Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-Ftehim dwar il-prattiki kummerċjali inġusti fil-katina tal-provvista tal-ikel se jipproteġi lill-bdiewa kollha tal-UE

Brussell, id-19ta' dicembru 2018

Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni illum laħqu ftehim politiku dwar sett ġdid ta' regoli li jiżguraw il-protezzjoni tal-100 % tal-bdiewa tal-UE u ta' maġġoranza kbira ħafna ta' kumpaniji agroalimentari tal-UE kontra prattiki li jmorru kontra l-bona fede u n-negozjar ġust.

Il-liġi Ewropea l-ġdida se tkopri l-prodotti agrikoli u tal-ikel kummerċjalizzati fil-katina tal-provvista tal-ikel, u tipprojbixxi għall-ewwel darba, sa 16-il prattika kummerċjali inġusti imposti unilateralment minn sieħeb kummerċjali wieħed fuq l-ieħor. Se jkunu permessi prattiki oħra biss jekk ikunu soġġetti għal ftehim minn qabel bejn il-partijiet involuti, li jkun ċar u mhux ambigwu.

Il-Kummissjoni Ewropea kienet ressqet il-proposta leġiżlattiva tagħha f'April 2018 biex tiżgura aktar ġustizzja fil-katina tal-ikel u tipprovdi protezzjoni minima fl-UE kollha. Din hija l-ewwel darba li leġiżlazzjoni f'dan il-qasam se tiġi implimentata fil-livell tal-UE. Il-qafas il-ġdid jagħti lill-Istati Membri l-awtorità biex jinfurzaw ir-regoli l-ġodda u jimponu sanzjonijiet fil-każ ta' ksur stabbilit.

Waqt li kien qed jattendi l-laqgħa finali tan-negozjati mar-rappreżentanti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, Phil Hogan, il-Kummissarju għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali, qal: “Il-Ftehim tal-lum iwitti t-triq għall-ewwel liġi tal-UE li tipprovdi protezzjoni sinifikanti għall-bdiewa kollha tal-UE, għall-organizzazzjonijiet tagħhom kif ukoll għan-negozji żgħar u ta' klassi medja. Dawn issa se jiġu protetti kontra l-operaturi l-kbar kollha li jaġixxu b'mod inġust u ma jimxux mar-regoli. Nixtieq nesprimi l-apprezzament tiegħi lin-negozjaturi kollha involuti, li bl-approċċ kostruttiv u bix-xogħol iebes tagħhom żguraw il-ftehim politiku tal-lum. Ninsab partikolarment kuntent li intlaħaq ftehim fiż-żmien notevolment qasir ta' tmien xhur mill-preżentazzjoni tal-proposta mill-Kummissjoni.”

Il-Ftehim milħuq illum ser japplika għal kull min huwa involut fil-katina tal-provvista tal-ikel b'fatturat ta' EUR 350 miljun. Livelli differenti ta' protezzjoni qed jiġu pprovduti għal dawk b'fatturati taħt dan il-limitu. Ir-regoli l-ġodda se jkopru bejjiegħa, proċessuri tal-ikel, bejjiegħa bl-ingrossa, kooperattivi jew organizzazzjonijiet tal-produtturi, jew produttur uniku li jkunu involuti fi kwalunkwe prattika kummerċjali inġusta minn dawk identifikati.

Il-prattiki kummerċjali inġusti li għandhom jiġu pprojbiti huma: pagamenti tard għall-prodotti tal-ikel li jitħassru malajr; kanċellazzjonijiet fl-aħħar minuta; bidliet unilaterali jew retroattivi fil-kuntratti; sfurzar fuq il-fornitur biex iħallas għal prodotti moħlijin u rifjuti ta' kuntratti bil-miktub.

Prattiki oħra se jkunu permessi biss jekk ikunu soġġetti għal ftehim minn qabel, li jkun ċar u mhux ambigwu, bejn il-partijiet: xerrej irodd prodotti tal-ikel mhux mibjugħin lura lil fornitur; xerrej jitlob ħlas minn fornitur biex jiggarantixxi jew iżomm ftehim tal-provvista ta' prodotti tal-ikel; fornitur iħallas għal kampanja ta' promozzjoni, ta' reklamar jew ta' kummerċjalizzazzjoni ta' xerrej.

L-implimentazzjoni ta' dawn mhux se twassal għal prezzijiet ogħla għall-konsumaturi. Tul il-konsultazzjoni pubblika mwettqa mill-Kummissjoni qabel ma ppreżentat il-proposta, l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur ħeġġu r-regolazzjoni ta' dawn il-prattiki minħabba l-effett negattiv tagħhom fuq il-konsumaturi fit-tul.

Il-fatt li l-Istati Membri jistgħu jintroduċu limitu ogħla minn EUR 350 miljun fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom jew jieħdu miżuri ulterjuri jekk huma jkunu jixtiequ huwa element importanti ta' din id-direttiva. Il-Ftehim jinkludi wkoll klawżola ta' reviżjoni stabbilita għal 4 snin. Dan ifisser li d-dispożizzjonijiet tat-test leġiżlattiv se jkollhom jiġu evalwati u possibilment riveduti matul il-mandat parlamentari li jmiss.

L-Istati Membri se jaħtru awtoritajiet inkarigati biex jinfurzaw ir-regoli l-ġodda, inkluża l-kapaċità li jimponu multi u li jibdew investigazzjonijiet ibbażati fuq ilmenti. Il-partijiet li jippreżentaw ilment jistgħu jitolbu li tiġi rrispettata l-kunfidenzjalità, biex jilqgħu minn qabel għal xi ritaljazzjoni li tista' tinqala'. Il-Kummissjoni se twaqqaf mekkaniżmu ta' koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-infurzar biex ikun jista' jsir l-iskambju tal-aħjar prattiki.

Wara l-ftehim tal-lum, issa se ssir votazzjoni uffiċjali fil-Parlament Ewropew u fil-Kunsill sabiex it-test jiġi approvat formalment. Ladarba jiġi adottat kompletament, l-Istati Membri jkollhom jittrasponu t-test leġiżlattiv il-ġdid fil-liġi nazzjonali tagħhom.

Sfond

Il-programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni għall-2018 jgħid li “l-Kummissjoni se tipproponi miżuri li jtejbu t-tħaddim tal-katina tal-provvista tal-ikel biex tgħin lill-bdiewa jsaħħu l-pożizzjoni tagħhom fis-suq u tgħinhom ikunu protetti minn xokkijiet fil-futur” .

L-inizjattiva ssegwi r-referenzi li l-President Juncker kien għamel għall-katina tal-ikel fid-diskorsi tiegħu tal-Istat tal-Unjoni tal-2015 u l-2016, u hija risposta politika għar-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew adottata f'Ġunju 2016, li tistieden lill-Kummissjoni Ewropea tressaq proposta għal qafas fil-livell tal-UE dwar il-prattiki kummerċjali inġusti. Barra minn hekk, f'Diċembru 2016, il-Kunsill appella lill-Kummissjoni biex twettaq valutazzjoni tal-impatt bil-għan li tipproponi qafas leġiżlattiv tal-UE jew miżuri oħra mhux leġiżlattivi sabiex jiġu indirizzati l-prattiki kummerċjali inġusti.

Il-Kummissjoni ilha mill-bidu tal-mandat tagħha tħabrek favur katina tal-provvista tal-ikel iktar ġusta u iktar ibbilanċjata. Fl-2016, il-Kummissjoni waqqfet it-Task Force għas-Swieq Agrikoli (AMTF) sabiex tivvaluta r-rwol tal-bdiewa fil-katina tal-provvista tal-ikel b'mod wiesa', u sabiex toħroġ rakkomandazzjonijiet dwar kif dak ir-rwol jista' jissaħħaħ. Fuq il-bażi ta' dawn ir-rakkomandazzjonijiet, il-Kummissjoni nediet va­lutazzjoni tal-impatt tal-bidu u konsultazzjoni pubblika dwar it-titjib tal-katina tal-provvista tal-ikel fl-2017, li mbagħad għenet biex jiġu identifikati l-prattiki kummerċjali inġusti speċifiċi li l-operaturi spiss jikkunsidraw li jkunu esposti għalihom.

Stħarriġ reċenti fl-UE li ġie ppubblikat f'Frar 2018 juri li maġġoranza kbira ta' dawk li wieġbu (88 %) iqisu li huwa importanti li jissaħħaħ ir-rwol tal-bdiewa fil-katina tal-provvista tal-ikel. Is-96 % ta' dawk li wieġbu għall-konsultazzjoni pubblika tal-2017 dwar il-modernizzazzjoni tal-PAK qablu mal-proposta li t-titjib tal-pożizzjoni tal-bdiewa fil-katina tal-valur, inkluż billi jiġu indirizzati l-UTPs, jenħtieġ li jkun għan tal-Politika Agrikola Komuni tal-UE.

 

Għal Aktar Informazzjoni

Azzjoni mill-Kummissjoni Ewropea biex tipprojbixxi l-prattiki kummerċjali inġusti fil-katina tal-provvista tal-ikel

Proposta tal-Kummissjoni kontra l-prattiki kummerċjali inġusti fil-katina tal-provvista tal-ikel

MEMO: Niġġieldu l-prattiki kummerċjali inġusti fil-katina tal-provvista tal-ikel

IP/18/6790

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar