Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-Kummissjoni tilqa' b'sodisfazzjon il-qbil dwar il-qafas tal-iskrinjar tal-investiment barrani

Brussell, I-20ta' novembru 2018

Illum il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni laħqu ftehim politiku dwar qafas tal-UE għall-iskrinjar tal-investiment dirett barrani.

Il-pakkett maqbul se jiżgura li l-UE u l-Istati Membri tagħha jkunu mgħammra biex jipproteġu l-interessi essenzjali tagħhom filwaqt li tibqa' waħda mis-sistemi ta' regolamenti dwar l-investiment l-aktar miftuħa fid-dinja.

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Jean-Claude Juncker qal: “L-Ewropa trid dejjem tiddefendi l-interessi strateġiċi tagħha u dan huwa preċiżament dak li dan il-qafas il-ġdid se jgħinna nagħmlu. Dan huwa dak li rrid ngħid meta jien nistqarr li aħna m'aħniex negozjanti boloħ. Għandna bżonn ta' skrutinju fuq l-akkwisti minn kumpaniji barranin, li għandhom fil-mira tagħhom l-assi strateġiċi tal-Ewropa. Nifraħ lill-Parlament Ewropew u lill-gvernijiet tal-UE talli laħqu dan il-ftehim b'mod daqshekk rapidu.

Il-Kummissarju għall-Kummerċ Cecilia Malmström qalet: “Dan huwa pass importanti fil-proċess li tajna bidu għalih biss sena ilu biex jiġu protetti t-teknoloġija u l-infrastruttura vitali fl-Ewropa. Dan juri r-rieda tal-Ewropa sabiex trendi fuq domanda qawwija miċ-ċittadini u l-partijiet ikkonċernati tagħna. F'dinja dejjem aktar interkonnessa u interdipendenti, neħtieġu mezzi biex nipproteġu s-sigurtà kollettiva tagħna filwaqt li nżommu l-Ewropa miftuħa għan-negozju. Jien norbot fuq il-Parlament Ewropew u l-Istati Membri biex japprovaw malajr mekkaniżmi ta' skrinjar tal-investiment maqbula llum.”

L-aċċess miftuħ għall-investiment dirett barrani huwa minqux fit-Trattati tal-UE. L-investiment dirett barrani jippromwovi tkabbir ekonomiku, innovazzjoni u impjiegi. Madankollu, f'xi każijiet l-investituri barranin jista' jkollhom l-intenzjoni li jakkwistaw assi strateġiċi li jippermettulhom jikkontrollaw jew jinfluwenzaw intrapriżi Ewropej li l-attivitajiet tagħhom ikunu vitali għas-sigurtà u l-ordni pubbliku fl-UE u fl-Istati Membri tagħha.

Il-karatteristiċi ewlenin tal-qafas il-ġdid Ewropew għall-iskrinjar ta' investiment dirett barrani:

- joħloq mekkaniżmu ta' kooperazzjoni fejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni jkunu jistgħu jiskambjaw informazzjoni u jqajmu tħassib speċifiku.

- jippermetti lill-Kummissjoni li toħroġ opinjonijiet f'każijiet li jikkonċernaw diversi Stati Membri, jew meta investiment jista' jaffettwa proġett jew programm ta' interess għall-UE kollha, bħall-Orizzont 2020 jew Galileo.

- iħeġġeġ il-kooperazzjoni internazzjonali dwar il-politiki tal-iskrinjar tal-investiment, inkluż il-qsim tal-esperjenza, l-aħjar prattiki u informazzjoni dwar xejriet ta' investiment.

- jafferma mill-ġdid li l-interessi tas-sigurtà nazzjonali huma r-responsabbiltà tal-Istati Membri; dan mhux se jaffettwa l-kapaċità tal-Istati Membri li jżommu l-mekkaniżmi eżistenti ta' rieżami tagħhom, li jadottaw mekkaniżmi ġodda jew inkella li jibqgħu mingħajr tali mekkaniżmi (attwalment 14-il Stat Membru għandhom it-tali mekkaniżmi fis-seħħ).

- L-Istati Membri għandhom l-aħħar kelma jekk operazzjoni speċifika għandiex tkun permessa jew le fit-territorju tagħhom.

- jieħu kont tal-ħtieġa li jiġi operat taħt skadenzi qosra qawwija favur in-negozju u rekwiżiti stretti ta' kunfidenzjalità.

Il-proposta biex jiġi stabbilit qafas Ewropew għall-iskrinjar tal-investiment dirett barrani fl-Unjoni Ewropea hija parti mill-isforz tal-Kummissjoni biex toħloq Ewropa li tipproteġi l-kumpaniji, il-ħaddiema u ċ-ċittadini tagħha.

Sfond u passi li jmiss

Fl-14 ta' Settembru 2017, il-Kummissjoni pproponiet qafas għall-iskrinjar ta' investimenti diretti barranin bħala parti mill-pakkett kummerċjali tal-President Juncker fid-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni. Hija daħlet f'taħdidiet mal-Parlament Ewropew u l-Kunsill fl-10 ta' Lulju 2018 u l-eżitu tal-lum jagħlaq dan il-proċess. Iż-żewġ koleġislaturi issa jridu jikkonfermaw dan il-qbil u jagħtu l-approvazzjoni finali għall-proposta sabiex tkun tista' tidħol fis-seħħ.

B'mod parallel, il-Kummissjoni se tibda analiżi dettaljata tal-flussi ta' investiment dirett barrani fl-UE u stabbilit grupp ta' koordinazzjoni mal-Istati Membri biex jgħin fl-investigazzjoni ta' tħassib u soluzzjonijiet strateġiċi konġunti fil-qasam tal-investiment dirett barrani.

Għal Aktar Informazzjoni

Proposta tal-Kummissjoni għall-2017 dwar l-iskrinjar tal-investiment

IP/18/6467

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar