Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-Kummissjoni Ewropea tippreżenta r-rapport tagħha dwar il-progress fil-Bulgarija skont il-Mekkaniżmu għall-Kooperazzjoni u l-Verifika

Strasburgu, it-13ta' novembru 2018

Il-Kummissjoni Ewropea tippreżenta r-rapport tagħha dwar il-progress fil-Bulgarija skont il-Mekkaniżmu għall-Kooperazzjoni u l-Verifika

Il-Kummissjoni Ewropea llum adottat l-aktar rapport reċenti tagħha dwar il-passi meħuda mill-Bulgarija biex tissodisfa l-impenji tagħha dwar ir-riforma ġudizzjarja, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, fil-kuntest tal-Mekkaniżmu għall-Kooperazzjoni u l-Verifika (CVM).

Ir-rapport tal-lum jagħti ħarsa lejn il-progress li sar matul l-aħħar sena sabiex jiġu ssodisfati s-17-il rakkomandazzjoni finali maħruġa mill-Kummissjoni f'Jannar 2017 u jinnota b'mod pożittiv l-isforzi kontinwi mill-Bulgarija, u d-determinazzjoni tagħha, li timplimenta dawk ir-rakkomandazzjonijiet. Il-Kummissjoni hija fiduċjuża li l-Bulgarija - jekk timxi max-xejra pożittiva preżenti - se tkun tista' tissodisfa r-rakkomandazzjonijiet kollha li fadal u b'hekk anki l-punti ta' referenza pendenti. Dan ikun jippermetti li l-proċess ta' CVM għall-Bulgarija jkun jista' jiġi konkluż qabel tmiem il-mandat ta' din il-Kummissjoni - f'konformità mal-orjentazzjoni mogħtija mill-President Jean-Claude Juncker malli beda l-inkarigu tiegħu.

L-Ewwel Viċi President Frans Timmermans qal: “Dan ir-rapport jirrikonoxxi li l-Bulgarija kompliet tagħmel progress kostanti fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet finali li aħna konna stabbilejna f'Jannar 2017. Dawn ir-riformi huma neċessarji biex il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata tkun tista' ssir b'mod effettiv. Jekk ix-xejra pożittiva preżenti tkompli, u jekk jinżamm il-progress b'mod sostenibbli u irriversibbli, jien fiduċjuż li l-proċess ta' CVM għall-Bulgarija jkun jista' jiġi konkluż qabel il-mandat ta' din il-Kummissjoni.”  

Matul it-tnax-il xahar mill-aħħar rapport ta' Novembru 2017, il-Bulgarija kompliet bl-isforzi tagħha biex timplimenta r-rakkomandazzjonijiet stabbiliti fir-rapport ta' Jannar 2017. Il-Kummissjoni tqis li diversi rakkomandazzjonijiet diġà ġew implimentati u li għadd ta' oħrajn dalwaqt jiġu implimentati wkoll. Abbażi ta' dan, tliet punti ta' referenza (l-indipendenza tal-ġudikatura, il-qafas leġiżlattiv u l-kriminalità organizzata) minn sitta, jistgħu jitqiesu bħala li huma magħluqa b'mod proviżorju. Meta jitqies li f'ċerti każijiet l-iżviluppi għadhom għaddejjin, huwa meħtieġ monitoraġġ kontinwu mill-Kummissjoni sabiex din l-evalwazzjoni tkun ikkonfermata.

Hemm bżonn li l-Bulgarija tkompli tiżviluppa sensiela pożittiva ta' riżultati konkreti sabiex tikkonsolida l-progress li sar. Din ix-xejra pożittiva hemm bżonn li tinżamm taħt is-CVM u se jkun hemm bżonn ta' monitoraġġ kontinwu mill-awtoritajiet Bulgari wara l-għeluq tas-CVM. Ir-rappurtaġġ trasparenti mill-awtoritajiet Bulgari u l-iskrutinju pubbliku u ċiviku se jkollhom rwol importanti fl-internalizzazzjoni tal-monitoraġġ fil-livell nazzjonali u fil-provvista tas-salvagwardji neċessarji għaż-żamma tal-perkors ta' progress u riforma. Barra minn dan, ir-rapport tal-Kummissjoni jinnota li matul dawn l-aħħar snin is-sitwazzjoni fil-Bulgarija fejn tidħol il-medja marret lura b'mod sinifikanti, u minħabba f'hekk hemm ir-riskju li l-aċċess tal-pubbliku għall-informazzjoni jiġi ristrett u dan jista' jkollu impatt negattiv fuq l-indipendenza ġudizzjarja, bl-attakki immirati lejn xi ġudikanti li jidhru f'ċerti sezzjonijiet tal-medja. B'mod aktar wiesa', il-ħila tal-medja, kif ukoll tas-soċjetà ċivili, li żżomm taħt skrutinju lil dawk li jeżerċitaw il-poter, f'ambjent pluralistiku ħieles minn kull pressjoni, hija pedament importanti li għandu jiġi segwit fis-CVM, kif ukoll għal governanza aħjar b'mod ġenerali.

Il-Kummissjoni hija fiduċjuża li l-Bulgarija se tkompli bl-isforzi tagħha ta' riforma u se tkun tista' twettaq ir-rakkomandazzjonijiet kollha li jifdal. Hija se tkompli ssegwi mill-qrib il-progress u se tagħmel evawazzjoni ulterjuri dwar il-progress li jkun sar qabel tmiem il-mandat ta' din il-Kummissjoni. Il-Kummissjoni tistenna li, permezz ta' dan, il-proċess ta' CVM għall-Bulgarija jkun konkluż. Sabiex jintlaħaq dan l-objettiv, il-Bulgarija hija mistiedna tibqa' għaddejja bix-xejra pożittiva li qabdet lejn l-implimentazjoni tar-rakkomandazzjonijiet kollha li fadal.

L-isfond

Fl-1 ta' Jannar 2007, il-Kummissjoni stabbiliet il-Mekkaniżmu għall-Kooperazzjoni u l-Verifika (CVM) sabiex tevalwa l-progress rigward l-impenji li saru mill-Bulgarija fl-oqsma tar-riforma ġudizzjarja u fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata. Sa mill-2007, il-Kummissjoni ppreżentat rapporti dwar il-progress f'dawn l-oqsma fuq bażi regolari f'rapporti bil-miktub lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Kuntatti li saru ma' Stati Membri, mas-soċjetà ċivili, organizzazzjonijiet internazzjonali, esperti indipendenti kif ukoll varjetà ta' sorsi oħra kienu ta' kontribut importanti għar-rapporti. Il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni u l-metodoloġija tas-CVM igawdu b'mod konsistenti appoġġ qawwi mill-Istati Membri fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill wara kull rapport.

Ir-rapport tas-CVM ta' Jannar 2017 ħa kont ta' għaxar snin tas-CVM, b'ħarsa ġenerali lejn il-kisbiet u l-isfidi li fadal, u stabbilixxa l-passi kruċjali li fadal meħtieġa għall-kisba l-objettivi tas-CVM. Il-Kummissjoni għamlet 17-il rakkomandazzjoni li, jekk jiġu ssodisfati mill-Bulgarija, jistgħu jitqiesu bħala biżżejjed biex is-CVM jkun jista' jingħalaq, sakemm ma jiġrix li xi żviluppi oħra jdawru ta' taħt fuq id-direzzjoni tal-progress. Ir-rapport ta' Jannar kien ukoll irrimarka li l-veloċità tal-proċess tkun tiddependi fuq kemm tkun se ddum il-Bulgarija biex tissodisfa r-rakkomandazzjonijiet b'mod irriversibbli. L-ewwel evalwazzjoni tal-progress dwar is-17-il rakkomandazzjoni kienet adottata f'Novembru 2017, iżda l-Kummissjoni f'dak iż-żmien kienet ikkonkludiet li l-ebda livell ta' referenza ma kien intlaħaq b'mod sodisfaċenti.

Ir-rapport tal-lum jieħu f'kunsiderazzjoni l-passi li ttieħdu mill-Bulgarija sa minn Novembru 2017. Huwa jieħu f'kunsiderazzjoni l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar kif l-awtoritjaiet Bulgari segwew is-17-il rakkomandazzjoni, u huwa kkumplimentat minn dokument ta' ħidma tal-persunal li jfisser l-analiżi dettaljata tal-Kummissjoni, imsejjes fuq djalogu kontinwu bejn l-awtoritajiet Bulgari u s-servizzi tal-Kummissjoni.

Għal aktar tagħrif

MEMO – Rapporti tas-CVM dwar il-Bulgarija u r-Rumanija: Mistoqsijiet u Tweġibiet

Ir-Rapport kollha tas-CVM

IP/18/6364

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar