Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

L-Unjoni tas-Sigurtà: Il-proposta tal-Kummissjoni għal Aġenzija eu-LISA aktar bsaħħitha ġiet adottata

Brussell, id-9ta' novembru 2018

Illum, il-Kunsill adotta l-proposta tal-Kummissjoni biex isaħħaħ l-eu-LISA, l-Aġenzija tal-UE responsabbli għat-tmexxija operattiva tas-sistemi ta' informazzjoni fuq skala kbira fl-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja.

Prijorità politika għall-2018-2019, l-Aġenzija eu-LISA msaħħa se tiżgura li sistemi ta' informazzjoni tal-UE għall-migrazzjoni, is-sigurtà u l-ġestjoni tal-fruntieri jkunu aktar interoperabbli u se tgħin biex tagħlaq lakuni importanti.

Filwaqt li laqgħa l-adozzjoni, il-Kummissarju Ewropew għall-Migrazzjoni, l-Affarijiet Interni u ċ-Ċittadinanza, Dimitris Avramopoulos, qal: “Mill-lum' il quddiem, l-Aġenzija eu-LISA se tinbidel f'ċentru ewlieni saħansitra aktar b'saħħtu tas-sistemi tal-informazzjoni kollha tagħna għall-fruntieri, għall-migrazzjoni u għas-sigurtà. L-informazzjoni hija għodda b'saħħitha u l-Aġenzija msaħħa se tgħin biex tiżgura li l-uffiċjali tal-immigrazzjoni, il-gwardji tal-fruntieri u l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jkollhom l-informazzjoni korretta, fil-ħin it-tajjeb. Se tgħinna nikkollegaw il-punti kollha lejn Sigurtà tal-Unjoni effettiva u ġenwina” 

Il-Kummissarju għall-Unjoni tas-Sigurtà Julian King qal: “It-tisħiħ tal-eu-LISA huwa pass essenzjali ‘l quddiem fl-isforzi tagħna biex nagħmlu s-sistemi ta' informazzjoni tagħna aktar interoperabbli. Dan, min-naħa tiegħu, se jiżgura li l-uffiċjali tal-pulizija u l-gwardji tal-fruntiera jingħataw informazzjoni kompleta, preċiża u affidabbli sabiex ikunu jistgħu jagħmlu xogħolhom b'mod effettiv u effiċjenti. Issa se naħdmu flimkien mal-koleġiżlaturi biex nilħqu ftehim dwar il-proposti tagħna għall-interoperabbiltà kemm jista' jkun malajr.”

L-aġġornament tal-Aġenzija eu-LISA, propost mill-Kummissjoni f'Ġunju 2017, se jippermetti lill-Aġenzija biex ikollha iktar kompiti u tipprovdi tmexxija operattiva ċentralizzata ta' sistemi tal-informazzjoni tal-UE għall-migrazzjoni, is-sigurtà u l-ġestjoni tal-fruntieri. L-eu-LISA msaħħa se:

  • Tnedija tal-interoperabilità tas-sistemi ta' informazzjoni tal-UE: ladarba jiġu adottati l-proposti tal-Kummissjoni, eu-LISA se tkun responsabbli għall-implimentazzjoni gradwali tal-komponenti tekniċi biex is-sistemi ta' informazzjoni tal-UE jsiru interoperabbli;

  • Żvilupp ta' sistemi futuri: b'baġit propost ta' EUR 2 biljun għall-perjodu 2019–2027, l-Aġenzija se tiżviluppa u tiġġestixxi sistemi futuri ta' informazzjoni tal-UE fuq skala kbira bħas-Sistema ta' Dħul/Ħruġ (EES), is-Sistema Ewropea ta' Informazzjoni u ta' Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS) u s-Sistema Ewropea ta' Informazzjoni ta' Rekords Kriminali (ECRIS-TCN) aġġornata;

  • L-aġġornament ta' sistemi eżistenti: l-Aġenzija se jkollha l-kompitu ta' manutenzjoni u l-aġġornament tas-sistemi eżistenti, bħas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen (SIS), is-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) u Eurodac, li għalihom hija diġà responsabbli;

  • Appoġġ lill-Istati Membri: l-Aġenzija se tkun tista' tipprovdi aktar appoġġ tekniku u operazzjonali ad hoc lill-Istati Membri.

Il-passi li jmiss

Il-proposta adottata llum mill-Kunsill, u li saret votazzjoni dwarha mill-Parlament Ewropew fil-5 ta' Lulju 2018, issa se tiġi ffirmata b'mod konġunt mill-President tal-Parlament Ewropew u mill-Presidenza Awstrijaka tal-Kunsill. It-test imbagħad jiġi ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u jidħol fis-seħħ 20 jum wara. L-Aġenzija eu-LISA msaħħa se tiżviluppa infrastruttura vitali għas-Sistema Ewropea ta' Informazzjoni u ta' Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS) u għas-Sistema ta' Dħul u Ħruġ (EES) biex dawn is-sistemi ta' informazzjoni ġodda jsiru operattivi sa tmiem l-2021.

Sfond

Fid-diskors tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni tal-2016, il-President Juncker enfasizza l-importanza li jingħelbu n-nuqqasijiet attwali fil-ġestjoni tad-data u li titjieb l-interoperabbiltà tas-sistemi ta' informazzjoni eżistenti. F'April 2016, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat Komunikazzjoni dwar sistemi ta' informazzjoni aktar b'saħħithom u aktar intelliġenti filwaqt li bdiet diskussjoni dwar kif tara li s-sistemi ta' informazzjoni tal-UE jaħdmu aħjar biex ittejjeb il-ġestjoni tal-fruntieri u tas-sigurtà interna.

Minn dak iż-żmien ‘l hawn, il-Kummissjoni ppreżentat, u rrappurtat b'mod regolari dwar il-progress li sar biex jingħalqu l-lakuni ta' informazzjoni li fadal fis-sistemi ta' informazzjoni tal-UE, sabiex dawn jaħdmu flimkien b'mod aktar intelliġenti u effettiv. Dan jinkludi t-tisħiħ tal-mandat tal-eu-LISA, li l-Kummissjoni pproponiet f'Ġunju 2017, u li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill impenjaw ruħhom li jadottaw bħala kwistjoni ta' prijorità fid-Dikjarazzjoni Konġunta dwar il-prijoritajiet leġiżlattivi tal-UE 2018–2019.

L-Aġenzija eu-LISA bdiet l-operazzjonijiet tagħha f'Diċembru 2012 u hija responsabbli għat-tmexxija operattiva tas-sistemi ta' informazzjoni tal-UE: SIS II, VIS u EURODAC. Il-kompitu operazzjonali prinċipali tagħha hu li tiżgura li dawn is-sistemi jaħdmu 24 siegħa kuljum, sebat ijiem fil-ġimgħa. L-Aġenzija għandha wkoll il-kompitu li tiżgura li l-miżuri meħtieġa ta' sigurtà jkunu fis-seħħ, u li s-sigurtà u l-integrità tad-data, kif ukoll il-konformità mar-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data, jiġu żgurati b'mod effettiv.

Għal aktar informazzjoni

Stqarrija għall-istampa - Unjoni tas-Sigurtà: Il-Kummissjoni tilqa' l-adozzjoni mill-Parlament Ewropew tas-Sistema Ewropea ta' Informazzjoni u ta' Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS) u Aġenzija eu-LISA aktar b'saħħitha

Dikjarazzjoni - L-Unjoni tas-Sigurtà: Aġenzija tal-UE iktar b'saħħitha għall-ġestjoni ta' sistemi ta' informazzjoni għas-sigurtà u l-fruntieri

Stqarrija għall-istampa - Unjoni tas-Sigurtà: Il-Kummissjoni twettaq l-impenji tagħha dwar l-interoperabbiltà tas-sistemi ta' informazzjoni tal-UE

Skeda informattiva: L-Unjoni tas-Sigurtà: Jingħalqu l-lakuni ta' Informazzjoni

L-Aġenzija eu-LISA - websajt

IP/18/6324

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar