Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-Brexit: il-Kummissjoni Ewropea tintensifika l-ħidma ta' tħejjija u tiddeskrivi l-pjan ta' azzjoni ta' kontinġenza f'każ ta' xenarju fejn ma jintlaħaqx qbil mar-Renju Unit

Strasburgu, it-13ta' novembru 2018

Illum, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat informazzjoni dettaljata dwar it-tħejjija kontinwa u l-ħidma ta' kontinġenza tagħha f'każ ta' xenarju fejn ma jintlaħaqx qbil fin-negozjati tal-Artikolu 50 mar-Renju Unit.

  1. L-ewwel nett, il-Kummissjoni ppubblikat Komunikazzjoni li tiddeskrivi għadd limitat ta' azzjonijiet ta' kontinġenza f'oqsma prijoritarji li jistgħu jiġu implimentati jekk ma jintlaħaqx ftehim mar-Renju Unit. Dan wara l-ewwel Komunikazzjoni dwar it-tħejjija ppubblikata fid-19 ta' Lulju 2018.
  2. It-tieni nett, il-Kulleġġ tal-Kummissarji adotta żewġ proposti leġiżlattivi biex jemenda d-dritt eżistenti tal-UE fil-qasam tal-viżi u tal-effiċjenza fl-enerġija biex iqis il-ħruġ tar-Renju Unit. Dawn l-adattamenti leġiżlattivi mmirati huma meħtieġa, irrispettivament mill-eżitu tan-negozjati ta' ħruġ.
  3. It-tielet nett, ġie ppubblikat avviż li jagħti informazzjoni estensiva dwar it-tibdiliet li se jseħħu - f'każ li ma jintlaħaqx qbil - għall-persuni li jivvjaġġaw bejn l-UE u r-Renju Unit, u viċi versa, wara d-29 ta' Marzu 2019, jew għan-negozji li joffru servizzi fir-rigward ta' dan l-ivvjaġġar. Dan l-avviż jinkludi informazzjoni dwar affarijiet bħal verifiki fil-fruntieri u kontrolli doganali, liċenzji tas-sewqan u passaporti għall-annimali domestiċi, fost affarijiet oħrajn.

Filwaqt li l-Kummissjoni Ewropea qed taħdem bla heda biex jintlaħaq qbil, u tkompli tpoġġi liċ-ċittadini fuq quddiem fin-negozjati, il-ħruġ tar-Renju Unit bla dubju se jikkawża tfixkil – pereżempju fil-ktajjen tal-provvista tan-negozju – kemm jekk jintlaħaq qbil kif ukoll jekk le. Il-miżuri ta' kontinġenza ma jistgħux jirrimedjaw l-effetti kollha ta' dan it-tfixkil. F'każ ta' xenarju fejn ma jintlaħaqx qbil, dan it-tfixkil se jkun aktar sinifikanti u l-ħeffa tat-tħejjijiet ikollha tiżdied b'mod sinifikanti. Eċċezzjonalment, jistgħu jkunu meħtieġa miżuri ta' kontinġenza f'oqsma definiti b'mod strett sabiex jiġu protetti l-interessi u l-integrità tal-UE.

Komunikazzjoni: Pjan ta' Azzjoni ta' Kontinġenza

Il-Komunikazzjoni tal-lum tagħti dettalji dwar it-tipi ta' miżuri ta' kontinġenza li jistgħu jittieħdu jekk ikun jidher probabbli li r-Renju Unit se joħroġ mill-UE b'mod diżordinat. Il-Kummissjoni identifikat oqsma prijoritarji fejn dawn il-miżuri jistgħu jkunu meħtieġa, minħabba l-impatt sinifikanti li xenarju fejn ma jintlaħaqx qbil ikollu għaċ-ċittadini u għan-negozji: kwistjonijiet relatati mar-residenza u mal-viżi, regoli dwar is-servizzi finanzjarji, it-trasport bl-ajru, id-dwana u regoli sanitarji/fitosanitarji, it-trasferiment ta' data personali, u l-politika dwar it-tibdil fil-klima. Kwalunkwe miżura ta' kontinġenza tittieħed biss f'oqsma limitati fejn ikunu meħtieġa biex jipproteġu l-interessi vitali tal-UE u fejn il-miżuri ta' tħejjija ma jkunux attwalment possibbli. Dawn il-miżuri jkunu temporanji fin-natura tagħhom, limitati fl-ambitu tagħhom, adottati b'mod unilaterali mill-UE u jridu jibqgħu kompatibbli mad-dritt tal-UE. Il-Komunikazzjoni tal-lum tistabbilixxi wkoll il-passi leġiżlattivi dettaljati li għandhom jittieħdu jekk dawn il-miżuri ta' kontinġenza jitqiesu meħtieġa.

Kif deskritt fl-ewwel Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Lulju 2018, l-Istituzzjonijiet tal-UE jistgħu jwettqu biss parti żgħira mit-tħejjijiet. It-tħejjija għall-ħruġ tar-Renju Unit huwa sforz konġunt fil-livelli tal-UE, nazzjonali u lokali, kif ukoll mill-operaturi ekonomiċi. Filwaqt li l-miżuri nazzjonali mill-Istati Membri jirrappreżentaw element ċentrali dwar l-ippjanar ta' kontinġenza, il-Kummissjoni hija lesta tintensifika l-koordinazzjoni tagħha tal-ħidma tal-Istati Membri sabiex tiżgura li l-UE tibqa' magħquda u li kwalunkwe miżura tiġi applikata b'mod konsistenti u koerenti fl-UE. B'mod partikulari, il-Kummissjoni se tappoġġa lill-Irlanda biex issib soluzzjonijiet għall-indirizzar tal-isfidi speċifiċi ta' negozji Irlandiżi.

Proposta leġiżlattivi (effiċjenza fl-enerġija u ħtiġijiet ta' viża)

Illum il-Kulleġġ tal-Kummissarji adotta żewġ proposti leġiżlattivi:

- L-effiċjenza fl-enerġija: Illum il-Kummissjoni pproponiet adattament tekniku għal-leġiżlazzjoni tal-enerġija tal-UE (id-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija) biex tqis il-ħruġ tar-Renju Unit. Il-miri tal-effiċjenza fl-enerġija tal-UE huma bbażati fuq iċ-ċifri tal-konsum tal-enerġija tal-EU28. Billi r-Renju Unit se joħroġ, jenħtieġ li dawn iċ-ċifri ta' konsum jiġu adattati biex jirriflettu l-UE b'27 Stat Membru. Dan bl-ebda mod ma jaffettwa l-ftehim politiku ta' Ġunju tal-2018 dwar il-miri tal-effiċjenza fl-enerġija tal-UE. L-UE għadha impenjata li tilħaq il-mira tagħha fl-effiċjenza fl-enerġija għall-2030 ta' mill-inqas 32.5%.

- Viżi: Illum il-Kummissjoni pproponiet li temenda r-Regolament dwar il-Viża. Dan ifisser li meta d-dritt tal-UE ma jibqax japplika fir-Renju Unit, fit-30 ta' Marzu 2019, f'każ li ma jintlaħaqx qbil jew fi tmiem il-perjodu ta' tranżizzjoni f'każ ta' ħruġ ordnat, iċ-ċittadini tar-Renju Unit ikunu eżenti minn kwalunkwe ħtieġa ta' viża għal soġġorni qosra fl-UE. Dan jiddependi kompletament fuq li r-Renju Unit ukoll joffri vjaġġar reċiproku u mhux diskriminatorju mingħajr viża lil ċittadini tal-UE li jivvjaġġaw lejn ir-Renju Unit. Dan huwa konformi mal-impenn tal-Kummissjoni li tpoġġi liċ-ċittadini l-ewwel fin-negozjati mar-Renju Unit.

Matul is-sena li għaddiet, il-Kummissjoni eżaminat l-acquis kollu tal-Unjoni (il-korp tad-dritt tal-UE) biex teżamina jekk humiex meħtieġa ċerti bidliet fid-dawl tal-ħruġ tar-Renju Unit. Għal dak il-għan, il-Kummissjoni adottat (u se tadotta meta jkun meħtieġ) proposti leġiżlattivi speċifiċi mmirati biex tiżgura li r-regoli tal-UE jkomplu jiffunzjonaw mingħajr xkiel f'Unjoni b'27 Stat Membru wara l-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE. Iż-żewġ proposti tal-lum huma parti minn din il-ħidma. Lista sħiħa ta' dawn il-proposti leġiżlattivi hija mehmuża mal-Komunikazzjoni tal-lum.

Il-miżuri proposti huma speċifiċi, limitati u mmirati biex jirrimedjaw l-impatt negattiv ta' ħruġ diżordinat jew biex jippermettu l-adattament meħtieġ tal-leġiżlazzjoni.

Avviż dwar l-Ivvjaġġar bejn l-UE u r-Renju Unit wara d-29 ta' Marzu 2019

L-avviż tal-lum jiddeskrivi diversi oqsma fejn il-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE se jkollu impatt sinifikanti fuq il-faċilità tal-ivvjaġġar bejn l-UE u r-Renju Unit wara l-Brexit. F'każ ta' xenarju fejn ma jintlaħaqx qbil, id-dritt tal-UE mhux se jibqa' japplika għar-Renju Unit f'nofsillejl fid-29 ta' Marzu 2019 - se jkunu meħtieġa ċerti kontrolli ta' dħul u ħruġ mal-fruntiera esterna tal-UE. Oġġetti li jidħlu fl-UE mir-Renju Unit - b'mod partikulari, li joriġinaw mill-annimali - ukoll jistgħu jkunu soġġetti għal kontrolli doganali u verifiki, kontrolli u restrizzjonijiet oħra relatati. Xi liċenzji u ċertifikati, preżempju liċenzji tas-sewqan jew passaporti għall-annimali domestiċi, ukoll jistgħu ma jibqgħux validi aktar.

Seminars ta' tħejjija

Matul l-aħħar sena, il-Kummissjoni kellha diskussjonijiet tekniċi mal-Istati Membri tal-EU27 kemm fuq kwistjonijiet ġenerali ta' tħejjija kif ukoll fuq passi ta' tħejjija settorjali, legali u amministrattivi speċifiċi. Il-Kummissjoni se ssaħħaħ l-isforzi ta' koordinazzjoni u ta' appoġġ tagħha fil-ġimgħat li ġejjin, billi torganizza sensiela ta' seminars ta' tħejjija intensivi fuq firxa ta' kwistjonijiet, inklużi servizzi finanzjarji, trasport bl-ajru, koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali, ħtiġijiet sanitarji u fitosanitarji, fost affarijiet oħrajn.

Sfond

Fid-29 ta' Marzu 2017, ir-Renju Unit innotifika lill-Kunsill Ewropew bl-intenzjoni tiegħu li joħroġ mill-Unjoni Ewropea. Sakemm Ftehim dwar il-Ħruġ ratifikat ma jistabbilixxix data oħra jew jekk il-Kunsill Ewropew, f'konformità mal-Artikolu 50(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u bi qbil mar-Renju Unit, ma jiddeċidix b'mod unanimu li t-Trattati ma jibqgħux japplikaw f'data aktar tard, il-liġijiet primarji u sekondarji kollha tal-Unjoni, ma jibqgħux japplikaw għar-Renju Unit mit-30 ta' Marzu 2019, 00:00 (CET) (“id-data tal-ħruġ”). Ir-Renju Unit imbagħad isir pajjiż terz.

Għaldaqstant, jenħtieġ li l-partijiet ikkonċernati, kif ukoll l-awtoritajiet nazzjonali u tal-UE, iħejju għal żewġ xenarji prinċipali possibbli:

  • Jekk il-Ftehim dwar il-Ħruġ jiġi ratifikat qabel it-30 ta' Marzu 2019, id-dritt tal-UE ma jibqax japplika għal u fir-Renju Unit fl-1 ta' Jannar 2021, jiġifieri wara perjodu ta' tranżizzjoni ta' 21 xahar.
  • Jekk il-Ftehim dwar il-Ħruġ ma jiġix ratifikat qabel it-30 ta' Marzu 2019, mhux se jkun hemm perjodu ta' tranżizzjoni u d-dritt tal-UE ma jibqax japplika għal u fir-Renju Unit mit-30 ta' Marzu 2019. Dan huwa magħruf bħala x-xenarju tal-“ebda ftehim” jew ta' “preċipizju”.

Matul din is-sena, il-Kummissjoni ppubblikat 78 avviż ta' tħejjija speċifiċi għas-settur biex tinforma lill-pubbliku dwar il-konsegwenzi tal-ħruġ tar-Renju Unit fin-nuqqas ta' kwalunkwe Ftehim dwar il-Ħruġ. Dawn l-avviżi huma kważi kollha disponibbli fil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE. Il-Kummissjoni adottat ukoll tmien proposti leġiżlattivi dwar it-tħejjijiet għal miżuri li jridu jiġu adottati irrispettivament minn jekk il-ħruġ tar-Renju Unit huwiex ordnat jew le. Pereżempju, sat-30 ta' Marzu 2019, żewġ aġenziji bbażati Londra - l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini u l-Awtorità Bankarja Ewropea — kif ukoll korpi oħra bbażati fir-Renju Unit, bħaċ-Ċentru ta' Monitoraġġ tas-Sigurtà Galileo, se jkunu qed jitilqu mir-Renju Unit u għadd ta' kompiti mwettqa mill-awtoritajiet tar-Renju Unit se jkollhom ukoll jiġu assenjati mill-ġdid lil hinn mir-Renju Unit.

Il-ħidma ta' tħejjija tal-Kummissjoni hija kkoordinata mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni.

Għal aktar informazzjoni:

It-Test tal-Komunikazzjoni

L-Avviż dwar l-Ivvjaġġar bejn l-UE u r-Renju Unit

Il-Proposta leġiżlattiva: L-effiċjenza fl-Enerġija

Il-Proposta leġiżlattiva: Il-ħtiġijiet ta' viża

Skeda informattiva: “Seba' Affarijiet Li Trid Tkun Taf Meta Tivvjaġġa Bejn Ir-Renju Unit U L-UE Wara l-Brexit” (ara l-anness)

L-Ewwel Komunikazzjoni ta' Tħejjija, Lulju 2018

Lista ta' inizjattivi leġiżlattivi pendenti dwar it-“tħejjija”

Is-sit web tal-Kummissjoni Ewropea dwar it-Tħejjija għall-Brexit (inklużi “l-avviżi ta' tħejjija għall-Brexitl”)

Il-Kunsill Ewropew (Artikolu 50) - Konklużjonijiet tad-29 ta' Ġunju 2018

Linji gwida tal-Kunsill Ewropew (Artikolu 50) dwar il-qafas għar-relazzjoni futura bejn l-UE u r-Renju Unit (it-23 ta' Marzu 2018)

 

IP/18/6403


Side Bar