Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-Kummissjoni tirrapporta dwar il-progress taħt l-impenji globali għal żvilupp urban sostenibbli

Brussell, id-9ta' frar 2018

Illum fil-Forum Urban Dinji fil-Malasja, il-Kummissjoni tagħti rendikont ta' dak li nkiseb taħt tliet impenji mressqa mill-UE u l-imsieħba tagħha 15-il xahar ilu.

Sar progress sinifikanti taħt it-tliet impenji minn meta dawn ġew ippreżentati waqt il-konferenza tan-NU Habitat III f'Ottubru tal-2016, biex tiġi sfruttata l-qawwa tal-urbanizzazzjoni rapida. Il-Kooperazzjoni bejn l-ibliet issa qed tiffjorixxi madwar il-kontinenti u ttieħdu passi importanti lejn definizzjoni unika tal-ibliet fuq livell globali u l-UE qiegħda turi lid-dinja t-triq lejn l-iżvilupp urban sostenibbli bl-implimentazzjoni kontinwa tal-Aġenda Urbana għall-UE.

Meta tkellmet fil-Forum Urban Dinji fil-Malasja, il-Kummissarju għall-Politika Reġjonali Corina Creţu qalet: Bħalma qed tagħmel fil-ġlieda kontra l-bidla fil-klima, l-UE lesta li tkun fuq quddiem għal bliet nodfa, sikuri u prosperi madwar id-dinja. L-Ewropa u s-sħab tagħha qed jaħdmu tajjeb fuq dawn it-tliet impenji konkreti, li jikkontribwixxu fil-formazzjoni tal-ibliet ta' għada.”

It-tliet impenji jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-Aġenda tal-2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-Ftehim ta' Pariġi. Dawn huma parti mill-Aġenda Urbana Ġdida, ippreżentata wkoll 15-il xahar ilu. Kull wieħed minn dawn l-impenji għandu skop, kisbiet u riżultati mistennija speċifiċi. Dan huwa dak li nkiseb minn tmiem l-2016:

Impenn biex titwassal Aġenda Urbana Ġdida permezz tal-Aġenda Urbana għall-UE

3 pjanijiet ta' azzjoni minn 12 diġà tfasslu skont l-Aġenda Urbana għall-UE, dwar il-faqar urban, l-integrazzjoni tal-migranti u l-kwalità tal-arja. Dawn jinkludu rakkomandazzjonijiet ta' politika, prattiki tajba u proġetti li għandhom jiġu replikati madwar l-UE u fid-dinja. Il-pjanijiet ta' azzjoni kollha huma mistennija li jitlestew sa tmiem l-2018.

Lil hinn mill-pjanijiet ta' azzjoni tematiċi, l-istess metodoloġija tal-Aġenda Urbana għall-UE tista' tispira riformi fil-mod kif l-ibliet huma ggvernati madwar id-dinja; iġġib fl-istess livell l-ibliet, in-negozji, l-NGOs u rappreżentanti mill-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE, għal approċċ integrat u bbilanċjat għal żvilupp urban sostenibbli.

Impenn lejn l-iżvilupp ta' definizzjoni globali u armonizzata ta' bliet

Biex jiġi ffaċilitat il-monitoraġġ, il-valutazzjoni komparattiva u eventwalment it-tfassil ta' politika, huwa importanti li tintuża l-istess definizzjoni ta' bliet globalment. L-UE ilha taħdem fuq definizzjoni bħal din, li se tiġi ppreżentata lin-NU f'Marzu 2019, fi sħubija mal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti (FAO), l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku (l-OECD) u l-Bank Dinji.http://www.oecd.org/

S'issa, il-Kummissjoni ġabret stimi tal-livell ta' urbanizzazzjoni ta' kull pajjiż fid-dinja, u pprovdiet aċċess liberu għal din id-dejta biex jiġi ffaċilitat it-tqabbil mad-definizzjonijiet nazzjonali. Fl-okkażjoni tal-Forum Urban Dinji, il-Kummissjoni qed tippubblika id-database ta' ċentri ta' bliet globali permezz iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka; li fih dejta għall-10,000 ċentru urban imxerrda madwar id-dinja. Din hija l-akbar u l-aktar dejta komprensiva fuq l-ibliet li qatt ġiet ippubblikata.

L-istħarriġ bħalissa qiegħed jitwettaq f'20 pajjiż biex jinġabar feedback dwar id-definizzjoni globali. Bħalissa hemm għaddejjin proġetti pilota fi 12-il pajjiż biex titqabbel id-definizzjoni globali ma' dawk nazzjonali u jiġu vvalutati d-differenzi. Matul l-2018, il-Kummissjoni u l-imsieħba tagħha ser jaħdmu fuq għodda online bla ħlas biex jgħinu lill-pajjiżi jittestjaw din id-definizzjoni fit-territorji tagħhom.

Impenn biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-ibliet fil-qasam tal-iżvilupp urban sostenibbli [1]

Il-Kooperazzjoni Urbana Internazzjonali (IUC) tal-UE tnediet fl-2016 biex tappoġġja dan l-impenn u tiżviluppa kooperazzjoni bejn il-bliet madwar id-dinja.

Bħalissa hemm 35 pari taħt il-programm, li jinvolvi 70 belt (35 fl-UE u 35 barra mill-UE). Dawn jinkludu Frankfurt (il-Ġermanja) u Yokahama (il-Ġappun); Bologna (l-Italja) u Austin (l-Istati Uniti tal-Amerika) u Almada (il-Portugall) u Belo Horizonte (il-Brażil). Is-sħubijiet kollha qed jaħdmu fuq pjanijiet ta' azzjoni lokali dwar il-prijoritajiet urbani konġunti, bħal pereżempju l-aċċess għall-ilma, it-trasport jew is-saħħa, l-iskambju tal-għarfien u l-aħjar prattiki biex jilħqu għanijiet komuni.

Saret tnedija ġdida fil-Forum Urban Dinji għall-ħolqien ta' minn tal-inqas 25 ġemellaġġ ġdid; l-ibliet jistgħu japplikaw online sad-9 ta' Marzu.

Aktar informazzjoni:

Il-Forum Dinji Urban

Il-Konferenza Habitat III

Il-Politika Urbana tal-UE

Il-Pjattaforma tad-Dejta Urbana taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka

Id-Dashboard Territorjali taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka

 

 

[1] L-ambitu tal-impenn jinkludi bliet fl-Arġentina, il-Brażil, iċ-Ċile, il-Kolumbja, il-Messiku, il-Perù, il-Kanada, iċ-Ċina, l-Indja, il-Ġappun, l-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea.

IP/18/662

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar