Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-Kummissjoni titlob lill-għassies finanzjarju Malti fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus biex jintensifika s-superviżjoni tal-banek

Brussell, it-8ta' novembru 2018

Il-Kummissjoni Ewropea llum adottat opinjoni li titlob lis-superviżur Malti fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus (il-Financial Intelligence Analysis Unit) biex ikompli jieħu miżuri addizzjonali biex jikkonforma bis-sħiħ mal-obbligi tiegħu skont ir-raba' Direttiva dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus.

Wara t-talba tal-Kummissjoni, l-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) investigat u kkonkludiet li l-Financial Intelligence Analysis Unit (FIAU) ta' Malta kienet qed tikser il-liġi tal-Unjoni u ħarġet rakkomandazzjoni fil-11 ta' Lulju 2018. Hija kkunsidrat li Malta naqset milli tissorvelja b'mod korrett l-istituzzjonijiet finanzjarji u tiżgura l-konformità tagħhom mar-regoli fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus.

Filwaqt li tibni fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Awtorità Bankarja Ewropea u filwaqt li tqis u tirrikonoxxi l-miżuri adottati minn Malta biex tindirizza n-nuqqasijiet identifikati, sadanittant, il-Kummissjoni Ewropea llum adottat opinjoni formali fuq il-bażi tar-regolament EBA. L-opinjoni qed titlob lis-superviżur Malti fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus (il-Financial Intelligence Analysis Unit) biex jieħu miżuri addizzjonali biex jikkonforma bis-sħiħ mal-obbligi tiegħu skont ir-raba' Direttiva dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus biex jissorvelja b'mod effikaċi l-istituzzjonijiet finanzjarji fit-territorju tiegħu, inkluż billi jkun hemm reġim effettiv ta' sanzjonijiet fis-seħħ.

L-Ewwel Viċi President Frans Timmermans qal: “Biex inħarsu s-sigurtà tal-Ewropej u niżguraw sistema finanzjarja sikura u affidabbli, kull awtorità f'kull Stat Membru trid tirrispetta r-regoli tal-UE dwar il-ħasil tal-flus b'mod sħiħ. Aħna nibqgħu viġilanti u lesti biex naġixxu biex ikun hemm rimedju sħiħ għal kwalunkwe ksur u li prassi superviżorja aħjar tiżgura li dan ma jerġax iseħħ.”

Il-Viċi President tal-Kummissjoni, Valdis Dombrovskis, responsabbli għall-Istabilità Finanzjarja, is-Servizzi Finanzjarji u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali, qal: “Aħna rridu nassiguraw li r-riskji tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu fis-settur finanzjarju huma vvalutati b'mod xieraq u mitigati mill-awtoritajiet superviżorji. L-Awtorità Bankarja Ewropea tikkontribwixxi għall-applikazzjoni armonizzata tar-regoli ta' superviżjoni kontra l-ħasil tal-flus. Il-proposta tagħna ta' Settembru se tagħti l-EBA l-istrumenti addizzjoni u r-riżorsi meħtieġa biex jiġu żgurati kooperazzjoni u konverġenza effettiva ta' standards superviżorji. Jiena se niddependi fuq il-kooperazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex din il-proposta ssir leġiżlazzjoni kemm jista' jkun malajr.”

Il-Kummissarju għall-Ġustizzja, il-Konsumaturi u l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri, Vera Jourová, żiedet:” L-Ewropa għandha l-aktar regoli b'saħħithom kontra l-ħasil tal-flus fid-dinja kollha. Iżda jeħtieġ li jiġu infurzati bl-istess standards għoljin madwar l-UE biex jiġi evitat il-ħolqien ta' kwalunkwe ħolqa dgħajfa. Malta u pajjiżi oħra jeħtieġ li jkollhom awtoritajiet mgħammra sew u regoli implimentati b'mod sħiħ. Il-Kummissjoni se tuża l-poteri kollha tagħha, inklużi proċeduri ta' ksur, biex tagħlaq kwalunkwe lakuna fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus.”

B'mod aktar konkret, il-Kummissjoni Ewropea tistieden lill-Financial Intelligence Analysis Unit ta' Malta biex tieħu numru ta' inizjattivi, li jinkludu:

  • Ittejjeb il-metodoloġija tagħha biex tivvaluta r-riskji ta' ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu;
  • Issaħħaħ l-istrateġija ta' monitoraġġ u s-superviżjoni tagħha billi tallinja r-riżorsi mar-riskju ta' ħasil tal-flus maħluq minn ċerti istituzzjonijiet;
  • Tiżgura li l-awtorità tkun kapaċi tirreaġixxi f'ħin xieraq meta jiġi identifikat nuqqas, inkluż bir-reviżjoni tal-proċeduri tas-sanzjonar tagħha;
  • Tiżgura li t-teħid ta' deċiżjonijiet tagħha hu raġunat u dokumentat b'mod xieraq;
  • Tadotta proċessi sistematiċi u dettaljati għaż-żamma tar-rekords għal spezzjonijiet barra mis-sit.

Titjib fl-implimentazzjoni tar-regoli kontra l-ħasil tal-flus tal-UE madwar l-UE

Il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu hi prijorità għall-Kummissjoni Juncker. Il-Kummissjoni qed tuża l-għodda kollha għad-dispożizzjoni tagħha biex tiżgura li jiġu applikati l-ogħla standards Ewropej fil-prattika mal-UE.

F'dan il-każ, il-Kummissjoni użat għall-ewwel darba s-setgħa tagħha li titlob lill-Awtorità Bankarja Ewropea li tinvestiga ksur potenzjali tal-liġi tal-Unjoni minn awtorità ta' Stat Membru. Il-Kummissjoni minn dak iż-żmien talbet ukoll lill-Awtorità Bankarja Ewropea biex tmexxi inkjesta fuq l-awtoritajiet kompetenti fil-Latvja, id-Danimarka u l-Estonja, fejn każijiet riċenti qajmu tħassib dwar l-infurzar effettiv tar-regoli kontra l-ħasil tal-flus mill-awtoritajiet nazzjonali. L-awtorità Bankarja Ewropea għandha rwol importanti fil-promozzjoni tal-konverġenza u l-prattiki superviżorji biex tiżgura l-applikazzjoni armonizzata ta' regoli ta' superviżjoni kontra l-ħasil tal-flus.

Sabiex tindirizza l-lakuni li għad hemm fil-qafas legali attwali fuq livell Ewropew, il-Kummissjoni adottat fit-12 ta' Settembru 2018 Komunikazzjoni u proposta biex issaħħaħ ulterjorment il-mandat tal-EBA biex tindirizza aħjar ir-riskji tal-ħasil tal-flus u biex ittejjeb il-kooperazzjoni u l-qsim ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet superviżorji. Il-proposta teħtieġ li tiġi adottata mill-koleġiżlaturi bħala prijorità.

L-adozzjoni tar-raba' u l-ħames Direttivi Kontra l-Ħasil tal-Flus saħħet konsiderevolment il-qafas regolatorju tal-UE, inklużi r-regoli dwar il-kooperazzjoni bejn is-superviżuri tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u dawk prudenzjali. Il-Kummissjoni qed issegwi mill-qrib l-implimentazzjoni korretta tar-raba' Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus inkluż permezz ta' proċeduri ta' ksur fejn meħtieġ. Il-Kummissjoni s'issa fetħet proċeduri ta' ksur għan-nuqqas ta' komunikazzjoni tal-miżuri ta' traspożizzjoni dwar ir-raba' Direttiva dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus kontra 21 Stat Membru: attwalment hemm tlieta li huma fl-istadju ta' tressiq quddiem il-qorti (ir-Rumanija, l-Irlanda u l-Lussemburgu), wieħed pospost (il-Greċja), disa' fl-istadju ta' Opinjonijiet Motivati, u tmienja fl-istadju ta' Ittri ta' Avviż Formali.

Il-passi li jmiss

Il-Financial Intelligence Analysis Unit ta' Malta għandha għaxart ijiem tax-xogħol minn meta tirċievi l-opinjoni biex tinforma lill-Kummissjoni u lill-Awtorità Bankarja Ewropea dwar il-miżuri li beħsiebha tieħu biex tikkonforma mal-obbligi tagħhom. Il-proċess taħt ir-Regolament EBA huwa separat minn u mingħajr preġudizzju għall-prerogattiva tal-Kummissjoni għat-tnedija ta' proċedura ta' ksur kontra Malta.

Sfond

Ir-Regolament EBA (l-artikolu 17 (4)) jagħti lill-Kummissjoni Ewropea s-setgħa li toħroġ opinjoni formali li titlob lil awtorità nazzjonali, inkarigata li timplimenta r-regoli fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus fis-settur finanzjarju, biex tieħu azzjoni biex tkun konformi b'mod sħiħ mal-liġi tal-Unjoni, fejn naqset milli tagħmel hekk. L-opinjoni formali tal-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni r-rakkomandazzjoni tal-EBA.

Skont din il-proċedura, il-Kummissjoni kienet bagħtet ittra lill-Awtorità Bankarja Ewropea f'Ottubru 2017, fejn talbitha biex tiżgura li l-istituzzjonijiet responsabbli għas-superviżjoni tal-qafas kontra l-ħasil tal-flus stabbiliti f'Malta, issodisfaw ir-rekwiżiti fil-leġiżlazzjoni tal-UE kontra l-Ħasil tal-Flus. L-Awtorità Bankarja Ewropea wettqet investigazzjoni preliminari, inkluża żjara fuq il-post fl-istituzzjonijiet Maltin rilevanti. Fil-11 ta' Lulju 2018, l-EBA ddeċidiet li l-awtorità Maltija (FIAU) kienet tabilħaqq qed tikser il-liġi tal-Unjoni u adottat rakkomandazzjoni formali lill-awtorità. Hija l-ewwel darba li l-EBA ħarġet rakkomandazzjoni ta' ksur tal-liġi tal-Unjoni fil-qasam tal-ħasil tal-flus.

Għal Aktar Informazzjoni 

Opinjoni tal-Kummissjoni indirizzata lill-Financial Intelligence Analysis Unit ta' Malta

Il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu

Rakkomandazzjoni tal-EBA

Ksur kontra Stati Membri fl-implimentazzjoni tar-raba' Direttiva dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus

 

 

 

 

IP/18/6303

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar