Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-Pakkett tal-Ħarifa tas-Semestru Ewropew: It-tisħiħ tat-tkabbir sostenibbli u inklużiv

Brussell, il-21ta' novembru 2018

Il-Kummissjoni tistabbilixxi l-prijoritajiet ekonomiċi u soċjali għall-2019, tippreżenta l-Opinjonijiet dwar l-Abbozzi ta' Pjanijiet Baġitarji u tikkonferma l-eżistenza ta' nuqqas ta' konformità partikolarment serja mal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir fil-każ tal-Italja; il-Greċja tinsab integrata fis-Semestru Ewropew għall-ewwel darba.

Iċ-ċiklu tas-Semestru Ewropew tal-2019 għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika u soċjali jibda fi sfond ta' tkabbir sostnut, iżda anqas dinamiku, fi klima ta' inċertezza kbira. Inkiseb ħafna mill-2014 iżda jrid isir aktar sabiex it-tkabbir inklużiv u sostenibbli kif ukoll il-ħolqien tal-impjiegi jiġu appoġġati filwaqt li r-reżiljenza tal-ekonomiji tal-Istati Membri tittejjeb. Fil-livell tal-UE, dan jeżiġi li jittieħdu d-deċiżjonijiet meħtieġa biex l-Unjoni Ekonomika u Monetarja tkompli tissaħħaħ. Fil-livell nazzjonali, hemm bżonn urġenti li l-momentum ta' tkabbir attwali jintuża biex jinbnew buffers fiskali u jitnaqqas id-dejn. Hemm bżonn li l-investiment u r-riformi strutturali jiffukaw ferm iżjed fuq it-tisħiħ tal-produttività u tal-potenzjal tat-tkabbir. Dawn l-azzjonijiet se jipprovdu l-kundizzjonijiet għal stabbiltà makrofinanzjarja sostnuta u se jikkontribwixxu għall-kompetittività fit-tul tal-UE. Dan, min-naħa tiegħu, se joħloq il-kundizzjonijiet għal aktar impjiegi u għal impjiegi aħjar, aktar ġustizzja soċjali u standards tal-għajxien aħjar għall-Ewropej.

Il-pakkett tal-lum huwa bbażat fuq it-Tbassir Ekonomiku tal-Ħarifa tal-2018 u jibni fuq il-prijoritajiet stabbiliti fid-diskors tal-President Juncker dwar l-Istat tal-Unjoni fl-2018.

Il-Viċi President għall-Euro u d-Djalogu Soċjali, responsabbli wkoll mill-Istabbiltà Finanzjarja, mis-Servizzi Finanzjarji u mill-Unjoni tas-Swieq Kapitali, Valdis Dombrovskis qal: “L-Ewropa għaddejja minn żminijiet ekonomiċi tajbin, iżda ż-żieda fir-riskji tindika li dawn il-kundizzjonijiet mhumiex eterni. Il-pajjiżi tal-UE għandhom bżonn ta' investimenti mmirati tajjeb u sforzi ta' riforma mġedda biex isaħħu s-sisien tat-tkabbir tagħhom u jżidu l-produttività. Rigward il-politika baġitarja, wasal iż-żmien li jitnaqqsu l-livelli ta' dejn pubbliku u li jinbnew mill-ġdid il-buffers fiskali. Dan se jagħtina l-ispazju għall-immanuvrar li se jkollna bżonn meta tasal ir-riċessjoni li jmiss. Issa huwa wkoll iż-żmien li nagħmlu progress fl-approfondiment tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja Ewropea.”

Il-Kummissarju għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali, il-Ħiliet u l-Mobbiltà tal-Ħaddiema, Marianna Thyssen qalet: “L-irkupru ekonomiku tas-snin riċenti kien partikolarment intensiv fl-impjiegi, u l-qgħad qed jilħaq livelli baxxi rekord. Fl-istess ħin, dejjem aktar nies qed jipparteċipaw fis-suq tax-xogħol. Ir-rata ta' attività laħqet livell rekord u saħansitra qabżet dik tal-Istati Uniti. Il-kundizzjonijiet issa jippermettulna li ninvestu aktar fis-soċjetajiet tagħna, fin-nies tagħna, sabiex dan l-irkupru jsir permanenti u jkun ta' benefiċċju għal kulħadd, inklużi l-ġenerazzjonijiet futuri.

Il-Kummissarju għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji, it-Tassazzjoni u d-Dwana, Pierre Moscovici qal: “L-ekonomija tal-UE tkompli tikber b'rata mgħaġġla. Il-konsulenza tal-politika tal-lum mill-Kummissjoni hija biex jiġi żgurat li din tibqa' b'saħħitha u ssir aktar reżiljenti – għax f'kuntest globali dejjem aktar inċert, ma nistgħu nieħdu xejn bħala ovvju. Żona tal-Euro sostenibbilment prosperuża għandha bżonn mhux biss ta' finanzi pubbliċi sodi iżda wkoll ta' ekonomiji kompetitittivi u soċjetajiet inklużivi.”

Is-sitwazzjoni ekonomika globali eċċezzjonalment favorevoli u r-rata tal-imgħax baxxa fis-sena li għaddiet għenu biex jappoġġaw it-tkabbir, l-impjieg u l-investiment fl-UE u fiż-żona tal-euro. Huwa previst li l-Istati Membri kollha jkomplu jikbru, għalkemm b'ritmu aktar kajman, grazzi għas-saħħa tal-konsum domestiku u l-investiment. Sakemm ma jkunx hemm xokkijiet qawwija, l-Ewropa għandha tkun tista' tmantni tkabbir ekonomiku ogħla mill-potenzjal, ħolqien b'saħħtu ta' impjiegi u tnaqqis fil-qgħad. Il-finanzi pubbliċi tal-Istati Membri taż-żona tal-euro tjiebu b'mod konsiderevoli u d-defiċit pubbliku aggregat taż-żona tal-euro issa jinsab anqas minn 1 %. Madankollu, id-dejn għadu għoli f'diversi pajjiżi. Hekk kif l-ekonomija tkompli tikber, wasal iż-żmien biex nibnu l-buffers fiskali meħtieġa biex inlaħħqu mar-riċessjoni li jmiss u ntaffu l-impatti potenzjali fuq l-impjiegi u l-qagħda soċjali.

Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2019

L-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir (SAT), li jistabbilixxi l-prijoritajiet ekonomiċi u soċjali ġenerali għas-sena li ġejja, jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jieħdu azzjoni politika deċiżiva u kkonċertata biex iwasslu tkabbir inklużiv u sostenibbli. Fil-livell nazzjonali, l-isforzi ta' politika għandhom jiffukaw fuq it-twettiq ta' investiment ta' kwalità għolja, u riformi li jżidu t-tkabbir tal-produttività, l-inklużività u l-kapaċità istituzzjonali, filwaqt li jkomplu jiżguraw l-istabbiltà makrofinanzjarja u finanzi pubbliċi sodi. Fil-livell tal-UE, il-prijoritajiet huma li jiġi approfondit is-Suq Uniku, li titlesta l-arkitettura tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM) u li jitmexxew ‘il quddiem il-prinċipji stabbiliti fil-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.

Ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija tal-2019

Ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija (“AMR” - Alert Mechanism Report), li jservi ta' tagħmir ta' skrinjar biex jagħraf l-eżistenza tal-iżbilanċi makroekonomiċi, identifika 13-il Stat Membru biex ikunu soġġetti għal analiżi fil-fond fl-2019. Dawn l-analiżi se jivvalutaw jekk dawn humiex fil-fatt għaddejjin minn żbilanċi makroekonomiċi. L-Istati Membri li nstabu li kienu qed jesperjenzaw żbilanċi fis-sensiela ta' qabel tal-Proċedura ta' Żbilanċ Makroekonomiku (“MIP”- Macroekonomic Imbalances Procedure), awtomatikament, se jkunu koperti minn analiżi fil-fond fl-2019. Dawn huma: il-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru, Franza, il-Ġermanja, l-Irlanda, l-Italja, in-Netherlands, il-Portugall, Spanja u l-Iżvezja. Il-Greċja u r-Rumanija se jkunu soġġetti wkoll għal analiżi fil-fond.

L-abbozz tar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi tal-2019

L-abbozz tar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi, li janalizza s-sitwazzjoni tal-impjiegi u soċjali fl-Ewropa, juri ħolqien kontinwu tal-impjiegi, tnaqqis tal-qgħad u sitwazzjoni soċjali li qed titjieb fl-UE kollha. Dan ir-Rapport jinkludi wkoll ir-riżultati tat-Tabella ta' Valutazzjoni Soċjali, li tanalizza l-prestazzjonijiet tal-Istati Membri fid-dawl tal-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.

Fit-tieni trimestru tal-2018, 239 miljun persuna kellhom impjieg fl-UE, l-ogħla numru li qatt ġie rreġistrat. Mill-bidu tal-Kummissjoni Juncker inħolqu madwar 12-il miljun impjieg. Is-sehem tal-persuni f'riskju ta' faqar jew ta' esklużjoni soċjali naqas b'mod sinfikanti fl-2017, b'aktar minn ħames miljun persuna joħorġu mill-faqar jew mill-esklużjoni soċjali meta mqabbla mas-sena ta' qabel. L-għadd totali ta' persuni f'riskju ta' faqar jew ta' esklużjoni soċjali naqas għal taħt il-livelli ta' qabel il-kriżi.

Madankollu, l-irkupru ekonomiku għad irid jilħaq il-gruppi kollha tas-soċjetà. Ir-rata ta' impjieg ta' ħaddiema akbar fl-età żdiedet sostanzjalment matul l-aħħar deċennju iżda l-impjegabbiltà għadha diffiċli f'għadd ta' Stati Membri għal persuni żgħażagħ, b'livell baxx ta' ħiliet u bi sfond migratorju. Il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol tkompli tikber b'rata mgħaġġla, iżda dan għadu ma ssarrafx fi tnaqqis sinifikanti fid-differenza bejn il-pagi u l-pensjonijiet tal-irġiel u n-nisa.

L-introjti tal-unitajiet domestiċi qed jikbru iżda għadhom anqas mil-livelli ta' qabel il-kriżi f'xi Stati Membri. It-tkabbir reali tal-pagi qabad ritmu tajjeb fl-2018, iżda għadu anqas mit-tkabbir tal-produttività u mhuwiex tajjeb daqs kemm wieħed jistenna apparagun tas-suq tax-xogħol pożittiv u l-prestazzjoni ekonomika. B'mod aktar ġenerali, l-inugwaljanza u l-faqar jibqgħu sorsi ta' tħassib.

Rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro

Ir-rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro, li tistabbilixxi miżuri konkreti li huma kritiċi għall-funzjonament taż-żona tal-euro, ġiet issimplifikata biex ikollha enfasi aktar b'saħħitha fuq l-isfidi ewlenin. Ir-rakkomandazzjoni tappella għal politiki li jappoġġaw tkabbir inklużiv u sostenibbli, u jtejbu r-reżiljenza, l-ibbilanċjar mill-ġdid u l-konverġenza fi ħdan iż-żona tal-euro. Hija tirrakkomanda li għandhom jingħataw prijorità r-riformi li jżidu l-produttività u l-potenzjal ta' tkabbir, li japprofondixxu s-Suq Uniku, jtejbu l-ambjent tan-negozju, jippromwovu l-investiment u jtejbu s-suq tax-xogħol.

Il-Kummissjoni tirrakkomanda titjib fil-kwalità u fil-kompożizzjoni tal-finanzi pubbliċi u l-bini mill-ġdid tal-buffers fiskali biex ikun hemm aktar spazju għall-immanuvrar waqt ir-riċessjoni li jmiss. L-Istati Membri b'defiċits fil-kontijiet kurrenti għandhom jipprovaw iżidu l-produttività u jnaqqsu d-dejn estern. L-Istati Membri b'surpluses fil-kontijiet kurrenti għandhom issaħħu l-kundizzjonijiet li jappoġġaw l-investiment u t-tkabbir fil-pagi.

Il-Kummissjoni tirrakkomanda l-ispustar tat-taxxi lil hinn mix-xogħol u t-tisħiħ tas-sistemi edukattivi, l-investiment fil-ħiliet u l-effettività u l-adegwatezza tal-politiki attivi tas-suq tax-xogħol u s-sistemi ta' protezzjoni soċjali. Dan huwa konformi mal-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.

Il-Kummissjoni tappella wkoll għal progress rapidu fit-tlestija tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-Ewropa konformi mal-proposti tal-Kummissjoni, inklużi l-Programm ta' Appoġġ għal Riformi u l-Funzjoni ta' Stabbilizzazzjoni tal-Investiment Ewropew skont il-proposta għall-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021-2027.

Ir-rakkomandazzjoni tappella wkoll għal ħidma kontinwa relatata mal-Unjoni Bankarja billi tagħmel operazzjonali miżura ta' garanzija ta' kontinġenza għal Fond ta' Riżoluzzjoni Uniku u tistabbilixxi Skema Ewropea ta' Assigurazzjoni tad-Depożiti. L-integrazzjoni finanzjarja għandha tiġi segwita billi tissaħħaħ l-arkitettura regolatorja u superviżorja Ewropea. L-isforzi biex jitnaqqas is-self improduttiv għandhom jitkomplew u l-akkumulazzjoni tiegħu fil-futur għandha tiġi evitata. L-adozzjoni tal-Pakkett Bankarju tal-2016 ta' Novembru sa tmiem l-2018 tibqa' kruċjali għall-ikkompletar tal-Unjoni Bankarja. Settur finanzjarju aktar integrat – Unjoni Bankarja li tlestiet u Unjoni tas-Swieq Kapitali ġenwina - se jgħinu biex jissaħħaħ ir-rwol internazzjonali tal-euro, fejn jagħmluh aktar proporzjonat għar-rilevanza taż-żona tal-euro fid-dinja.

Opinjonijiet dwar l-Abbozzi tal-Pjanijiet Baġitarji ta' Stati Membri taż-żona tal-euro

Il-Kummissjoni adottat ukoll l-Opinjonijiet dwar jekk l-Abbozzi tal-Pjanijiet Baġitarji (APB) tal-2019 tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro humiex konformi mal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir (PST).

Parti preventiva tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir

Fil-każ tal-Italja, wara li vvalutat l-APB rivedut ippreżentat fit-13 ta' Novembru, il-Kummissjoni tikkonferma l-eżistenza ta' każ partikolarment serju ta' nuqqas ta' konformità mar-Rakkomandazzjoni indirizzata lill-Italja mill-Kunsill fit-13 ta' Lulju 2018. Il-Kummissjoni diġà kienet adottat Opinjoni fit-23 ta' Ottubru 2018 li tidentifika nuqqas ta' konformità partikolarment serja fl-APB inizjali ppreżentat mill-Italja fis-16 ta' Ottubru 2018.

Għal għaxar Stati Membri – il-Ġermanja, l-Irlanda, il-Greċja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, in-Netherlands, l-Awstrija, u l-Finlandja –, l-APB instabu li huma konformi mal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir fl-2019.

Għal tliet Stati Membri – l-Estonja, il-Latvja u s-Slovakkja –, l-APB instabu li huma ġeneralment konformi mal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir fl-2019. Għal dawn il-pajjiżi, il-pjanijiet jistgħu jirriżultaw f'xi devjazzjoni mill-objettiv baġitarju ta' terminu medju (medium-term objective, MTO) tal-pajjiż jew mill-perkors ta' aġġustament lejh.

Għal erba' Stati Membri – il-Belġju, Franza, il-Portugall u s-Slovenja –, l-APB jippreżentaw riskju ta' nuqqas ta' konformità mal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir fl-2019. L-APB ta' dawn l-Istati Membri jistgħu jirriżultaw f'devjazzjoni sinifikanti mill-perkorsi ta' aġġustament lejn l-objettiv baġitarju rispettiv ta' terminu medju.

Parti korrettiva tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir (Proċedura ta' Defiċit Eċċessiv)

Id-defiċit nominali ta' Spanja huwa projettat li jaqa' taħt it-3 % is-sena d-dieħla u l-pajjiż huwa fil-punt li joħroġ mill-Proċedura ta' Defiċit Eċċessiv, li jfisser li Spanja ssir soġġetta għall-parti preventiva tal-Patt mis-sena d-dieħla. F'dan il-kuntest, l-APB ippreżentat minn Spanja nstab li huwa f'riskju ta' nuqqas ta' konformità mal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir fl-2019. Dan huwa bbażat fuq il-projezzjoni tat-Tbassir Ekonomiku tal-2018 tal-Ħarifa li turi devjazzjoni sinifikanti mill-perkors ta' aġġustament meħtieġ lejn l-objettiv baġitarju ta' terminu medju u nuqqas ta' konformità mal-parametru referenzjarju tranżizzjonali ta' tnaqqis tad-dejn fl-2019.

Passi skont il-Patt ta' Stabilità u Tkabbir

Il-Kummissjoni ħadet ukoll għadd ta' passi skont il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir.

Għall-Italja, il-Kummissjoni wettqet valutazzjoni ġdida tan-nuqqas ta' konformità prima facie
mal-kriterju tad-dejn. B'131.2 % tal-PDG fl-2017, l-ekwivalenti ta'
€37,000 għal kull abitant, id-dejn pubbliku tal-Italja jaqbeż is-60 % tal-valur referenzjarju tal-PDG tat-Trattat. Din il-valutazzjoni ġdida kienet neċessarja għax il-pjanijiet fiskali tal-Italja għall-2019 jirrappreżentaw bidla materjali fil-fatturi rilevanti analizzati mill-Kummissjoni f'Mejju li għadda. L-analiżi ppreżentata f'dan ir-rapport ġdid skont l-Artikolu 126(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea tinkludi l-valutazzjoni tal-fatturi rilevanti kollha u speċjalment: (i) il-fatt li l-kundizzjonijiet makroekonomiċi, minkejja r-riskji negattivi li ntensifikaw reċentement, ma jistgħux jiġu invokati biex jispjegaw id-distakki kbar tal-Italja għal konformità mal-valur referenzjarju tat-tnaqqis tad-dejn, meta jitqies tkabbir nominali tal-PDG ta' aktar minn 2 % sa mill-2016; (ii) il-fatt li l-pjanijiet tal-gvern jimplikaw passi lura importanti fuq riformi strutturali passati li jtejbu t-tkabbir, b'mod partikolari r-riformi tal-pensjoni fil-passat; u fuq kollox (iii) ir-riskju identifikat ta' devjazzjoni sinifikanti mill-perkors ta' aġġustament rakkomandat lejn objettiv baġitarju ta' terminu medju fl-2018 u n-nuqqas ta' konformità partikolarment serju għall-2019 mar-rakkomandazzjoni indirizzata lill-Italja mill-Kunsill fit-13 ta' Lulju 2018, abbażi kemm tal-pjanijiet tal-gvern kif ukoll tat-tbassir tal-ħarifa tal-2018 tal-Kummissjoni. B'mod ġenerali, l-analiżi tissuġġerixxi li l-kriterju tad-dejn kif definit fit-Trattat u r-Regolament (KE) Nru 1467/1997 għandu jiġi kkunsidrat bħala li m'hemmx konformità miegħu, u li għalhekk Proċedura ta' Defiċit Eċċessiv ibbażata fuq id-dejn hija ġġustifikata.

Għall-Ungerija, il-Kummissjoni stabbilixxiet li ma ttieħdet l-ebda azzjoni effettiva b'rispons għar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill ta' Ġunju 2018 u tipproponi li l-Kunsill jadotta rakkomandazzjoni riveduta għall-Ungerija sabiex tikkoreġi d-devjazzjoni sinifikanti tagħha mill-perkors tal-aġġustament lejn l-objettiv baġitarju ta' terminu medju. F'Ġunju 2018, il-Kunsill ħareġ rakkomandazzjoni għal aġġustament strutturali annwali ta' 1 % tal-PDG fl-2018 għall-Ungerija skont il-Proċedura ta' Devjazzjoni Sinifikanti (“SDP” - Significant Deviation Procedure). Fid-dawl tal-iżviluppi li seħħew minn dak iż-żmien u wara nuqqas ta' azzjoni effettiva mill-Ungerija biex tikkoreġi d-devjazzjoni sinifikanti, il-Kummissjoni llum qed tipproponi [rakkomandazzjoni riveduta ta' aġġustament strutturali annwali ta' mill-anqas 1 % tal-PDG fl-2019]. Id-defiċit pubbliku żdied fl-Ungerija, minn -1.6 % fl-2016 għal -2.4% fl-2018, u huwa previst li jibqa' kemmxejn anqas minn -2 % fis-sentejn li ġejjin.

Għar-Rumanija, il-Kummissjoni stabbilixxiet li ma ttieħdet l-ebda azzjoni effettiva b'rispons għar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill ta' Ġunju u tipproponi li l-Kunsill jadotta rakkomandazzjoni riveduta għar-Rumanija sabiex tikkoreġi d-devjazzjoni sinifikanti tagħha mill-perkors tal-aġġustament lejn l-objettiv baġitarju ta' terminu medju. F'Ġunju 2018, il-Kunsill ħareġ rakkomandazzjoni għal aġġustament strutturali annwali ta' 0.8 % tal-PDG kemm fl-2018 kif ukoll fl-2019 għar-Rumanija skont il-Proċedura ta' Devjazzjoni Sinifikanti (“SDP” - Significant Deviation Procedure). Fid-dawl tal-iżviluppi li seħħew minn dak iż-żmien u wara nuqqas ta' azzjoni effettiva mir-Rumanija biex tikkoreġi d-devjazzjoni sinifikanti, il-Kummissjoni llum qed tipproponi rakkomandazzjoni riveduta ta' aġġustament strutturali annwali ta' mill-anqas 1 % tal-PDG fl-2019. Id-defiċit pubbliku żdied fir-Rumanija, minn -0.5 % fl-2015 għal -2.9 % fl-2016, u huwa previst li jilħaq -3.3% fl-2018, -3.4% fl-2019 u -4.7 % fl-2020: dan huwa l-akbar defiċit fl-UE.

Rapport ta' Sorveljanza Msaħħa għall-Greċja

Il-Kummissjoni adottat l-ewwel rapport għall-Greċja skont il-qafas ta' sorveljanza msaħħa li tqiegħed fis-seħħ wara l-konklużjoni tal-programm ta' appoġġ għall-istabbiltà tal-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà fl-20 ta' Awwissu 2018. Ir-rapport jikkonkludi li l-APB għall-2019 ppreżentat mill-Greċja jiżgura konformità mal-impenn tagħha li tikseb surplus primarju ta' 3.5 % tal-PDG. Il-progress fir-rigward tar-riformi f'oqsma oħra nstab li huwa mħallat u l-awtoritajiet se jkollhom bżonn jaċċelleraw l-implimentazzjoni biex jilħqu l-objettivi tagħhom. L-attivazzjoni ta' miżuri ta' dejn, kontinġenti għall-politika, maqbula bħala parti mill-pakkett sinifikanti ta' miżuri tad-dejn miftiehma fil-laqgħa tal-Grupp tal-Euro tat-22 ta' Ġunju 2018, se tiddependi fuq valutazzjoni pożittiva fit-tieni rapport skont il-qafas ta' sorveljanza msaħħa. Dan ir-rapport se jiġi ppubblikat kmieni s-sena li ġejja.

X'inhuma l-passi li jmiss?

Il-Kummissjoni tistieden lill-Kunsill biex jiddiskuti l-pakkett u japprova l-gwida offruta llum. Hija tistenna b'interess dibattitu siewi mal-Parlament Ewropew dwar il-prijoritajiet ta' politika għall-UE u għaż-żona tal-euro, kif ukoll impenn ulterjuri mas-sħab soċjali u mal-partijiet ikkonċernati fil-livelli kollha fil-kuntest tas-Semestru Ewropew.

AKTAR INFORMAZZJONI

Memo dwar il-Pakkett tal-Ħarifa tas-Semestru Ewropew

L-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2019

Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija tal-2019

Rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro tal-2019

Abbozz tar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi tal-2019

Komunikazzjoni dwar l-Abbozzi tal-Pjanijiet Baġitarji tal-2019 taż-żona tal-euro

Abbozzi ta' Pjanijiet Baġitarji tal-2019

Rapport skont l-Artikolu 126(3) dwar l-Italja

Rapport ta' Sorveljanza Msaħħa għall-Greċja

Tbassir Ekonomiku tal-Ħarifa tal-2018

Segwi lill-Viċi President Dombrovskis fuq Twitter: @VDombrovskis

Segwi lill-Kummissarju Moscovici fuq Twitter: @pierremoscovici

Segwi lil DĠ ECFIN fuq Twitter: @ecfin

IP/18/6462

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar