Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Ġestjoni tal-Migrazzjoni: Il-Kummissjoni tappella għat-tmiem tat-tkaxkir tas-saqajn fuq ir-riforma tal-ażil.

Brussell, I-4ta' dicembru 2018

Qabel il-Kunsill Ewropew ta' Diċembru, il-Kummissjoni qed tappella lill-Istati Membri u lill-Parlament Ewropew biex jikkonsolidaw il-progress sinifikanti li jkun sar billi jiġu adottati l-proposti pendenti tar-riforma.

L-approċċ komprensiv tal-UE dwar il-migrazzjoni qed jipproduċi riżultati tajbin fuq kull front: kooperazzjoni aktar profonda ma' pajjiżi msieħba; fruntieri esterni protetti aħjar; u għodod aktar effettivi għall-ġestjoni tal-migrazzjoni fl-UE. B'wasliet irregolari li laħqu livelli ta' qabel il-kriżi, issa huwa ż-żmien li jiġu indirizzati n-nuqqasijiet li għad fadal. Jeħtieġ li tkompli l-ħidma fil-livell operazzjonali, kemm esternament kif ukoll internament, u l-Istati Membri u l-Parlament Ewropew jenħtieġ li jlestu malajr ir-riforma tal-ażil tal-UE u b'mod partikolari jadottaw il-ħames (5) proposti fejn hemm qbil politiku wiesa' qabel l-elezzjonijiet Parlamentari Ewropea tas-sena d-dieħla.

L-Ewwel Viċi President, Frans Timmermans qal: “L-approċċ komprensiv tal-Unjoni għall-ġestjoni tal-migrazzjoni qed jagħti riżultati tanġibbli. Wara erba' snin, issa huwa essenzjali li jiġi kkonsolidat dan l-approċċ komprensiv billi wieħed jaqleb minn reazzjonijiet ad hoc b'mod reattiv għat-tlestija tar-riformi tas-sistema tal-ażil u l-migrazzjoni sostenibbli għall-futur. Dan jista' u jenħtieġ li jsir ħafna qabel l-elezzjonijiet parlamentari Ewropej fl-interess tal-Istati Membri kollha.”

Ir-Rappreżentant Għoli / Viċi President Federica Mogherini qalet: “L-UE fil-politiki esterni dwar il-migrazzjoni qed jiksbu riżultati. Permezz tas-sħubiji tagħna, għenna aktar minn 34,000 ruħ biex jirritornaw volontarjament lejn darhom, b'assistenza għar-riintegrazzjoni, u evakwajna aktar minn 2,000 rifuġjat mil-Libja għal aktar risistemazzjoni. Se nkomplu naħdmu biex nipproteġu l-migranti maqbuda, biex inġibu fi tmiemha s-sistema ta' detenzjoni fil-Libja flimkien man-Nazzjonijiet Uniti u l-Unjoni Afrikana. Qed insaħħu l-kooperazzjoni tul il-Mediterran tal-Punent, fis-Saħel u fil-Qarn tal-Afrika biex inrażżnu l-kuntrabandu, jiġu indirizzati l-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni u nipprovdu rotot legali. Permezz ta' sħubijiet, qed nuru li l-ġestjoni tal-migrazzjoni b'mod uman hija possibbli, flimkien.

Il-Kummissarju għall-Migrazzjoni, l-Affarijiet Interni, u ċ-Ċittadinanza Dimitris Avramopoulos qal: “Erba' (4) snin wara, ninsabu attrezzati aħjar minn qatt qabel biex nipproteġu l-fruntieri esterni tagħna u nindirizzaw l-isfidi migratorji kemm fl-UE kif ukoll barra minnha. Wasal iż-żmien li nikkonsolidaw il-pedamenti li fadal għall-bini ta' approċċ komprensiv dwar sistema tal-migrazzjoni, il-fruntieri u l-ażil għal medda twila ta' żmien. Il-kuntest ġeopolitiku li jevolvi b'mod kostanti jurina li ma nistgħux nistennew li nirreaġixxu, iżda li għandna nkunu lesti għall-ġejjieni minn issa diġà.”

Għal aktar minn darba, l-UE wriet li kapaċi tilqa' l-isfidi l-ġodda tal-migrazzjoni hekk kif jinqalgħu. Ir-rapport tal-lum iħares lejn kif l-UE qed taħdem biex tiġġestixxi l-migrazzjoni fl-aspetti kollha tagħha — minn azzjoni esterna għall-ġestjoni tal-fruntieri għal miżuri interni:

Id-Dimensjoni Esterna: Sħubijiet li jipproduċu r-riżultati

Permezz ta' approċċ integrat, “mill-bidu sat-tmiem”, sar progress kbir mill-UE u l-Istati Membri tagħha fil-prevenzjoni tal-migrazzjoni irregolari u l-ġlieda kontra l-kutrabandu tal-migranti. Tul ir-Rotta tal-Lvant tal-Mediterran, il-wasliet naqsu b'97 % wara d-Dikjarazzjoni tal-UE-Turkija u llum għadhom 90 % anqas mill-ogħla livell fl-2015. Tul ir-rotta tal-Mediterran Ċentrali (ara l-iSkeda Informattiva), il-flussi irregolari naqsu bi 80 %. Kważi 34,000 persuna rċevew assistenza biex b'mod volontarju jirritornaw lejn pajjiżhom mil-Libja u min-Niġer, filwaqt li aktar minn 2,000 persuna ġew evakwati mil-Libja fid-dawl ta' risistemazzjoni ulterjuri. Sabiex titjieb il-kooperazzjoni dwar ir-ritorn u r-riammissjoni, ġew miftiehma sitt (6) arranġamenti ġodda mill-2016 (mal-Afganistan, il-Ginea, il-Bangladexx, l-Etjopja, il-Gambja, il-Kosta tal-Avorju), biex b'hekk in-numru totali tela' għal 23. B'mod parallel, qed isir xogħol biex jiġu żgurati mogħdijiet legali u għaddejja r-risistemazzjoni b'aktar minn 44,000 persuna risistemata skont l-iskemi tal-UE mill-2015. Qed isir progress fil-ġlieda kontra n-netwerks tal-kuntrabandu, bil-EUNAVFOR Med Operation Sophia mill-2015 qabdet 151 kuntrabandist suspettat u l-azzjonijiet tal-Iskwadra ta' Investigazzjoni Konġunta fin-Niġer irriżultaw f'221 arrest. Biex jiġu indirizzati l-kawżi mill-għeruq, iddaħħlu fis-seħħ strumenti ta' finanzjament innovattiv, b'aktar minn EUR 4 biljun mobilizzati permezz tal-Fond Fiduċjarju tal-UE għall-Afrika, u 12-il għodda ta' garanzija b'valur ta' EUR 800 miljun adottati bil-Pjan ta' Investiment Estern. Hekk kif nimxu 'l quddiem l-istess approċċ integrat se jiġi applikati fil-Mediterran tal-Punent (ara l-Iskeda Informattiva) fejn il-flussi kienu qed jiżdiedu; il-ħidma matul il-Mediterran Ċentrali se tiġi kkonsolidata u jiġu intensifikati l-isforzi biex jiġu konklużi n-negozjati ta' riammissjoni li għaddejjin bħalissa u jsir użu aħjar mill-arranġamenti eżistenti.

Ġestjoni aktar b'saħħitha tal-fruntieri

L-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta tinsab fil-qalba tal-ħidma tal-UE biex tappoġġa lill-Istati Membri fil-protezzjoni tal-fruntieri esterni. F'Settembru, il-Kummissjoni pproponiet li tkompli ssaħħaħ il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u tgħammar lill-Aġenzija b'korp permanenti ta' 10,000 gwardja tal-fruntiera (ara l-Iskeda Informattiva) biex tiżgura li l-Istati Membri jkunu jistgħu jiddependu dejjem fuq appoġġ operattiv sħiħ mill-UE. Il-Kummissjoni qed titlob lill-Parlament Ewropew u lill-Istati Membri biex jadottaw ir-riforma qabel l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew is-sena d-dieħla. Barra minn hekk, il-ħidma tal-UE biex tistabbilixxi sistemi ġodda, interoperabbli ta' skambju ta' informazzjoni dwar il-fruntieri u dwar is-sigurtà qed tibda tagħti l-frott. Bħalissa qed jiġu ffinalizzati għadd ta' miżuri, inkluża s-Sistema Ewropea ta' Informazzjoni u ta' Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (European Travel Authorisation and Information System, ETIAS), titjib fis-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viża (Visa Information System, VIS) u fis-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen (SIS) u t-twaqqif ta' Sistema ta' Dħul u Ħruġ għal ċittadini mhux tal-UE. Fid-dawl tal-isforzi li saru biex tittejjeb il-ġestjoni tal-fruntieri esterni u t-tnaqqis ta' wasliet li rriżulta, il-Kummissjoni temmen li wasal iż-żmien biex jitneħħew il-kontrolli temporanji fil-fruntieri interni ta' Schengen implimentati minn xi Stati Membri sa mill-2015. Ċifri ġodda (ara l-Iskeda Informattiva) li ġew ippubblikati llum jikkonfermaw li ż-żona Schengen qed tkompli tikseb appoġġ pubbliku b'saħħtu u hija meqjusa mill-Ewropej bħala waħda mill-akbar kisbiet tal-UE.

Miżuri Interni: It-tlestija tar-riforma tar-regoli tal-ażil tal-UE

Filwaqt li għad hemm bżonn ta' kompromess dwar xi elementi tar-riforma tal-UE dwar l-ażil, sar progress sinifikanti b'mod ġenerali, fuq ħames proposti minn seba' li kienu saru oriġinarjament mill-Kummissjoni li huma lesti għall-adozzjoni (ir-Regolament dwar il-Kwalifika, id-Direttiva dwar il-Kundizzjonijiet ta' Akkoljenza, ir-Regolament dwar l-Aġenzija Ewropea għall-Ażil, ir-Regolament Eurodac, ir-Regolament Qafas ta' Risistemazzjoni tal-Unjoni). Minkejja li huma parti minn riforma iktar wiesa', kull proposta individwali għandha valur miżjud ċar meta titqies għal rasha u l-adozzjoni rapida ta' kull waħda tagħmel id-differenza fil-prattika. Rigward ir-Regolament dwar il-Proċeduri tal-Ażil, il-Kunsill jenħtieġ li jadotta l-pożizzjoni ta' negozjar tiegħu sa tmiem is-sena u jibda negozjati mal-Parlament Ewropew. It-triq 'il quddiem trid tinsab ukoll fir-Regolament ta' Dublin, element indispensabbli ta' sistema ta' ażil li tibqa' valida fil-futur. Il-Kummissjoni hija impenjata li taħdem lejn kompromess li jiżgura solidarjetà sħiħa u appoġġ għall-Istati Membri taħt pressjoni filwaqt li jiġu evitati movimenti sekondarji u abbuż tas-sistema. Fuq il-bażi tal-esperjenza miksuba b'soluzzjonijiet ad hoc matul is-sajf, jistgħu jitwaqqfu minn issa arranġamenti temporanji li jantiċipaw l-elementi ewlenin tar-Regolament futur ta' Dublin, biex iservu ta' pont sakemm ir-regolament ta' Dublin il-ġdid jidħol fis-seħħ.

Sfond

Fit-13 ta' Mejju 2015, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet strateġija estensiva, permezz tal-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni, biex jiġu indirizzati l-isfidi immedjati tal-kriżi li għaddejja, kif ukoll biex l-UE tiġi attrezzata bl-għodda biex tiġġestixxi aħjar il-migrazzjoni f'perjodu medju u fit-tul fl-oqsma tal-migrazzjoni irregolari, tal-fruntieri, tal-ażil u tal-migrazzjoni legali.

Il-Komunikazzjoni tal-lum tippreżenta l-iżviluppi minn Mejju 2015 u tirrapporta dwar il-progress li sar bl-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni u fil-pjan direzzjonali politiku tal-Kummissjoni lejn ftehim komprensiv dwar il-migrazzjoni ppreżentat f'Diċembru 2017

Għal Aktar Informazzjoni

Komunikazzjoni: Il-Ġestjoni tal-Migrazzjoni fl-aspetti kollha tagħha

Anness

L-Ewrobarometru dwar Schengen

Il-MEMO: Il-Patt Globali dwar il-Migrazzjoni — Mistoqsijiet u Tweġibiet

Skedi informattivi:

Ir-rotta tal-Mediterran tal-Punent

Ir-Rotta tal-Mediterran Ċentrali

Ir-riforma tas-Sistema Komuni Ewropea tal-Ażil

 

IP/18/6627

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar