Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

rescEU: Commission welcomes provisional agreement to strengthen EU civil protection*

Brussell, it-12ta' dicembru 2018

Illum il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ħadu passi importanti lejn ftehim politiku dwar rescEU, il-pjan biex jissaħħaħ ir-rispons tal-protezzjoni ċivili tal-UE għad-diżastri.

Id-diżastri naturali multipli affettwaw il-partijiet kollha tal-UE f'dawn l-aħħar snin, u kkawżaw mijiet ta' vittmi u għamlu biljuni ta' ewro fi ħsara lill-infrastruttura. Biex iċ-ċittadini jkunu protetti aħjar, rescEU se jsaħħaħ il-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili eżistenti. B'mod partikolari, se tiġi stabbilita riżerva Ewropea ġdida ta' kapaċitajiet, inklużi ajruplani tat-tifi tan-nar fil-foresti, pompi tal-ilma speċjali, tiftix u salvataġġ urban u sptarijiet fuq il-post u timijiet mediċi ta' emerġenza.

F'din l-okkażjoni, il-President Jean-Claude Juncker qal: “Ewropa li tipproteġi liċ-ċittadini għandha tkun disponibbli fil-bżonn. Meta jkun hemm nirien ta' foresti perikolużi jew għargħar li jegħleb ir-rispons nazzjonali, iċ-ċittadini tagħna jridu azzjoni u mhux kliem. rescEU se tiżgura solidarjetà konkreta mal-Istati Membri tagħna milquta minn diżastri.”

Il-Kummissarju għall-Għajnuna Umanitarja u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet Christos Stylianides qal: “Id-diżastri naturali ma jagħrfux fruntieri u t-tibdil fil-klima qed iżid ir-riskju u l-impatt tagħhom. B'rescEU l-Mekkaniżmu attwali għall-Protezzjoni Ċivili se jittieħed għal-livell li jmiss. L-iżvilupp pożittiv tal-lum juri li meta jkun hemm ir-rieda, tinstab is-soluzzjoni. Nirringrazzja lill-Parlament Ewropew, b'mod partikolari lir-rapporteur Elisabetta Gardini MEP u Jose-Manuel Fernandes MEP li fassal l-abbozz tal-baġit kif ukoll lill-Presidenza Awstrijaka għalt-tmexxija tagħha. Permezz tal-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili mtejjeb se jkun hemm aktar kapaċitajiet, koordinazzjoni aħjar bejn l-Istati Membri u fuq kollox solidarjetà aktar effettiva għaċ-ċittadini tagħna. Din hija soluzzjoni Ewropea għal sfida Ewropea.”

It-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta' reazzjoni Ewropej

L-UE se ssaħħaħ il-kapaċitajiet ta' reazzjoni tagħha permezz tal-miżuri li ġejjin:

  • Tistabbilixxi, flimkien mal-Istati Membri, riżerva Ewropea komuni ta' ħiliet għal rispons għad-diżastri. Dawn il-kapaċitajiet jinkludu ajruplani tat-tifi tan-nar, kif ukoll mezzi oħra biex jirrispondu għal sitwazzjonijiet bħal emerġenzi mediċi jew inċidenti kimiċi bijoloġiċi radjoloġiċi u nukleari;
  • Il-kofinanzjament tal-ispejjeż operattivi tal-kapaċitajiet tar-rescEU meta jintużaw għall-operazzjonijiet tal-Mekkaniżmu ta' Protezzjoni Ċivili tal-UE;
  • Il-kofinanzjament tal-iżvilupp tal-kapaċitajiet tar-rescEU;
  • Żieda fl-appoġġ finanzjarju għall-kapaċitajiet irreġistrati fir-Riżerva Ewropea ta' Protezzjoni Ċivili, inkluż għall-adattament, it-tiswija, l-ispejjeż operattivi (fl-UE) u l-ispejjeż tat-trasport (barra l-UE).

Jiġu intensifikati l-prevenzjoni u t-tħejjija għad-diżastri

L-UE se żżid l-appoġġ tagħha għall-Istati Membri biex itejbu l-ġestjoni tar-riskju ta' diżastru tagħhom:

  • Tistabbilixxi qafas ta' rappurtar simplifikat, li jiffoka fuq ir-riskji ewlenin ta' natura transfruntiera u r-riskji ta' probabbiltà baxxa b'impatt għoli;
  • Tipprovdi appoġġ lill-Istati Membri biex iżidu l-miżuri eżistenti tagħhom permezz ta' mekkaniżmu ta' konsultazzjoni u, l-iskjerament ta' missjonijiet ta' esperti u rakkomandazzjonijiet ta' segwitu;
  • Tikkondividi l-għarfien u l-lezzjonijiet permezz ta' Netwerk ġdid tal-UE ta' Għarfien dwar il-Protezzjoni Ċivili.

Il-passi li jmiss: Wara l-ftehim politiku tal-lum, jenħteiġ li rescEU tiġi approvata formalment mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill tal-UE.

Sfond

Għaliex neħtieġu rescEU? Il-Mekkaniżmu tal-Protezzjoni Ċivili tal-UE bħalissa huwa bbażat fuq sistema volontarja, li permezz tagħha l-UE tikkoordina l-kontribuzzjonijiet volontarji tal-Istati parteċipanti lil pajjiż li jkun talab l-assistenza. L-offerti ta' assistenza huma kkoordinati fiċ-Ċentru Ewropew ta' Koordinazzjoni għal Rispons ta' Emerġenza, ibbażat fi Brussell. F'dawn l-aħħar snin, kundizzjonijiet estremi tat-temp u fenomeni oħra kienu ta' sfida kbira għall-kapaċità tal-Istati Membri biex jgħinu lil xulxin, speċjalment meta diversi Stati Membri kellhom jiffaċċjaw l-istess tip ta' diżastru fl-istess ħin. F'tali każijiet fejn hemm ftit jew ma hemm l-ebda disponibbiltà ta' assi, l-UE ma għandhiex kapaċità biex tassisti lill-Istati Membri f'diffikultà. Barra minn hekk, ix-xenarju tar-riskji emerġenti joħloq il-ħtieġa li wieħed jirrifletti b'mod kollettiv fuq il-kapaċitajiet meħtieġa biex jiġu ffaċċjati r-riskji ta' probabbiltà baxxa iżda b'impatt għoli, li bħalissa huwa nieqes fl-Istati Membri.

L-Unjoni Ewropea ffaċċjat għadd kbir ta' diżastri bit-telf ta' ħajjiet u konsegwenzi oħrajn ta' ħsara għaċ-ċittadini, in-negozji, il-komunitajiet u l-ambjent. Fl-2017 biss, fl-Ewropa tilfu ħajjithom 200 ruħ kawża ta' diżastri naturali. L-ispejjeż ekonomiċi huma enormi wkoll: fl-2016 ġew irreġistrati kważi EUR 10 biljun f'danni fil-kontinent Ewropew.

 

* Updated on 12/12/2018 at 18:10

IP/18/6766

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar