Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-Ġimgħa Ewropea għall-Ħiliet Vokazzjonali 2018 tgħin lil miljuni ta' nies biex jiskopru l-benefiċċji tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali

Brussell, id-9ta' novembru 2018

Illum qed tintemm l-edizzjoni tal-2018 tal-Ġimgħa Ewropea għall-Ħiliet Vokazzjonali, organizzata mill-Kummissjoni Ewropea b'kooperazzjoni mal-Presidenza Awstrijaka.

Bis-saħħa ta' 1,512-il avveniment li saru fl-Ewropa kollha, il-kampanja s'issa laħqet lil 2.2 miljun ruħ, 1.2 miljun aktar mis-sena l-oħra. U l-kampanja ma tieqafx hawn, għaliex sa Diċembru 2018 se jkomplu jiġu organizzati ħafna aktar attivitajiet u avvenimenti assoċjati fl-Ewropa kollha. Biex tagħlaq il-Ġimgħa, il-Kummissarju għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali, il-Ħiliet u l-Mobbiltà tal-Ħaddiema, Marianne Thyssen, ħabbret ir-rebbieħa tal-Premjijiet għall-Eċċellenza tal-ETV tal-2018.

Fl-avveniment tal-għeluq iċċelebrat illum fil-Kamra Ekonomika Federali Awstrijaka fi Vjenna, il-Kummissarju Thyssen, qalet: “Huwa pjaċir għalija llum li qiegħda hawnhekk u li qed inħoss l-appoġġ li hemm għall-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali fl-Ewropa kollha. Kull wieħed u waħda minnkom ikkontribwixxa għas-suċċess ta' din it-tielet Ġimgħa Ewropea għall-Ħiliet Vokazzjonali. Il-kampanja tagħna laħqet lil miljuni ta' Ewropej biex tikkonvinċihom li l-ETV huma fost l-aħjar għażliet. Bl-għajnuna tagħkom, se nkolmplu l-ħidma tagħna biex l-ETV jitqiegħdu fil-pożizzjoni li tistħoqqilhom: għażla li twassal għal karrieri ta' suċċess u għażla li tibbenefika lill-Ewropa kollha.” 

Il-Ministru tal-Awstrija għall-Affarijiet Diġitali u Ekonomiċi, Dr. Margarete Schramböck qalet: “Matul il-Ġimgħa Ewropea għall-Ħiliet fi Vjenna, rappreżentanti u esperti mill-Istati Membri kollha ddiskutew u ħadmu b'mod intensiv fuq l-iżvilupp imsaħħaħ tal-ETV fl-Ewropa. L-interess mifrux u r-rieda li jingħata appoġġ jagħtina sinjal ċar, kemm huma importanti l-ETV sabiex nittrattaw il-ħtiġijiet futuri tal-ħiliet u biex nagħmlu l-aħjar użu possibbli mill-opportunitajiet li jirriżultaw għall-ekonomija u s-soċjetà.” 

Heinz Fassmann, il-Ministru Federali Awstrijak tal-Edukazzjoni, ix-Xjenza u r-Riċerka, qal: “L-edizzjoni tal-2018 tal-Ġimgħa Ewropea għall-Ħiliet Vokazzjonali kienet suċċess kbir. Għal darb'oħra, din uriet b'mod ċar l-appoġġ enormi għall-ETV fl-Istati Membri kollha tal-UE u l-isforzi li saru fil-livell Ewropew biex l-ETV isiru għażla primarja reali. Minħabba r-rwol li għandhom l-ETV hawnhekk fl-Awstrija, il-Presidenza Awstrijaka ħassitha onorata li tkun parti mill-edizzjoni ta' din is-sena.” 

Il-President Awstrijak tal-Kamra Ekonomika Federali, Harald Mahrer tenna: “Għandi pjaċir nospita l-Ġimgħa Ewropea tal-Ħiliet Vokazzjonali fil-Kamra Ekonomika Federali Awstrijaka. “DiscoverYourTalent” bħala l-messaġġ ewlieni tal-Ġimgħa Ewropea għall-Ħiliet Vokazzjonali ta' din is-sena jwassal biex is-sistema doppja tal-Awstrija tkun meqjusa bħala l-Aqwa Prattika fl-Unjoni Ewropea. Bħalissa bejn wieħed u ieħor 40 fil-mija taż-żgħażagħ Awstrijaċi jidħlu f'taħriġ tal-apprendistat meta jlestu l-edukazzjoni obbligatorja. Dan fil-fatt huwa bis-saħħa tal-isforz li jagħmlu l-kumpaniji biex ilaħħqu ma' problema mifruxa fl-Ewropa kollha, in-nuqqas ta' impjegati tas-sengħa. Din il-kooperazzjoni mill-qrib tal-ekonomija u l-edukazzjoni hija wieħed mill-aktar fatturi ta' suċċessi importanti biex wieħed ikollu sistema ta' apprendistat attraenti.”

Din il-ġimgħa ġiet organizzata bl-involviment u bl-appoġġ qawwi ta' żewġ Aġenziji tal-UE - iċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta' Taħriġ Vokazzjonali (Cedefop) u l-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ. Matul il-Ġimgħa, is-Cedefop organizza konferenza dwar il-futur tal-ETV, l-Alleanza Ewropea għall-Apprendistati ċċelebrat il-ħames anniversarju tagħha, u l-Kummissjoni flimkien mal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) ospitat Forum dwar it-tagħlim għall-adulti.

Fl-aħħar nett, l-avveniment tal-għeluq tal-lum kien jinkludi ċerimonja tal-għoti tal-premjijiet u preżentazzjoni tal-Ambaxxaturi tal-Ġimgħa Ewropea għall-Ħiliet Vokazzjonali 2018. Kemm l-inizjattivi ppremjati kif ukoll it-testimonjanzi tal-ambaxxaturi tal-ETV jenfasizzaw u jikkonfermaw ir-rwol kruċjali tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali biex jgħinu lin-nies jaħtfu l-opportunitajiet offruti mid-dinja l-ġdida tax-xogħol.

Premjijiet għall-Eċċellenza tal-ETV tal-2018 

Il-Premjijiet għall-Eċċellenza tal-ETV tal-2018, li tat il-Kummissarju Thyssen waqt il-konferenza tal-għeluq tal-Ġimgħa għall-Ħiliet tal-ETV tal-2018, jiċċelebraw eżempji eċċezzjonali tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali fl-Ewropa u jaġixxu bħala punt ta' riferiment għall-eċċellenza fil-qasam kollu.

Il-lista sħiħa tar-rebbieħa u l-kategoriji:

1 Kumpaniji u Studenti

  • Alleanza Ewropea għall-Apprendistati - Apprendista. Rebbieħ – Domenico Calabrese, l-Italja; Alleanza Ewropea għall-Apprendistati - Kumpaniji Kbar. Rebbieħa – ESB Networks DAC, l-Irlanda; Alleanza Ewropea għall-Apprendistati - Kumpaniji Żgħar. Rebbieħ - Atelier du Pain, Franza
  • Taħriġ fuq il-Post tax-Xogħol. Rebbieħa – Human Partner Sp. Z o.o. u Joanna Kamola, il-Polonja
  • Il-Kompetizzjoni tal-Ħiliet Internazzjonali. Rebbieħ – Daniel Gerber, Ħiliet tal-Installazzjoni Elettrika, l-Iżvizzera
  • Junior Achievement (JA) l-Ewropa. Rebbieħ – Marmatia Technological High School, Simona ONA, ir-Rumanija

2 Innovaturi tal-ETV

  • Fornitur tal-ETV Innovattiv. Rebbieħ – Xabec Vocational Training Centre, Spanja
  • Selezzjoni speċjali fil-kuntest tas-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali – Compagnons du Devoir et du Tour de France, Franza
  • Għalliem u Min Iħarreġ. Rebbieħa – Joanna Żebrowska, il-Polonja
  • Riċerkatur tal-ETV. Rebbieħ – Learning Layers, l-Estonja 

3 Finanzjament Ewropew għall-Eċċellenza

  • Proġett tal-Fond Soċjali Ewropew. Rebbieħ – Closer to the Labour Market 2, il-Polonja
  • Proġett tal-Erasmus+. Rebbieħ – Mobile Learning in VET towards 2020, l-Italja

4 Premjijiet tal-Aġenziji Ewropej

Żur is-sit web tal-Ġimgħa Ewropea għall-Ħiliet Vokazzjonali għal aktar dettalji dwar il-kategoriji u r-rebbieħa. 

Kuntest

It-tielet Ġimgħa Ewropea għall-Ħiliet Vokazzjonali saret fi Vjenna mill-5 sad-9 ta' Novembru. Il-motto għall-Ġimgħa, li hija organizzata mill-Kummissjoni Ewropea, huwa “Skopri t-Talent tiegħek”. L-għan tal-Ġimgħa huwa li turi li l-ETV huma għażla intelliġenti, li jwasslu għall-eċċellenza fl-edukazzjoni, għal impjiegi ta' kwalità għolja u għal impjegabilità akbar. Din hija waħda mill-għaxar azzjonijiet ewlenin proposti mill-Kummissjoni bit-tema L-Aġenda l-Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa, imnedija f'Ġunju tal-2016. L-importanza tal-ħiliet xierqa hija rikonoxxuta wkoll fil-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, impenn konġunt tal-istituzzjonijiet Ewropej u l-Istati Membri kollha.

Turija tas-suċċess tal-Ġimgħa, din is-sena s'issa kien hemm: 

  • 8 avvenimenti nazzjonali organizzati
  • Avvenimenti f'47 pajjiż
  • Aktar minn 500 parteċipant li attendew il-Ġimgħa uffiċjali fi Vjenna
  • L-involviment ta' 26 Ambaxxatur nazzjonali u pan-UE

L-avvenimenti skont il-pajjiż jinsabu hawn.

Għal aktar informazzjoni

Stqarrija għall-istampa: Edukazzjoni u Taħriġ Vokazzjonali fil-qalba tal-Ewropa: It-tnedija tat-tielet Ġimgħa Ewropea tal-Ħiliet Vokazzjonali

Sit web u mappa tal-avvenimenti tal-Ġimgħa Ewropea għall-Ħiliet Vokazzjonali

Paġna tal-Avvenimenti fuq Facebook: Il-Ġimgħa Ewropea għall-Ħiliet Vokazzjonali 2018

Sit web tal-Presidenza Awstrijaka tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea 2018

Segwi lil Marianne Thyssen fuq Facebook u fuq Twitter, #EUVocationalSkills #DiscoverYourTalent

 

IP/18/6305

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar