Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Is-Suq Uniku Diġitali: In-negozjaturi tal-UE jaqblu li jiffaċilitaw l-aċċess għall-kontenut tat-televiżjoni u tar-radju online bejn il-fruntieri

Brussell, it-13ta' dicembru 2018

In-negozjaturi tal-Kummissjoni Ewropea, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill illum għamlu avvanz importanti fir-rigward ta' ftehim politiku dwar il-leġiżlazzjoni proposta dwar id-drittijiet tal-awtur tal-programmi tat-televiżjoni u tar-radju.

Ir-regoli l-ġodda se jagħmluha aktar faċli għax-xandara Ewropej li ċerti programmi jagħmluhom disponibbli bi trażmissjoni diretta fuq l-istazzjonijiet tat-televiżjoni tagħhom jew permezz ta' servizzi ta' ripetizzjoni online, u se jissimplifikaw id-distribuzzjoni ta' aktar stazzjonijiet tat-televiżjoni u tar-radju permezz tal-operaturi tat-trażmissjoni mill-ġdid. Dan il-ftehim huwa pass importanti lejn Suq Uniku Diġitali li jiffunzjona tajjeb.

Il-Viċi President għas-Suq Uniku Diġitali Andrus Ansip qal: “Ninsab tassew kuntent li lħaqna ftehim ieħor li jqarribna iktar lejn Suq Uniku Diġitali li jiffunzjona. L-aġġornament tar-regoli tax-xandir huma parti kbira minn dak li għandu jsir. Dan ir-Regolament għandu l-potenzjal li jillibera ammont kbir ta' kontenut ta' xandir minn naħa tal-fruntiera għall-oħra, biex jibbenefikaw 41% tal-Ewropej li jaraw it-televiżjoni online u anke 20 miljun ċittadin tal-UE li twieldu f'pajjiż tal-UE differenti minn dak fejn jgħixu”.

Il-Kummissarju għall-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali, Mariya Gabriel, żiedet: “Il-ftehim tal-lum huwa rebħa doppja għad-diversità kulturali Ewropea: iċ-ċittadini se jkollhom aċċess aħjar għall-kontenut għani tal-Ewropa, u l-awturi u l-artisti se jingħataw kumpens adegwat għall-użu tal-kontenut tagħhom.”

Filwaqt li 41% tal-Ewropej jaraw it-televiżjoni online, l-għadd huwa ogħla fost il-ġenerazzjoni żagħżugħa b'50% tal-Ewropej bejn il-15 u l-24 sena li jagħmlu dan mill-inqas darba fil-ġimgħa. U fost l-Ewropej ta' bejn il-15 u l-45 sena, 19% jużaw servizzi ta' xandir online biex jaraw il-films u s-sensiliet televiżivi.

X'se tibdel id-direttiva f'dak li hu relatat mad-distribuzzjoni tal-programmi televiżivi u tar-radju?

  • Il-prinċipju tal-pajjiż tal-oriġini (COO): id-Direttiva tintroduċi l-prinċipju tal-pajjiż tal-oriġini (COO) li jiffaċilita l-ħruġ ta' liċenzji tad-drittijiet għal ċerti programmi li x-xandara jistgħu jkunu jixtiequ joffru fuq is-servizzi online tagħhom (simulcasting, servizzi ta' ripetizzjoni u servizzi oħra li jikkumplimentaw ix-xandir ewlieni, bħall-previżjoni). Bis-saħħa ta' dan il-mekkaniżmu, ix-xandara se jkunu jistgħu jagħmlu programmi tar-radju, programmi tal-aħbarijiet u tal-ġrajjiet kurrenti fuq it-televiżjoni, kif ukoll il-produzzjonijiet iffinanzjati bis-sħiħ tagħhom stess, li jkunu disponibbli online fil-pajjiżi kollha tal-UE.
  • It-trażmissjoni mill-ġdid: id-Direttiva tipprovdi mekkaniżmu sabiex jiġi ffaċilitat l-għoti ta' liċenzji tad-drittijiet f'każ ta' trażmissjoni mill-ġdid ta' programmi tar-radju u tat-televiżjoni, li jinkludu s-servizzi tat-trażmissjoni mill-ġdid ipprovduti fuq l-internet b'ċerti kundizzjonijiet. Din il-miżura mistennija tikkontribwixxi għal distribuzzjoni usa' tal-istazzjonijiet tar-radju u tat-televiżjoni.
  • Injezzjoni diretta: L-injezzjoni diretta hija proċess li x-xandara qed jużaw dejjem aktar biex jittrażmettu l-programmi tagħhom lill-pubbliku. Ir-regoli l-ġodda se jiżguraw li d-detenturi tad-dritt jiġu remunerati kif xieraq meta x-xogħlijiet tagħhom jintużaw fi programmi trażmessi permezz ta' injezzjoni diretta. Dawn se jipprovdu ċertezza legali lix-xandara u lid-distributuri involuti fil-proċess.

Il-Passi li Jmiss

Il-ftehim politiku tal-lum jeħtieġ li jiġi kkonfermat mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill tal-UE fil-ġimgħat li ġejjin.

Sfond

F'Settembru 2016, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet Regolament biex tiffaċilita l-liċenzja ta' dritt għal ċerti trażmissjonijiet online tax-xandara u għat-trażmissjonijiet mill-ġdid tal-programmi tat-televiżjoni u tar-radju. Din il-proposta hija parti minn inizjattiva usa' biex ir-regoli tal-UE dwar id-drittijiet tal-awtur jiġu adattati għall-era diġitali.

Illum ix-xandara qegħdin dejjem aktar joffru x-xandiriet tagħhom online. Madankollu, il-programmi online tagħhom spiss ma jkunux disponibbli fi Stati Membri oħra għajr fl-Istat Membru tal-oriġini tagħhom, anke jekk jista' jkun hemm interess potenzjali kbir fihom (pereżempju minħabba l-lingwa). Minħabba l-kumplessità attwali fl-ikklerjar tad-drittijiet (jiġifieri l-ksib tal-awtorizzazzjonijiet mid-detenturi tad-drittijiet), huwa diffiċli li dawn is-servizzi jiżviluppaw minn naħa għall-oħra tal-fruntieri.

Id-Direttiva maqbula llum tikkumplimenta d-Direttiva eżistenti dwar is-Servizzi bil-Kejbil u bis-Satellita, li diġà tiffaċilita x-xandir transfruntier bis-satellita u t-trażmissjoni mill-ġdid bil-kejbil tal-programmi tat-televiżjoni u tar-radju minn Stati Membri oħra. Bis-saħħa tad-Direttiva dwar is-Servizzi bis-Satellita u bil-Kejbil, numru kbir ta' stazzjonijiet televiżivi huma disponibbli fi Stati Membri oħra apparti fl-Istat Membru tal-oriġini. Dan kien ta' benefiċċju għat-tisħiħ tad-diversità kulturali Ewropea u għall-Ewropej li jgħixu fi Stat Membru ieħor.

Għal aktar informazzjoni:

Skeda informattiva: It-titjib tal-aċċess għall-programmi awdjoviżivi madwar l-Unjoni Ewropea: fatti u figuri

Stqarrija għall-istampa: Il-Kummissjoni tipproponi regoli moderni tal-UE dwar id-drittijiet tal-awtur biex il-kultura Ewropea toktor u tinxtered

IP/18/6541

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar