Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Ir-rapport ta' progress tal-Kummissjoni Ewropea dwar ir-Rumanija permezz tal-Mekkaniżmu għall-Kooperazzjoni u l-Verifika

Strasburgu, it-13ta' novembru 2018

Ir-rapport ta' progress tal-Kummissjoni Ewropea dwar ir-Rumanija permezz tal-Mekkaniżmu għall-Kooperazzjoni u l-Verifika

Il-Kummissjoni Ewropea llum adottat l-aħħar rapport dwar l-iżviluppi fir-Rumanija sabiex tilħaq l-impenji tagħha għal riforma ġuridika u fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, fil-kuntest tal-Mekkaniżmu għall-Kooperazzjoni u l-Verifika (CVM - Cooperation and Verification Mechanism)

Ir-rapport tal-lum jieħu kont tas-sitwazzjoni minn Novembru 2017 'l hawn. Isemmi li filwaqt li r-Rumanija f'Jannar 2017 ħadet xi passi biex timplimenta l-aħħar 12-il rakkomandazzjoni maħruġa mill-Kummissjoni, sabiex jintlaħqu l-punti ta' riferiment tas-CVM, l-iżviluppi reċenti reġġgħu lura l-progress li sar u daħħlu dubju dwar il-valutazzjoni pożittiva li saret f'Jannar li għadda. Dan japplika b'mod partikolari għall-indipendenza ġudizzjarja, għar-riforma ġudizzjarja u sabiex tiġi miġġielda l-korruzzjoni f'livelli għoljin. Għaldaqstant, ir-rapport tal-lum jistabbilixxi għadd ta' rakkomandazzjonijiet addizzjonali għal segwitu immedjat.

L-Ewwel Viċi President, Frans Timmermans, qal: “Jiddispjaċini li r-Rumanija mhux biss interrompiet il-proċess ta' riforma tagħha, iżda wkoll fetħet mill-ġdid u għamlet passi lura fi kwistjonijiet fejn f'dawn l-aħħar 10 snin kien sar progress. Huwa essenzjali li minnufih ir-Rumanija terġa' taqbad it-triq it-tajba fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u li tara wkoll li jkun hemm ġudikatura li tkun indipendenti. Dan huwa l-uniku mod kif ir-Rumanija tista' terġa' taqbad it-triq biex jiġi konkluż il-proċess tas-CVM, għall-ġid taċ-ċittadini tagħha, tal-pajjiż u tal-UE kollha kemm hi.”

Fit-tnax il-xahar minn mindu ħareġ ir-rapport f'Novembru 2017, ir-Rumanija ħadet xi passi biex timplimenta r-rakkomandazzjonijiet fir-rapport ta' Jannar 2017. Madankollu, il-valutazzjoni tar-rapport ta' Jannar 2017 dejjem saret bil-kundizzjoni li jiġu evitati passi negattivi li jitfgħu dubju fuq il-progress li jkun sar f'dawn l-aħħar 10 snin. Id-dħul fis-seħħ tal-liġijiet emendati tal-ġustizzja, il-pressjoni fuq l-indipendenza ġudizzjarja inġenerali u b'mod partikolari fuq id-Direttorat Nazzjonali ta' Kontra l-Korruzzjoni (DNA - National Anti-Corruption Directorate), u passi oħra li dgħajfu l-ġlieda kontra l-korruzzjoni, reġġgħu lura jew tefgħu dubju fuq l-irriversibbiltà tal-progress. Il-Kummissjoni nnotat ukoll il-fatturi usa' li jmorru lil hinn mill-kamp ta' applikazzjoni tas-CVM, li iżda jħallu impatt fuq l-avvanz tar-riforma ġudizzjarja u fuq il-ġlieda kontra l-korruzzjoni. F'dan ir-rigward, ir-rapport isemmi li medja ħielsa u pluralistika għandha rwol importanti sabiex dawk li jkunu fil-poter jkunu responsabbli tal-azzjonijiet tagħhom, pereżempju billi jiġu żvelati każijiet ta' korruzzjoni potenzjali.

Bħala riżultat, it-12-il rakkomandazzjoni stabbiliti fir-rapport ta' Jannar 2017 ma humiex aktar biżżejjed sabiex tintlaħaq l-orjentazzjoni mogħtija mill-President Jean-Claude Juncker meta inħatar, biex jiġi konkluż is-CVM fil-mandat ta' din il-Kummissjoni. Ir-rapport għaldaqstant jistabbilixxi tmien rakkomandazzjonijiet addizzjonali biex jagħmlu tajjeb għal din is-sitwazzjoni. Dan jeħtieġ li l-istituzzjonijiet ewlenin tar-Rumanija juru impenn qawwi favur l-indipendenza ġudizzjarja u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni bħala sisien indispensabbli, u biex il-kontrolli u l-bilanċi nazzjonali jerġa' jkollhom il-kapaċità li jaġixxu meta hemm riskju ta' pass lura. Sabiex titranġa s-sitwazzjoni huma rrakkomandati dawn il-miżuri:

1. Liġijiet tal-ġustizzja:

  • Is-sospensjoni immedjata tal-implimentazzjoni tal-liġijiet tal-ġustizzja u sussegwentement tad-Digrieti ta' Emerġenza.
  • Ir-reviżjoni tal-liġijiet tal-ġustizzja li jieħdu kompletament kont tar-rakkomandazzjonijiet permezz tas-CVM u li jinħarġu mill-Kummissjoni ta' Venezja u mill-Grupp ta' Stati tal-Kunsill tal-Ewropa kontra l-Korruzzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa.

2. Ħatriet / tkeċċijiet fil-ġudikatura:

  • Is-sospensjoni immedjata ta' kull ħatra li tkun għaddeja u proċeduri ta' tkeċċija għal prosekuturi superjuri.
  • Jitnieda mill-ġdid proċess biex jiġi maħtur kap prosekutur tad-DNA b'esperjenza ppruvata fil-prosekuzzjoni tar-reati ta' korruzzjoni u b'mandat ċar biex id-DNA jkompli jwettaq investigazzjonijiet ta' korruzzjoni li jkunu professjonali u indipendenti u mhux favur partijiet.
  • Il-Kunsill Superjuri tal-Maġistratura jaħtar immedjatament tim interim għall-ġestjoni tal-Ispezzjoni Ġudizzjarja u biex fi żmien tliet xhur, permezz ta' kompetizzjoni, jiġi maħtur tim ta' ġestjoni ġdid fl-Ispezzjoni.
  • Jiġu rrispettati l-opinjonijiet negattivi mill-Kunsill Superjuri dwar ħatriet jew tkeċċijiet ta' prosekuturi f'karigi maniġerjali, sa meta qafas leġiżlattiv ġdid jkun fis-seħħ f'konformità mar-rakkomandazzjoni 1, minn Jannar 2017.

3. Kodiċi Kriminali

  • Jiġi ffriżat id-dħul fis-seħħ tat-tibdiliet fil-Kodiċi Kriminali u fil-Kodiċi ta' Proċedura Kriminali.
  • Terġa' tinfetaħ ir-reviżjoni tal-Kodiċi Kriminali u tal-Kodiċi ta' Proċedura Kriminali filwaqt li tittieħed inkonsiderazzjoni l-kompatibilità mal-liġi tal-UE u mal-istrumenti internazzjonali ta' kontra l-korruzzjoni, kif ukoll ir-rakkomandazzjonijiet permezz tac-CVM u l-opinjoni tal-Kummissjoni ta' Venezja.

Il-Kummissjoni se tkompli ssegwi mill-qrib u se tivvaluta s-sitwazzjoni qabel ma jintemm il-mandat tagħha. L-implimentazzjoni immedjata tal-miżuri addizzjonali hija essenzjali sabiex jerġa' jaqbad triqtu l-proċess ta' riforma u sabiex ikompli l-proċess biex is-CVM jiġi konkluż kif stabbilit fir-rapport ta' Jannnar 2017.

Il-kuntest

Fl-1 ta' Jannar 2007, il-Kummissjoni stabbiliet il-Mekkaniżmu għall-Kooperazzjoni u l-Verifika biex jiġi vvalutat il-progress fl-impenji li ħadet ir-Rumanija fl-oqsma tar-riforma ġudizzjarja u fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Sa mill-2007, il-Kummissjoni rrappurtat dwar il-progress f'dawn l-oqsma fuq bażi regolari f'rapporti bil-miktub lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Ir-rapporti huma bbażati fuq kuntratti mal-Istati Membri, mas-soċjetà ċivili, mal-organizzazzjonijiet internazzjonali, mal-esperti indipendenti u ma' għadd ta' sorsi oħra. Il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni u l-metodoloġija tas-CVM konsistement kellhom appoġġ qawwi mill-Kunsill tal-Ministri fil-konklużjonijiet tal-Kunsill wara kull rapport.

Ir-rapport tas-CVM ta' Jannar 2017 qies is-CVM tul 10 snin, b'ħarsa ġenerali lejn il-kisbiet u l-isfidi li għad fadal, u stabbilixxa l-passi ewlenin li għad fadal biex jintlaħqu l-objettivi tas-CVM. Il-Kummissjoni għamlet 12-il rakkomandazzjoni li jekk jintlaħqu mir-Rumanija, jitqiesu bħala li huma biżżejjed biex jiġi konkluż is-CVM, dment li l-ebda żvilupp ieħor ma jbiddel ix-xejra li ħa l-progress. Ir-rapport ta' Jannar enfasizza wkoll li l-ħeffa tal-proċess tiddependi minn kemm ir-Rumanija se tkun kapaċi twettaq ir-rakkomandazzjonijiet malajr b'mod irriversibbli. L-ewwel valutazzjoni f'Novembru s-sena li għaddiet semmiet li filwaqt li sar progress ‘l quddiem sew sabiex jitwettqu xi rakkomandazzjonijiet, l-ispinta kumplessiva tar-riforma matul l-2017 waqfet, li wassal għal dewmien fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet li għad fadal u għar-riskju li jerġgħu jinfetħu l-kwistjonijiet imqajma fir-rapport ta' Jannar 2017, li kienu meqjusin li twettqu. L-isfidi għall-indipendenza tal-ġudikatura u d-dubju dwar l-indipendenza tagħha kienu wkoll sors kostanti ta' tħassib.

Dan ir-rapport huwa kkumplimentat minn dokument ta' ħidma tal-persunal li jistabbilixxi l-analiżi ddettaljata tal-Kummissjoni u li jiġbed konklużjonijiet mid-djalogu kontinwu bejn l-awtoritajiet Rumeni u s-servizzi tal-Kummissjoni.

Għal aktar informazzjoni

MEMO – Rapport tas-CVM dwar il-Bulgarija u r-Rumanija: Mistoqsijiet u Tweġibiet

Ir-Rapporti tas-CVM kollha

 

IP/18/6365

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar