mill-Impjiegi, it-Tkabbir, l-Investiment u l-Kompetittività, qal: “Dan ir-rapport juri li l-Fondi Stutturali u ta' Investiment Ewropej qegħdin jgħinuna nilħqu l-għanijiet tagħna ta' tkabbir u għall-impjiegi madwar l-UE kollha f'oqsma kruċjali bħal ma huma r-riċerka u l-innovazzjoni kif ukoll fejn tidħol it-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari, b'anqas emissjonijiet ta' karbonju. Il-progress li sar juri biċ-ċar il-valur miżjud tal-fondi strutturali kemm għan-negozji kif ukoll għaċ-ċittadini.”  

Il-Kummissarju għall-Politika Reġjonali, Corina Crețu, qalet: Il-politika ta' koeżjoni qiegħda tipproduċi riżultati. Iċ-ċifri jitkellmu waħedhom: f'nofs il-perjodu baġitarju 2014-2020, l-implimentazzjoni tal-programmi għaddejja b'ritmu sostnut. Minbarra dawn in-numri impressjonanti hemm l-istejjer ta' miljuni ta' Ewropej li ħajjithom qegħdin jitjiebu bis-saħħa tal-investimenti tal-UE. Dan hu argument b'saħħtu għal Politika ta' Koeżjoni qawwija wara l-2020.” 

Madwar l-Ewropa kollha l-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej kienu ta' kontribut fl-isforzi biex jitfejqu l-ġrieħi li ħalliet warajha l-kriżi ekonomika u finanzjarja. Sa tmiem l-2017, 15.3 miljun persuna – id-doppju taċ-ċifra tas-sena l-oħra – kienu rċevew sostenn biex isibu mpjieg jew biex jiiżviluppaw ħiliet ġodda. 42.5 miljun ċittadin issa se jkollhom aċċess għal servizzi tas-saħħa aħjar. 

F'konformità mal-impenji tal-UE skont il-Ftehim ta' Pariġi, il-Fondi Strutturali u ta' Investimenti Ewropej qegħdin isostnu l-moviment lejn ekonomija b'emissjonijiet baxxi ta' karbonju; 330 000 unità domestika diġà qegħdin jibbenefikaw minn xogħlijiet ta' titjib fl-effiċjenza tal-użu tal-enerġija, iffinanzjati mill-UE, u aktar minn tliet terawatt/hours ta' enerġija, l-ekwivalenti ta' meta jinħarqu madwar 370 000 tunnellata ta' faħam, għandhom jiġu ffrankati bis-saħħa tat-titjib fl-effiċjenza tal-użu tal-enerġija, iffinanzjat mill-UE, f'bini pubbliku. 

Il-Pjattaforma ta' Data Miftuħa dwar il-Koeżjoni ġiet aġġornata llum biex tkun turi l-aktar riżultati reċenti tal-programmi tal-Fondi Struturali u ta' Investiment Ewropej. 

L-isfond 

Il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej qegħdin jinvestu EUR 647 biljun fl-UE matul il-perjodu 2014-2020, b'kontribut tal-UE ta' EUR 460 biljun. 

L-objettiv tagħhom huwa li jippromwovu konverġenza soċjoekonomika, reżiljenza u koeżjoni territorjali dejiema. Il-Fondi huma l-akbar sors ta' sostenn mill-UE lejn oqsma kruċjali li jirrekjedu l-investimenti skont il-prijoritajiet politiċi tal-Kummissjoni Juncker. 

Bis-sostenn li jagħtu lill-ħolqien tal-impjiegi u t-tkabbir, l-investiment fis-Suq Uniku Diġitali u fl-Unjoni tal-Enerġija, bit-tisħiħ tas-Suq Uniku u tal-governanza ekonomika tal-UE, dawn l-investimenti jilqgħu għall-ħtiġijiet tal-ekonomija reali u jsostnu t-tibdil strutturali u r-riformi identifikati permezz tal-proċess tas-Semestru Ewropew. 

Dan ir-rapport jipprovdi t-tielet ħarsa ġenerali annwali tal-implimentazzjoni tal-531 programm nazzjonali u reġjonali, u huwa bbażat fuq ir-rapporti tal-programmi annwali li ġew irċevuti f'nofs l-2018. 

Aktar informazzjoni 

Skeda Informattiva – il-ħidma tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej

Ir-rapport fil-qosor tal-2018 li jkopri l-implimentazzjoni tal-programmi tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej fl-2014-2017

@CorinaCretuUE @mariannethyssen @PhilHoganEU @KarmenuVella

@EUinmyRegion @EU_Social @EU_Agri @EU_Mare

 

 

 

 

IP/18/6841

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar