Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

In-negozjaturi tal-UE jaqblu dwar it-tisħiħ taċ-ċibersigurtà tal-Ewropa

Brussell, I-10ta' dicembru 2018

.

Illejla, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni Ewropea laħqu ftehim politiku dwar l-Att dwar iċ-Ċibersigurtà, li jsaħħaħ il-mandat tal-Aġenzija tal-UE għaċ-Ċibersigurtà (l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni, ENISA) sabiex tirfed aħjar lill-Istati Membri huma u jindirizzaw it-theddid u l-attakki ċibernetiċi. L-Att jistabbilixxi wkoll qafas tal-UE għaċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà, biex ikabbar iċ-ċibersigurtà tas-servizzi fuq l-internet u tal-apparati tal-konsumaturi.

Il-Viċi-President Andrus Ansip, responsabbli mis-Suq Uniku Diġitali, stqarr: “Fl-ambjent diġitali, hemm bżonn li n-nies u l-kumpaniji jħossuhom protetti; hekk biss jistgħu jgawdu bis-sħiħ mill-ekonomija diġitali tal-Ewropa. Il-fiduċja u s-sigurtà huma essenzjali biex jaħdem sew is-Suq Uniku Diġitali tagħna. Il-ftehim tal-lejla dwar iċ-ċertifikazzjoni komprensiva għal prodotti taċ-ċibersigurtà, u dwar Aġenzija msaħħa tal-UE għaċ-Ċibersigurtà, huwa pass ieħor 'il quddiem lejn it-tlestija tas-Suq Uniku Diġitali.”

Il-Kummissarju Mariya Gabriel, responsabbli mill-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali, żiedet tgħid: "It-titjib taċ-ċibersigurtà tal-Ewropea, u ż-żieda fil-fiduċja taċ-ċittadini u tan-negozji fis-soċjetà diġitali, huma prijorità ewlenija għall-Unjoni Ewropea. Inċidenti serji bħal ta' Wannacry u NotPetya servew biex iġibuna insè, billi wrewna biċ-ċar il-konsegwenzi potenzjali ta' attakki ċibernetiċi fuq skala kbira. F'dan il-kuntest, nemmen bis-sħiħ li l-ftehim tal-lejla jtejjeb is-sigurtà ġenerali tal-Unjoni tagħna, filwaqt li jappoġġa l-kompetittività tan-negozji."

L-Att dwar iċ-Ċibersigurtà, li kien ġie propost fl-2017 bħala parti minn sett wiesa' ta' miżuri biex jindirizzaw iċ-ċiberattakki u biex jibnu ċibersigurtà qawwija fl-UE, jinkludi:

  • Mandat permanenti għall-Aġenzija tal-UE għaċ-Ċibersigurtà, ENISA, li jieħu post il-mandat limitat li kien se jiskadi fl-2020; kif ukoll l-allokazzjoni ta' aktar riżorsi lill-aġenzija biex tkun tista' tilħaq il-miri tagħha; u
  • bażi iktar soda għall-ENISA fil-qafas il-ġdid taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà, sabiex tgħin lill-Istati Membri jwieġbu b'mod effettiv għaċ-ċiberattakki, kif ukoll bi rwol ikbar fil-kooperazzjoni u fil-koordinazzjoni fil-livell tal-Unjoni.

Barra minn hekk, l-ENISA se tgħin biex jiżdiedu l-kapaċitajiet taċ-ċibersigurtà fil-livell tal-UE, u se tappoġġa l-bini ta' kapaċitajiet u preparatezza. Fl-aħħar nett, l-ENISA se tkun ċentru indipendenti ta' kompetenza esperta li se tgħin biex tippromwovi livell għoli ta' sensibilizzazzjoni taċ-ċittadini u tan-negozji, iżda fl-istess ħin se tgħin ukoll lill-Istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri fl-iżvilupp u fl-implimentazzjoni tal-politiki tagħhom.

L-Att dwar iċ-Ċibersigurtà joħloq ukoll qafas għaċ-Ċertifikati Ewropej taċ-Ċibersigurtà għall-prodotti, għall-proċessi u għas-servizzi, li se jkun validu mal-UE kollha. Dan huwa żvilupp li jiftaħ bibien ġodda, peress li hija l-ewwel liġi tas-suq intern li taqbad minn qrunha l-isfida li tissaħħaħ is-sigurtà tal-prodotti konnessi, tal-apparati tal-Internet tal-Oġġetti, kif ukoll ta' infrastruttura kritika permezz ta' ċertifikati bħal dawn. Il-ħolqien ta' dan il-qafas ta' ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà jħaddan fih elementi ta' sigurtà fl-istadji bikrija tad-disinn u l-iżvilupp tekniku tagħhom (is-sigurtà sa mill-ippjanar). Jippermetti wkoll lill-utenti jaċċertaw il-livell ta' garanzija ta' sigurtà, u jiżgura li dawn l-elementi ta' sigurtà jiġu vverifikati b'mod indipendenti.

Benefiċċji għaċ-ċittadini u għan-negozji

Ir-regoli l-ġodda se jgħinu lin-nies jafdaw l-apparat li jużaw ta' kuljum, billi jkunu jistgħu jagħżlu fost prodotti varji, bħal apparat tal-Internet tal-Oġġetti, li jkunu ċibersiguri.

Il-qafas ta' ċertifikazzjoni se jkun punt uniku ta' servizz għaċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà, u b'hekk se jwassal għal iffrankar sostanzjali fil-kostijiet għall-intrapriżi, partikularment l-SMEs li, mingħajr tali punt uniku ta' servizz, kien ikollhom japplikaw għal għadd ta' ċertifikati f'pajjiżi differenti. Ċertifikazzjoni waħdanija se tneħħi wkoll il-xkiel potenzjali għall-aċċess għas-suq. Barra minn hekk, il-kumpaniji huma mħeġġa biex jinvestu fiċ-ċibersigurtà tal-prodotti tagħhom bħala punt ta' vantaġġ kompetittiv.

Il-passi li jmiss

Wara l-ftehim politiku tal-lejla, ir-regolament il-ġdid se jkollu jiġi approvat formalment mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill tal-UE. Wara dan jiġi ppubblikat f'Il-Ġurnal uffiċjali tal-UE, u jidħol fis-seħħ uffiċjalment minnufih. B'hekk se jwitti t-triq għall-ħolqien ta' skemi ta' ċertifikazzjoni Ewropea, kif ukoll sabiex l-Aġenzija tal-UE għaċ-Ċibersigurtà, ENISA, tibda taħdem abbażi ta' dan il-mandat iffokalizzat u permanenti.

Sfond

L-Att dwar iċ-Ċibersigurtà ġie propost bħala parti mill-pakkett taċ-Ċibersigurtà adottat fit-13 ta' Settembru 2017, kif ukoll bħala waħda mill-prijoritajiet tal-istrateġija dwar is-Suq Uniku Diġitali. Sena wara (f'Settembru 2018), sabiex tlaħħaq mal-evoluzzjoni bla heda tat-theddid ċibernetiku, il-Kummissjoni pproponiet ukoll li toħloq Ċentru Ewropew taċ-Ċibersigurtà Industrijali, Teknoloġika u ta' Riċerka, kif ukoll netwerk ta' Ċentri ta' Kompetenza taċ-Ċibersigurtà sabiex jimmiraw aħjar u jikkoordinaw il-fondi disponibbli għall-kooperazzjoni, għar-riċerka u għall-innovazzjoni fil-qasam taċ-ċibersigurtà. Iċ-Ċentru Ewropew ta' Kompetenza taċ-Ċibersigurtà propost se jiġġestixxi sostenn finanzjarju marbut maċ-ċibersigurtà, mill-baġit tal-UE, u se jiffaċilita l-investiment konġunt mill-Unjoni, mill-Istati Membri u mill-industrija sabiex isaħħaħ l-industrija taċ-ċibersigurtà tal-UE u jiżgura li s-sistemi tad-difiża tagħna jkunu tal-iktar teknoloġija riċenti.

 

Għal aktar tagħrif

Stqarrija għall-Istampa - L-Istat tal-Unjoni 2017 - Ċibersigurtà: Il-Kummissjoni żżid ir-rispons tal-UE għall-attakki ċibernetiċi

Skeda informattiva dwar il-pakkett dwar iċ-Ċibersigurtà

Skeda informattiva dwar l-ENISA u l-qafas tal-UE għaċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà

Id-dokumenti kollha marbutin mal-pakkett

IP/18/6759

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar