Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-baġit tal-UE għall-2019: tkabbir, solidarjetà u sigurtà fl-Ewropa u lil hinn minnha - intlaħaq ftehim proviżorju

Brussell, il-5ta' dicembru 2018

Nhar it-Tlieta, 4 ta' Diċembru, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, bl-għajnuna tal-Kummissjoni, laħqu ftehim proviżorju dwar il-baġit tal-UE għall-2019 matul trilogu deċiżiv.

Dan il-ftehim għandu jiġi kkonfermat il-ġimgħa d-dieħla matul l-aħħar sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew fi Strasburgu. Il-fondi tal-UE se jkomplu jiġu investiti fit-tkabbir u l-impjiegi, fir-riċerka u l-innovazzjoni, fl-istudenti u ż-żgħażagħ - il-prijoritajiet tal-Kummissjoni Juncker. F'konformità mal-proposti tal-Kummissjoni f'Ġunju u Novembru 2019, il-ġestjoni effettiva tal-migrazzjoni u tal-fruntieri esterni tal-UE wkoll se tibqa' prijorità għall-baġit tal-2019.

Il-Kummissarju Günther H. Oettinger, inkarigat mill-Baġit u mir-Riżorsi Umani, qal: “Il-ftehim tal-lum huwa sinjal li meta ningħaqdu flimkien, nistgħu noffru l-valur miżjud li ċ-ċittadini tagħna jistennew mingħandna. L-objettiv li jmiss huwa l-baġit fit-tul tagħna li jmur lil hinn mill-2020, u nispera li jinżamm l-ispirtu kostruttiv u l-involviment b'saħħtu tat-tliet istituzzjonijiet kollha fin-negozjati għall-baġit tal-2019 f'dawn id-diskussjonijiet. Għandna niffukaw fuq l-adozzjoni f'waqtha tiegħu ħalli x-xjentisti, l-istudenti, in-negozji, il-bdiewa u r-reġjuni tagħna ma jmorrux minn taħt.”

Il-baġit tal-UE għall-2019 huwa stabbilit għal EUR 165.8 biljun f'impenji (flus li jista' jkun hemm qbil dwaru permezz ta' kuntratti li jingħataw kull sena) u EUR 148.2 biljun fi krediti ta' pagamenti (flus mħallsa). Fatturi ewlenin jinkludu:

  • Kważi nofs il-fondi – €80.5 biljun f'impenji – se jintużaw biex jistimulaw l-ekonomija, l-impjiegi u l-kompetittività Ewropej. Pereżempju, €12.3* biljun se jmorru għall-Orizzont 2020 (+10% meta mqabbel mal-2018) inkluż €194 miljun għal Impriża Konġunta għall-Computing ta' Prestazzjoni Għolja Ewropew ġdida – u €3.8 biljun se jappoġġaw in-netwerks tal-infrastruttura permezz tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (FNE). Permezz tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (Fondi SIE), €57.2 biljun addizzjonali se jgħinu biex jitnaqqsu l-lakuni ekonomiċi, fuq skala nazzjonali kif ukoll bejn l-Istati Membri;
  • L-UE se tappoġġa liż-żgħażagħ b'diversi modi. €2.8 biljun se jiġu ddedikati lill-edukazzjoni permezz tal- Erasmus+ (+20% meta mqabbel mal-2018). Il- Korp Ewropew ta' Solidarjetà se joħloq opportunitajiet ta' volontarjat jew ħidma fi proġetti lokalment jew barra mill-pajjiż b'€143 miljun. €350 miljun addizzjonali permezz tal- Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ se jappoġġaw liż-żgħażagħ f'reġjuni fejn il-qgħad fost iż-żgħażagħ huwa għoli;
  • Il-bdiewa Ewropej se jibbenefikaw minn €59.0 biljun;
  • Is-sigurtà se tissaħħaħ mal-fruntier tal-UE u lil hinn minnhom. Kif ippropona l-President Juncker fid-Diskors tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni tal-2018, il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta, l-Aġenzija tal-UE għall-Asil, u aġenziji oħrajn li jaħdmu fuq kwistjonijiet dwar il-fruntieri u dwar il-viżi wkoll se tirċievi riżorsi addizzjonali fl-2019.
  • Barra minn hekk, il-baġit tal-2019 se joffri l-mezzi meħtieġa għall-Faċilità għar-Refuġjati fit-Turkija, sabiex tkun tista' tkompli tipprovdi ikel, edukazzjoni u akkomodazzjoni lil dawk li qegħdin jaħarbu mill-gwerer fis-Sirja u f'postijiet oħrajn.

Il-ftehim tal-lum huwa bbażat fuq il-premessa li r-Renju Unit, wara li joħroġ mill-Unjoni Ewropea fit-30 ta' Marzu 2019, se jkompli jikkontribwixxi u jipparteċipa fl-implimentazzjoni tal-baġits tal-UE sa tmiem l-2020 daqslikieku kien Stat Membru.

Baġit tal-UE għall-2019 (f'miljuni ta' ewro):

APPROPRJAZZJONIJIET SKONT L-INTESTATURA

Baġit 2019
(bidla nominali f'% meta mqabbla mal-2018)

Impenji

Pagamenti

1. Tkabbir intelliġenti u inklużiv:

80,527 (+3.9%)

67,557 (+1.4%)

Il-kompetittività għat-tkabbir u l-impjiegi

23,335 (+6.1%)

20,522 (+2.1%)

Koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali

57,192 (+3.0%)

47,035 (+1.1%)

2. Tkabbir Sostenibbli: riżorsi naturali

59,642 (+0.7%)

57,400 (+2.4%)

Nefqa relatata mas-suq u għajnuniet diretti

43,192 (-0.1%)

43,116 (-0.2%)

3. Sigurtà u Ċittadinanza

3,787 (+8.4%)

3,527 (+18.3%)

4. Ewropa Globali

11,319 (+12.4%)

9,358 (+5.1%)

5. Amministrazzjoni

9,943 (+2.9%)

9,945 (+2.9%)

Strumenti speċjali oħra

577 (-17.5%)

412 (-25.2%)

Approprjazzjonijiet totali

165,795 (+3.2%)

148,199 (+2.4%)

Sfond

Kull sena, normalment lejn l-aħħar tar-rebbiegħa, il-Kummissjoni Ewropea tippreżenta abbozz tal-baġit tal-UE. Din is-sena, il-Kummissjoni ppreżentat il-proposta inizjali tagħha fit-23 ta' Mejju 2018.

Fuq din il-bażi, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jieħdu pożizzjoni rispettiva. Din is-sena, il-Kunsill adotta l-pożizzjoni tiegħu formalment fl-4 ta' Settembru 2018. Il-Parlament Ewropew adotta l-pożizzjoni tiegħu fl-24 ta' Ottubru 2018.

Differenzi bejn il-pożizzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill huma indirizzati fi proċess ta' negozjar magħruf bħala l-"proċedura ta' konċiljazzjoni". Din is-sena, il-proċedura ta' konċiljazzjoni ta' 21 jum saret mit-30 ta' Ottubru sad-19 ta' Novembru iżda ma waslitx għal ftehim. Bħala l-pass li jmiss, fit-30 ta' Novembru 2018, il-Kummissjoni ppreżentat malajr proposta oħra.

Min-naħa tal-Parlament Ewropew, in-negozjati kienu mmexxija mis-Sur Jean Arthuis, President tal-Kumitat għall-Baġits, mis-Sur Daniele Viotti u s-Sur Paul Rübig, rapporteurs tal-baġit 2019. Min-naħa tal-Kunsill, in-negozjati ġew immexxija mill-Ministru Federali għall-Finanzi tal-Awstrija, is-Sur Hartwig Löger. Il-Kummissjoni Ewropea, li kellha l-irwol importanti ta' medjatur onest, kienet irrappreżentata mill-Kummissarju responsabbli għall-Baġit, is-Sur Günther H Oettinger, bl-għajnuna ta' esperti mid-Direttorat Ġenerali għall-Baġit.

Il-passi li jmiss

Sabiex il-kompromess li ntlaħaq illum jiġi ssiġillat, jenħtieġ li kemm il-Parlament Ewropew kif ukoll il-Kunsill japprovaw formalment it-test.

Għal Aktar Informazzjoni

- L-Abbozz ta' Baġit tal-UE 2019: Il-Kummissjoni tipproponi baġit iffukat fuq il-kontinwità u t-twettiq – għat-tkabbir, is-solidarjetà, is-sigurtà (23 ta' Mejju 2018)

- L-Abbozz ta' Baġit tal-UE 2019: Mistoqsijiet u Tweġibiet (23 ta' Mejju 2018)

- Il-proposta tal-Kummissjoni għall-baġit fit-tul tal-UE 2021-27: Il-Kummissjoni tipproponi baġit modern għal Unjoni li tipproteġi, li tagħti s-setgħa u li tiddefendi (2 ta' Mejju 2018)

* Updated at 22:08 on 05/12/2018 with the precise figure for Horizon 2020.

IP/18/6381

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar